EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1057

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1057/2014 tat- 8 ta' Ottubru 2014 li jimplimenta l-Artikolu 11(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

ĠU L 293, 9.10.2014, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1057/oj

9.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1057/2014

tat-8 ta' Ottubru 2014

li jimplimenta l-Artikolu 11(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 753/2011 tal-1 ta' Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 753/2011.

(2)

Fil-11 ta' Frar, it-18 ta' Marzu, is-16 ta' Mejju, it-30 ta' Lulju u l-20 ta' Awwissu 2014, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni 1988 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà, aġġorna u emenda l-lista ta' individwi, gruppi, impriżi u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LUPI


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 1.


ANNESS

I.   L-entrati ta' hawn taħt għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011

A.   Individwi assoċjati mat-Taliban

1.

Qari Rahmat (magħruf ukoll bħala: Kari Rahmat).

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Kmandant tat-Taliban tal-inqas minn Frar 2010. Indirizz: a) Raħal ta' Kamkai, Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. b) Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. Data tat-twelid: a) 1981 b) 1982. Post tat-twelid: Shadal (varjant Shadaal) Bazaar, Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. Informazzjoni oħra: (a) Jiġbor taxxi u jxaħħam f'isem it-Taliban. (b) Jikkoordina ma' u jipprovdi lill-aġenti tat-Taliban fil-Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan, informazzjoni, gwida, akkomodazzjoni u armi u qiegħed apparat esplussiv improvvizzat (IED) u mexxa attakki kontra l-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF) u l-forzi Afgani. Data tan-nomina min-NU: 21.8.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Qari Rahmat ilu kmandant tat-Taliban minn tal-inqas Frar 2010. Kmieni fl-2013, Rahmat serva bħala kmandant tat-Taliban fiż-żona ta' Shadaal Bazaar tad-Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. Rahmat idderieġa l-attivitajiet ta' madwar 300 aġent tat-Taliban fid-Distrett ta' Achin u pprovda gwida operazzjonali u armi lil dawn l-aġenti. Tard fl-2012, Rahmat mexxa attakk kontra l-forzi Afgani fid-Distrett ta' Kot, Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. Min-nofs l-2012, Rahmat serva taħt ix-shadow kap Taliban tad-Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar, l-Afganistan. Matul dan iż-żmien, Rahmat kien faċilitatur Taliban li qiegħed apparat esplussiv improvvizzat u mexxa attakki kontra l-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF) u l-forzi Afgani.

 

Rahmat jiġbor ukoll taxxi u jxaħħam f'isem it-Taliban. Minn kmieni fl-2013, Rahmat ġabar it-taxxi f'isem it-Taliban minn traffikanti tad-droga fi Shadaal Bazaar, Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar. Minn nofs l-2012, Rahmat kien inkarigat mill-ġbir tat-taxxi minn traffikanti tan-narkotiċi għat-Taliban.

 

Rahmat jipprovdi informazzjoni dwar intelligence lit-Taliban. Minn kmieni fl-2013, Rahmat ipprovda lis-superjuri Talibani tiegħu informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' uffiċjali tal-gvern Afgan u tal-forzi tas-sigurtà Afgani fid-Distrett ta' Achin, Provinċja ta' Nangarhar. Rahmat ġabar intelligence għat-Taliban minn ħaddiema tal-Gvern Afgan minn nofs l-2012 u wettaq ukoll investigazzjonijiet biex jesponi informaturi tal-ISAF u tal-Gvern Afgan għall-benefiċċju tat-Taliban.

 

Rahmat ipprovda wkoll għajnuna letali, akkomodazzjoni, u gwida lill-ġellieda Talibani. Minn tard fl-2012, Rahmat ipprovda granati bi propulsjoni permezz ta' missili (RPGs — rocket-propelled grenades), mitraljatriċi ħfief PKM u azzarini tal-assalt AK-47 lit-Taliban. Rahmat ta wkoll kenn lil ġellieda tat-Taliban fil-pensjoni tiegħu u matul dan il-perijodu pprovda gwida tattika lill-ġellieda Talibani. Minn tard fl-2011, Rahmat kellu pensjoni fid-Distrett ta' Achin fejn spiss kienu joqogħdu membri tat-Taliban.

2.

Qari Saifullah Tokhi (magħruf ukoll bħala:(a) Qari Saifullah, (b) Qari Saifullah Al Tokhi, (c) Saifullah Tokhi, (d) Qari Sahab).

Titolu: Qari. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Shadow Viċi Gvernatur Taliban u kmandant operazzjonali fil-Provinċja ta' Zabul, l-Afganistan. Indirizz: Żona Chalo Bawari, Belt ta' Quetta, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Data tat-twelid: Bejn wieħed u ieħor l-1964. Post tat-twelid: Ir-Raħal ta' Daraz, Distrett ta' Jaldak wa Tarnak, Provinċja ta' Zabul, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Informazzjoni oħra: (a) Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. (b) Responsabbli għat-tqegħid ta' apparat esplussiv improvvizzat u l-organizzazzjoni ta' attakki suwiċida. (c) Deskrizzjoni fiżika: tul: 180 cm; piż: madwar 90 kg; korporatura: korporatura atletika; kulur tal-għajnejn: kannella; kulur tax-xagħar: aħmar; karnaġġjon: kannella medju. (d) Marki fiżiċi li jiddistingwu: wiċċ kbir tond, daqna sħiħa, u jzappap minħabba prosteżi tal-plastik fil-parti t'isfel ta' riġlu tax-xellug.

(e) Sfond etniku: Pashtun; Jappartjeni lit-tribù ta' Tokhi (kitba alternattiva tat-tribù: Torchi), is-subtribù ta' Barkozai (kitba alternattiva tat-tribù: Bakorzai), il-klann ta' Kishta Barkorzai (Barkorzai t'isfel). (f) Stat Ċivili: miżżewweġ. (g) Isem il-missier: Agha Mohammad. (h) Isem ħuh: Humdullah. Data tan-nomina min-NU: 19.3.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Qari Saifullah Tokhi huwa shadow Viċi Gvernatur Taliban u kmandant operazzjonali fil-Lvant tal-Provinċja ta' Zabul, l-Afganistan. Huwa kkmanda direttament żewġ gruppi ta' madwar 50 ġellieda Talibani u kellu l-kmand fuq kmandanti tat-Taliban fil-Provinċja ta' Zabul. Qari Saifullah Tokhi uża dawn il-gruppi biex jorganizza attivitajiet terroristiċi kontra l-Gvern tar-Repubblika Islamika tal-Afganistan u l-Forzi ta' Koalizzjoni fil-Lvant Provinċja ta' Zabul. Qari Saifullah Tokhi ħareġ ukoll ordnijiet lill-persuni subordinati għalih, wettaq attakki b'apparat esplussiv improvizzat (IED), attakki b'armi tan-nar ħfief, u attakki bil-missili fil-Provinċja ta' Zabul.

 

Tliet ġellieda Talibani nqatlu fil-lejl tat-2 ta' Diċembru 2012, fid-Distrett ta' Qalat, Provinċja ta' Zabul, l-Afganistan. Huma nqabdu jqiegħdu IEDs u għaldaqstant inqatlu. It-tlett irġiel kienu magħrufa bħala l-ġellieda ta' Qari Saifullah Tokhi.

 

Fl-14 ta' Jannar 2012, sitt ribelli Talibani subordnati għal Qari Saifullah Tokhi attakkaw konvoj tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF). Ir-ribelli Talibani attakkaw il-konvoj permezz ta' propulsjoni permezz ta' missili RPGs viċin ir-raħal ta' Abdul Haq Kalay, fid-Distrett ta' Tarnak Wa Jaldak.

 

Fit-28 ta' Settembru 2011, żewġ kamikazi bil-bombi taħt id-direzzjoni tal-kmandant Taliban Qari Saifullah Tokhi kienu qed jippjanaw attakki. Wieħed mill-kamikazi bil-bombi ppjana li jattakka l-iskwadra għar-rikostruzzjoni provinċjali (PRT — provincial reconstruction team) fid-Distrett ta' Qalat, il-Provinċja ta' Zabul. It-tieni kamikazi bil-bombi ppjana li jattakka l-bażi tal-ISAF fid-Distrett ta' Shajoy. Il-kamikazi bil-bombi ppjanaw li jattakkaw il-bażijiet tal-forzi ta' koalizzjoni bejn id-29 ta' Settembru u l-1 ta' Ottubru 2011.

 

Fl-20 ta' April 2011, it-Taliban, taħt it-tmexxija ta' Qari Saifullah Tokhi, wissa lin-netwerks lokali tat-telefonija ċellulari li kien ser iwaqqaf is-servizzi tagħhom fil-Provinċja ta' Zabul. Jekk is-servizzi ma jitwaqqfux skont id-direzzjoni tat-Taliban, it-Taliban hedded li jeqred l-antenni tagħhom tul it-toroq fil-Provinċja ta' Zabul.

 

Fil-25 ta' Novembru 2010, Qari Saifullah Tokhi ordna lil kmandant tat-Taliban u shadow subgvernatur tad-Distrett ta' Atghar, fil-Provinċja ta' Zabul, biex jittrasportaw armi ħfief lejn il-belt ta' Qalat, il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Zabul. Il-vjeġġ kien fih madwar 25 azzarin tat-tip Kalashnikov, 10 machine guns, 5 RPGs, u 20 granata. Kamikazi bil-bombi ppjanaw li jużaw dawn l-armi kontra l-forzi tal-ISAF u l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani, filwaqt li jimmiraw speċifikament lejn it-Tieni Brigata tal-Armata Nazzjonali Afgana u l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

3.

Yahya Haqqani (magħruf ukoll bħala: (a) Yaya (b) Qari Sahab).

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Membru Għoli tan-Netwerk Haqqani (HQN). Indirizz: A Haqqani Madrassa fiż-Żona tal-Fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Data tat-twelid: a) 1982 b) 1978. Ċittadinanza: Afgana. Informazzjoni oħra: (a) Involut mill-qrib fl-attivitajiet militari, finanzjarji u propagandisti tal-grupp. (b) Imweġġa' f'riġlu. (c) Isem missieru hu Hajji Meyawar Khan (mejjet). Data tan-nomina min-NU: 31.7.2014

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Yahya Haqqani huwa membru għoli tan-Netwerk Haqqani (HQN) li kien involut mill-qrib fl-attivitajiet militari, finanzjarji u propagandistiċi tal-grupp. Yahya aġixxa bħala kap de facto tal-grupp meta kienu assenti l-mexxejja l-aktar għolja Sirajuddin Jallaloudine Haqqani (ħaten Yahya), Badruddin Haqqani (mejjet, qabel fil-lista), u Khalil Haqqani. Yahya assuma wkoll doveri bħala persuna responsabbli għal-loġistika tal-HQN u ffaċilita l-finanzjament għall-kmandanti Haqqani inkluża persuna subordinata tal-kmandant, issa mejta, tal-HQN Sangin Zadran Sher Mohammad u kap tal-operazzjonijiet suwiċida tal-HQN, Abdul Rauf Zakir. Yahya għamilha wkoll ta' interpretu tal-Għarbi u messaġġier għal Sirajuddin Jallaloudine Haqqani.

 

Yahya mexxa attivitajiet sinifikanti ta' faċilitazzjoni b'appoġġ għall-attakki tal-HQN u attivitajiet oħrajn. Kmieni fl-2013 hu ffaċilita l-finanzjament għall-ġellieda tal-HQN. Kmieni fl-2013 ukoll, Yahya kkoordina t-trasferiment ta' provvisti mill-Emirati Għarab Magħquda lill-mexxej għoli tal-HQN Khalil Haqqani. Fl-2012, Yahya kkoordina d-distribuzzjoni ta' apparat esplussiv improvvizzat (IED) u tagħmir ta' komunikazzjoni, u eżamina wkoll it-tħejjijiet għall-attakk tas-7 ta' Awwissu 2012 mill-HQN fuq Bażi Operattiva Avvanzata ta' Koalizzjoni fil-Provinċja ta' Logar, l-Afganistan, fejn indarbu tlettax-il persuna, inklużi ħdax-il persuna ċivili Afgana. X'aktarx li Yahya kien jaf minn qabel bl-atakk ta' Ġunju 2011 fuq Intercontinental Hotel f'Kabul, l-Afganistan, immexxi minn Sirajuddin Haqqani u Badruddin Haqqani. Fl-attakk inqatlu tmintax-il persuna u tnax indarbu. Mill-2011 'l hawn, Yahya wassal flus mingħand Sirajuddin Haqqani lill-kmandanti tal-HQN għal operazzjonijiet.

 

Xi drabi, Yahya jagħmilha ta' kollegament bejn l-HQN u l-Al Qaida (AQ) u kellu rabtiet mal-AQ tal-inqas minn nofs l-2009. F'dan ir-rwol, Yahya pprovda flus lill-membri tal-AQ fir-reġjun għall-ispejjeż personali tagħhom. Min-nofs l-2009, hu kien il-kollegament primarju tal-HQN mal-ġellieda barranin, inklużi Għarab, Uzbeki u Ċeċeni.

 

Yahya mexxa u ġġestixxa wkoll attivitajiet ta' midja u ta' propaganda tal-HQN u t-Taliban. Minn kmieni fl-2012, Yahya ltaqa' ħafna drabi ma' Sirajuddin Haqqani biex jikseb l-approvazzjoni finali tal-vidjos propagandistiċi Talibani li jkun għamel Yahya. Yahya ħadem fuq affarijiet tal-HQN dwar media tal-inqas mill-2009 meta ħadem minn studjo tal-midja f'madrassa tal-HQN, jeditja vidjos mill-ġellieda Afgani. Minn tard fl-2011, Yahya akkwista flus għall-ispejjeż ta' midja tal-HQN minn Sirajuddin Haqqani jew minn wieħed mis-sostituti ta' Sirajuddin Haqqani.

 

Minn kmieni fl-2012, Yahya vvjaġġa madwar darbtejn fix-xahar, xi drabi ma' Saidullah Jan, biex jiltaqa' mal-emissarju finanzjarju tal-HQN, issa mejjet, Nasiruddin Haqqani.

4.

Saidullah Jan (magħruf ukoll bħala: Abid Khan).

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Membru għoli tan-Netwerk ta' Haqqani Network (HQN) mill-2013.Data tat-twelid: 1982. Post tat-twelid: Distrett ta' Giyan, Provinċja ta' Paktika, l-Afganistan. Informazzjoni oħra: (a) Ipprovda appoġġ kritiku ta' faċilitazzjoni lil xufiera u lil vetturi li jittrasportaw munizzjon tal-HQN. (b) Involut ukoll fl-isforzi ta' reklutaġġ tal-grupp mill-2011 'l hawn. (c) Isem missieru huwa Bakhta Jan. Data tan-nomina min-NU: 31.7.2014

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Saidullah Jan ġie inkluż fil-lista fil-31 ta' Lulju 2014 skont il-paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni 2160 (2014) minħabba “parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, fl-ippjanar, fl-iffaċilitar, fit-tħejjija jew fit-twettiq ta' atti jew attivitajiet li jsiru minn, flimkien ma', taħt isem, f'isem jew b'appoġġ għal” u “xi forma oħra ta' atti jew attivitajiet ta' appoġġ ta'” dawk l-individwi, gruppi, impriżi u entitajiet nominati u oħrajn li huma assoċjati mat-Taliban fit-theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Afganistan.

 

Saidullah Jan ilu membru għoli tan-Netwerk ta' Haqqani (HQN) mill-2013 li xi drabi għamilha wkoll ta' deputat tal-HQN, ta' kmandant tal-HQN għaż-Żona tat-Tramuntana tal-Afganistan u ta' koordinatur ewlieni tal-loġistika tal-HQN.

 

Tard fl-2013, Saidullah ipprovda appoġġ kritiku ta' faċilitazzjoni lil xufiera u lil vetturi li jittrasportaw munizzjon tal-HQN. Minn tard fl-2011, Saidullah kien ukoll involut fl-isforzi ta' reklutaġġ tal-grupp u mexxa l-evalwazzjoni ta' mill-inqas rekluta wieħed tal-HQN.

 

Tard fl-2013, Saidullah ivvjaġġa lejn il-Golf fil-kumpannija tal-persuni li jiġbru l-fondi għall-HQN Khalil Ahmed Haqqani (TI.H.150.11.), Fazl Rabi, u membri oħrajn tal-HQN inkluż faċilitatur tal-attakki. Fl-2010, Saidullah ivvjaġġa lejn il-Golf ma' grupp ta' mexxejja tal-HQN, inkluż uffiċjal tal-HQN, issa mejjet, Ahmed Jan Wazir Akhtar Mohammad.

 

Tard fl-2013, Saidullah allegatament kien fdat mill-membri tal-Al-Qaida bħala kollaboratur tal-HQN li seta' jgħin f'każ ta' kwalunkwe inkwiet inkluż arrest.

 

Minn kmieni fl-2012, Saidullah Jan xi drabi vvjaġġa ma' Yahya Haqqani biex jiltaqa' mal-emissarju finanzjarju tal-HQN, issa mejjet, Nasiruddin Haqqani.

5.

Muhammad Omar Zadran (magħruf ukoll bħala: Mohammad-Omar Jadran).

Titolu: a) Maulavi b) Mullah. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxej tan-Netwerk Haqqani (HQN) li ilu jikkmanda aktar minn 100 militant attiv fil-Provinċja ta' Khost, l-Afganistan mill-2013. Data tat-twelid: 1958. Post tat-twelid: Raħal ta' Sultan Kheyl, Distrett ta' Spera, Provinċja ta' Khost, l-Afganistan. Indirizz: Żona tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Informazzjoni oħra: Involut fit-tħejjija ta' attakki kontra forzi Afgani u internazzjonali fl-Afganistan. Data tan-nomina min-NU: 31.7.2014

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Muhammad Omar Zadran (Omar) huwa mexxej tan-Netwerk Haqqani (HQN) li ilu mill-2013 jikkmanda aktar minn 100 militant attiv fil-Provinċja ta' Khost, l-Afganistan. Omar serva bħala Shadow Gvernatur Distrettwali tal-HQN, u mill-2005 bħala kmandant taħt il-mexxej tal-HQN Sirajuddin Jallaloudine Haqqani, u ppjana jew kellu struzzjonijiet biex jippjana attakki f'isem l-HQN tal-inqas mill-2006. Omar ħadem mat-Taliban, fejn fl-2010 serva bħala membru tal-Kunsill Shura tat-Taliban stabbilit mit-Taliban biex jiddiskuti l-loġistika għal ribelli, ħtiġijiet, taħriġ, kompiti għall-kmandanti, u l-iskjerament ta' ċelloli terroristiċi fix-Xlokk tal-Afganistan. Fl-2010, Omar irċieva wkoll ordnijiet minn Sirajuddin Haqqani.

 

Omar ipparteċipa fit-tħejjija u l-ippjanar ta' attakki kontra ċittadini Afgani, il-Gvern Afgan, u l-persunal ta' Koalizzjoni fl-Afganistan f'isem kemm l-HQN kif ukoll it-Taliban. Kmieni fl-2013, Omar kien inkarigat mill-kuntrabandu ta' oġġetti esplożivi fl-Afganistan. Fl-2012, Omar u għadd kbir ta' membri oħrajn tal-HQN ħadmu fuq attakk b'apparat esplussiv improvizzat imqiegħed f'vettura kontra kamp tal-Forzi ta' Koalizzjoni u kien involut fl-ippjanar ta' attakki kontra truppi fil-Provinċja ta' Paktiya, l-Afganistan. Mill-2011 'l hawn, Omar kien involut fl-ippjanar ta' attakki suwiċida. Fl-2010, Omar ingħata l-kompitu minn kmandant tal-HQN biex jaħtaf u joqtol ċittadini Afgani lokali li jaħdmu għall-Forzi ta' Koalizzjoni fil-Provinċji ta' Khost, Paktia, Paktika, u Baghlan, l-Afganistan.

 

Fl-2010, Omar u mexxejja militanti oħra fir-reġjun qablu li jintensifikaw l-attakki kontra l-Gvern Afgan u l-Forzi ta' Koalizzjoni, jaħtfu diversi distretti u jikkontrollawhom, ifixklu l-elezzjonijiet tal-assemblea nazzjonali u l-operazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta' toroq, u jirreklutaw żgħażagħ lokali.

II.   L-entrati fil-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 għandhom jiġu sostitwiti bl-entrati li jinsabu hawn taħt.

A.   Individwi assoċjati mat-Taliban

1.

Malik Noorzai (magħruf ukoll bħala: (a) Hajji Malik Noorzai, (b) Hajji Malak Noorzai, (c) Haji Malek Noorzai, (d) Haji Maluk, (e) Haji Aminullah).

Titolu: Haji. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Finanzier Taliban. Indirizz: (a) Triq Boghra, Raħal ta' Miralzei, Chaman, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan, (b) Kalay Rangin, Distrett ta' Spin Boldak, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan. Data tat-twelid: (a) 1957, (b) 1960, (c) l-1 ta' Jannar 1963. Post tat-twelid: (a) belt konfinali ta' Chaman, il-Pakistan, (b) Pishin, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Ċittadinanza: Afgana. Nru tal-passport: Passaport Pakistani numru FA0157612, inħareġ fit-23 ta' Lulju 2009, jiskadi fit-22 ta' Lulju 2014, ilu uffiċjalment ikkanċellat mill-2013, inħareġ f'isem Allah Muhammad. Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru ta' identifikazzjoni nazzjonali Pakistana 54201-247561-5, ilha uffiċjalment ikkanċellata mill-2013. Informazzjoni oħra: (a) Għandu negozji fil-Ġappun u jivvjaġġa spiss lejn Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda, u l-Ġappun. (b) Mill-2009 'l hawn, iffaċilita attivitajiet Talibani, inkluż permezz tar-reklutaġġ u l-forniment ta' appoġġ loġistiku. (c) Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. (d) Jappartjeni lit-tribù ta' Noorzai. (e) Ħu Faizullah Khan Noorzai. (f) Isem missieru huwa Haji Khudai Nazar. Data tan-nomina min-NU: 4.10.2011.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Malik Noorzai huwa negozjant ibbażat fil-Pakistan li pprovda appoġġ finanzjarju lit-Taliban. Malik u ħuh, Faizullah Noorzai Akhtar Mohammed Mira Khan, investew miljuni ta' dollari f'diversi negozji għat-Taliban. Tard fl-2008, ir-rappreżentanti tat-Taliban avviċinaw lil Malik bħala negozjant li miegħu jinvestu fondi Talibani. Tal-inqas mill-2005, Malik ikkontribwixxa personalment ukoll għexieren ta' eluf ta' dollari u qassam mijiet ta' eluf ta' dollari lit-Taliban, li wħud minnhom inġabru minn donaturi fir-reġjun tal-Golf u l-Pakistan u wħud minnhom kienu l-flus ta' Malik stess. Malik kien responsabbli għal kont hawala fil-Pakistan li rċieva għexieren ta' eluf ta' dollari trasferiti mill-Golf kull ftit xhur biex jiġu appoġġati l-attivitajiet Talibani. Malik iffaċilita wkoll attivitajiet Talibani. Fl-2009, Malik kien serva bħala l-kap gwardjan ta' madrassa (skola reliġjuża) għal 16-il sena fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan, li ntużat mit-Taliban għall-indottrinazzjoni u t-taħriġ ta' rekluti. Fost affarijiet oħra, Malik ta l-fondi li appoġġaw il-madrassa. Malik, flimkien ma' ħuh, qeda wkoll rwol fil-ħżin ta' vetturi li jintużaw fl-operazzjonijiet suwiċida Talibani bil-bombi u għen biex iċaqlaq ġellieda tat-Taliban madwar il-Provinċja ta' Helmand, fl-Afganistan. Malik għandu negozji fil-Ġappun u spiss iżur Dubai u l-Ġappun għan-negozju. Mill-2005 ' l hawn, Malik kellu negozju tal-importazzjoni tal-vetturi fl-Afganistan li importa vetturi minn Dubai u l-Ġappun. Huwa importa karozzi, partijiet tal-karozzi u ħwejjeġ minn Dubai u l-Ġappun għan-negozji tiegħu, li fihom investew żewġ kmandanti tat-Taliban. F'nofs l-2010, Malik u ħuh assiguraw ir-rilaxx ta' mijiet ta' kontejners tal-merkanzija, maħsuba li jiswew miljuni ta' dollari, li l-awtoritajiet Pakistani ssekwestraw iktar kmieni dik is-sena għax kienu tal-fehma li dawk li kellhom jirċevuhom kellhom konnessjoni mat-terroriżmu.

2.

Khairullah Barakzai Khudai Nazar (magħruf ukoll bħala (a) Haji Khairullah, (b) Haji Khair Ullah, (c) Haji Kheirullah, (d) Haji Karimullah, (e) Haji Khair Mohammad).

Titolu: Haji. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Sid konġunt ta' Haji Khairullah Haji Sattar Money Exchange. Data tat-Twelid: 1965. Post tat-Twelid: (a) Raħal ta' Zumbaleh, Distrett ta' Nahr-e Saraj, Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan (b) Raħal ta' Mirmadaw, Distrett ta' Gereshk, Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan. (c) Qilla Abdullah, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Nru tal-passaport: BP4199631 (Passaport Pakistani, jiskadi fil-25 ta' Ġunju 2014, ilu uffiċjalment ikkanċellat mill-2013). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali Pakistana 5440005229635, ilha uffiċjalment ikkanċellata mill-2013. Indirizz: Abdul Manan Chowk, Pashtunabad, Quetta, Provinċja ta' Baluchistan, il-Pakistan. Informazzjoni oħra: (a) Assoċjat ukoll ma' Abdul Satar Abdul Manan. (b) Jappartjeni lit-tribù ta' Barakzai. (c) Isem missieru huwa Haji Khudai Nazar. (d) L-isem alternattiv ta' missieru huwa Nazar Mohammad. Data tan-nomina min-NU: 29.6.2012.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Khairullah Barakzai Khudai Nazar huwa sid konġunt u operatur ta' Haji Khairullah Haji Sattar Money Exchange (HKHS). Minn tard fl-2009, Khairullah u Abdul Satar Abdul Manan kellhom sħubija ugwali fl-HKHS. Huma ħaddmu b'mod konġunt hawalas magħrufa bħala HKHS fl-Afganistan, il-Pakistan, u Dubai u mexxew fergħa tal-HKHS fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Minn kmieni fl-2010, Khairullah kien il-kap tal-fergħa tal-HKHS f'Kabul. Fl-2010, Khairullah kien hawaladar għat-tmexxija għolja tat-Taliban u pprovda għajnuna finanzjarja lit-Taliban. Khairullah, flimkien mas-sieħeb tan-negozju tiegħu Satar, ipprovda eluf ta' dollari lit-Taliban biex jappoġġa attivitajiet tat-Taliban fl-Afganistan. Mill-2008, Khairullah u Satar ġabru flus minn donaturi u qassmu l-fondi lit-Taliban billi użaw il-hawala tagħhom.

3.

Ahmed Shah Noorzai Obaidullah (magħruf ukoll bħala:(a) Mullah Ahmed Shah Noorzai, (b) Haji Ahmad Shah, (c) Haji Mullah Ahmad Shah, (d) Maulawi Ahmed Shah, (e) Mullah Mohammed Shah).

Titolu: (a) Mullah (b) Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Ipprovda servizzi finanzjarji lil Ghul Agha Ishakzai u Talibani oħrajn fil-Provinċja ta' Helmand. Data tat-twelid: (a) l-1 ta' Jannar 1985(b) 1981 Post tat-twelid: Quetta, il-Pakistan. Nru tal-passaport: Passaport Pakistani numru NC5140251 maħruġ fit-23 ta' Ottubru 2009 jiskadi fit-22 ta' Ottubru 2014, ilu uffiċjalment ikkanċellat mill-2013. Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru tal-karta tal-identità nazzjonali Pakistana 54401-2288025-9, ilha uffiċjalment ikkanċellata mill-2013. Indirizz: Quetta, il-Pakistan. Informazzjoni oħra: (a) Huwa sid ta' u jopera r-Roshan Money Exchange. Data tan-nomina min-NU: 26.2.2013

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Ahmed Shah Noorzai Obaidullah huwa sid ta' u jopera r-Roshan Money Exchange, li tipprovdi appoġġ finanzjarju, materjali, jew teknoloġiku, jew servizzi finanzjarji u servizzi oħrajn lil jew b'appoġġ għat-Taliban. Ir-Roshan Money Exchange taħżen u tittrasferixxi fondi biex jappoġġaw operazzjonijiet militari tat-Taliban u r-rwol tat-Taliban fil-kummerċ tan-narkotiċi Afgan. Mill-2011 'l hawn, ir-Roshan Money Exchange kienet waħda mill-fornituri ta' servizzi ta' flus prinċipali (jew “hawalas”) użati mill-uffiċjali tat-Taliban fil-Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan.

 

Ahmed Shah ipprovda servizzi hawala lill-mexxejja tat-Taliban fil-Provinċja ta' Helman għal numru ta' snin u, mill-2011 'l hawn, kien fornitur fdat ta' servizzi ta' flus għat-Taliban. Kmieni fl-2012, it-Taliban ordna lil Ahmed Shah jittrasferixxi flus lil numru ta' hawalas f'Lashkar Gah, il-Provinċja ta' Helmand, minn fejn kmandant għoli tat-Taliban kien imbagħad jalloka l-fondi.

 

Tard fl-2011, Ahmed Shah ikkonsolida mijiet ta' eluf ta' dollari Amerikani biex jgħaddihom lill-Kummissjoni tal-Finanzi tat-Taliban u ttrasferixxa mijiet ta' eluf ta' dollari Amerikani għat-Taliban, inkluż lil kmandanti għolja tat-Taliban. Ukoll tard fl-2011, Ahmed Shah irċieva permezz tal-fergħa tal-hawala tiegħu fi Quetta, il-Pakistan, trasferiment f'isem it-Taliban, li minnu ntużaw flus biex jinxtara fertilizzant u komponenti għal apparat esplussiv improvizzat (IED), inklużi batteriji u niċċa detonatriċi. F'nofs l-2011, il-kap tal-kummissjoni tal-finanzi tat-Taliban Gul Agha Ishakzai ta struzzjonijiet lil Ahmed Shah biex jiddepożita diversi miljuni ta' dollari Amerikani fir-Roshan Money Exchange għat-Taliban. Gul Agha spjega li meta kien meħtieġ trasferiment ta' flus, hu kien jinforma lil Ahmed Shah min hu t-Taliban li kellu jirċevihom.

 

Ahmed Shah imbagħad kien jipprovdi l-fondi meħtieġa permezz tas-sistema tal-hawala tiegħu. Minn nofs l-2010, Ahmed Shah mexxa flus bejn il-Pakistan u l-Afganistan għal kmandanti tat-Taliban u għal traffikanti tan-narkotiċi. Barra mill-attivitajiet tiegħu ta' faċilitazzjoni, Ahmed Shah għamel donazzjonijiet ta' somom kbar ta' flus imma mhux speċifiċi lit-Taliban fl-2011.

4.

Jalaluddin Haqqani (magħruf ukoll bħala:(a) Jalaluddin Haqani, (b) Jallalouddin Haqqani, (c) Jallalouddine Haqani).

Titolu: Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Ministru tal-Affarijiet tal-Fruntieri taħt ir-reġim tat-Taliban. Data tat-twelid: (a) Bejn wieħed u ieħor l-1942; (b) Bejn wieħed u ieħor l-1948. Post tat-twelid: (a) fl-inħawi ta' Garda Saray, Distrett ta' Waza Zadran, Provinċja ta' Paktia, l-Afganistan; (b) Distrett ta' Neka, Provinċja ta' Paktika, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Informazzjoni oħra: (a) Missier Sirajuddin Jallaloudine Haqqani; Nasiruddin Haqqani u Badruddin Haqqani (mejjet); (b) Ħu Mohammad Ibrahim Omari u Khalil Ahmed Haqqani; (c) Huwa mexxej attiv tat-Taliban, (d) Maħsub li qiegħed fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan, (e) Kap tal-Miram Shah Shura tat-Taliban mill-2008, (f) Jappartjeni lit-tribu ta' Zadran. Data tan-nomina min-NU: 31.1.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Jalaluddin Haqqani għandu relazzjonijiet mill-qrib ma' Mohammed Omar u kellu relazzjonijiet mill-qrib ma' Usama bin Laden (mejjet). Huwa missier Sirajuddin Jallaloudine Haqqani, Nasiruddin Haqqani u Badruddin Haqqani (mejjet), u ħu Mohammad Ibrahim Omari u Khalil Ahmed Haqqani. Huwa mexxej Taliban attiv. Jalaluddin Haqqani kien ukoll il-medjatur bejn l-Al-Qaida u t-Taliban fl-2007. Huwa kien il-President tal-'Kunsill Miram Shah' tat-Taliban f'Ġunju 2008.

 

Oriġinarjament kien kmandant għall-Partit Iżlamiku Mwalawi Hezbi fil-provinċji ta' Khost, Paktika u Paktia. Aktar tard ingħaqad mat-Taliban u nħatar Ministru tal-Affarijiet tal-Fruntieri. Wara l-waqgħa tar-reġim tat-Taliban, flimkien ma' elementi tat-Taliban u tal-Al-Qaida, ħarab lejn it-Tramuntana tal-Waziristan u reġa' beda jgħaqqad il-milizzji tiegħu għall-ġlieda kontra l-Gvern tal-Afganistan.

 

Haqqani ġie akkużat b'involviment fl-ibbumbardjar tal-Ambaxxata Indjana f'Kabul fl-2008 u bl-attentat ta' qtil tal-President Karzai waqt parata militari f'Kabul li saret qabel fl-istess sena. Haqqani kien implikat ukoll f'attakk fuq bini ministerjali f'Kabul fi Frar 2009.

 

Jalaluddin Haqqani huwa l-fundatur tan-Netwerk ta' Haqqani.

5.

Nasiruddin Haqqani (magħruf ukoll bħala: (a) Naseer Haqqani, (b) Dr Naseer Haqqani, (c) Nassir Haqqani, (d) Nashir Haqqani, (e) Naseruddin, (f) Dr Alim Ghair).

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxej tan-Netwerk ta' Haqqani, li jopera mit-Tramuntana tal-Waziristan fiż-Żoni Tribali Amministrati Federalment tal-Pakistan. Data tat-twelid: Bejn wieħed u ieħor 1970-1973. Post tat-twelid: Distrett ta' Neka, Provinċja ta' Paktika, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Indirizz: Pakistan. Informazzjoni oħra: (a) Iben Jalaluddin Haqqani. (b) Ivvjaġġa lejn l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għat-Taliban. (c) Maħsub li ilu mejjet mill-2013. Data tan-nomina min-NU: 20.7.2010.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

In-Netwerk ta' Haqqani huwa grupp ta' militanti affiljati mat-Taliban li jopera mill-Aġenzija tat-Tramuntana tal-Waziristan fiż-Żoni Tribali Amministrati Federalment tal-Pakistan. Qiegħed fuq quddiem fl-attività ta' ribelljoni fl-Afganistan, responsabbli għal ħafna attakki ta' profil għoli. It-tmexxija tan-Netwerk ta' Haqqani hija magħmula mill-ikbar tliet ulied subien ta' Jalaluddin Haqqani, li wieħed minnhom huwa Nasiruddin Haqqani.

 

Nasiruddin Haqqani jaħdem bħala emissarju għan-Netwerk ta' Haqqani u jqatta' ħafna mill-ħin tiegħu jiġbor il-flus. Fl-2004, Haqqani vvjaġġa lejn l-Arabja Sawdija ma' assoċjat tat-Taliban biex jiġbor fondi għat-Taliban. Huwa pprovda wkoll fondi fl-2004 lil militanti fl-Afganistan sabiex jiġu mxekkla l-elezzjonijiet presidenzjali Afgani. Mill-inqas mill-2005 sal-2008, Nasiruddin Haqqani ġabar fondi għan-Netwerk ta' Haqqani permezz ta' diversi vjaġġi għall-ġbir ta' fondi, inkluż matul vjaġġi regolari lejn l-Emirati Għarab Magħquda fl-2007 u permezz ta' vjaġġ għall-ġbir ta' fondi lejn stat ieħor tal-Golf fl-2008.

 

Minn nofs l-2007, huwa maħsub li Haqqani kellu tliet sorsi ewlenin ta' finanzjament: donazzjonijiet mir-reġjun tal-Golf, traffikar ta' drogi, u ħlasijiet mill-Al-Qaida. Tard fl-2009, Nasiruddin Haqqani rċieva bosta mijiet ta' eluf ta' dollari minn individwi assoċjati mal-Al-Qaida fil-Peniżola Għarbija sabiex dawn jintużaw għal attivitajiet tan-Netwerk ta' Haqqani.

6.

Abdul Habib Alizai (magħruf ukoll bħala a) Haji Agha JanAlizai b) Hajji Agha Jan c) Agha Jan Alazai d) Haji Loi Lala e) Loi Agha f) Abdul Habib g) Agha Jan Alizai

Image

(qabel imniżżel hekk)).

Titolu: Haji Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxa netwerk tat-traffikar ta' drogi fil-Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan. Data tat-twelid: a)15.10.1963b)14.2.1973c) 1967 d) Bejn wieħed u ieħor l-1957. Data tat-twelid: a) Raħal ta' Yatimchai, Distrett ta' Musa Qala, il-Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan b) Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan Ċittadinanza: Afgana Informazzjoni oħra: (a) Ivvjaġġa regolarment lejn il-Pakistan. Data tan-nomina min-NU: 4.11.2010

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Agha Jan Alizai mexxa wieħed mill-ikbar netwerks ta' traffikar tad-drogi f'Helmand, l-Afganistan, u pprovda fondi lit-Taliban bi skambju għall-protezzjoni tal-attivitajiet tiegħu ta' traffikar tan-narkotiċi. Fl-2008, grupp ta' traffikanti tan-narkotiċi, inkluż Alizai, qablu li titħallas it-taxxa Talibana fuq l-art fejn kien jinżera' l-peprin xaħxieħi bi skambju għall-qbil Taliban li jiġi organizzat it-trasport għal materjali narkotiċi. It-Taliban qabel ukoll li jipprovdi sigurtà għat-traffikanti tan-narkotiċi u tas-siti ta' ħżin tagħhom, filwaqt li t-traffikanti jipprovdu kenn u trasport lill-ġellieda Talibani. Alizai kien ukoll involut fix-xiri ta' armi għat-Taliban u vvjaġġa regolarment lejn il-Pakistan biex jiltaqa' ma' mexxejja għolja Talibani. Alizai ffaċilita wkoll l-akkwist ta' passaporti frodulenti Iranjani minn membri Talibani sabiex dawn jivvjaġġaw lejn l-Iran għal taħriġ. Fl-2009, Alizai pprovda passaport u fondi lil kmandant tat-Taliban biex jivvjaġġa lejn l-Iran.

7.

Ahmed Jan Wazir Akhtar Mohammad (magħruf ukoll bħala: (a) Ahmed Jan Kuchi, (b) Ahmed Jan Zadran)

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Kmandant ewlieni tan-Netwerk ta' Haqqani, li hu bbażat fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. (b) Jaġixxi ta' deputat, kelliem u konsulent għall-mexxej għoli tan-Netwerk ta' Haqqani Sirajuddin Jallaloudine Haqqani. Data tat-twelid: 1963. Post tat-twelid: Raħal ta' Barlach, Distrett ta' Qareh Bagh, Provinċja ta' Ghazni, l-Afganistan. Informazzjoni oħra: (a) Uffiċjal tal-Ministeru tal-Finanzi matul ir-reġim Taliban. (b) Jikkomunika mal-Kunsill Suprem tat-Taliban. (c) Ivvjaġġa barra mill-pajjiż. (d) Jikkomunika mal-kmandanti tat-Taliban fil-Provinċja ta' Ghazni, l-Afganistan, u jipprovdilhom flus, armi, tagħmir ta' komunikazzjoni u provvisti. (e) Maħsub li ilu mejjet mill-2013. Data tan-nomina min-NU: 6.1.2012.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Ahmed Jan Wazir huwa kmandant ewlieni fin-Netwerk ta' Haqqani; grupp ta' militanti affiljati mat-Taliban li jopera mir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Ahmed Jan Wazir jaġixxi bħala viċi, konsulent u kelliem għal Sirajuddin Haqqani, mexxej għoli tan-Netwerk ta' Haqqani, u jmexxi laqgħat f'isem in-Netwerk ta' Haqqani. Tard fl-2010, Ahmed Jan Wazir ivvjaġġa ma' membri għolja tan-Netwerk ta' Haqqani lejn il-Golf.

 

Ahmed Jan Wazir irrappreżenta n-Netwerk ta' Haqqani fi shura tat-Taliban u serva bħala intermedjarju bejn in-Netwerk ta' Haqqani u t-Taliban fil-Provinċja ta' Ghazni, l-Afganistan. Fl-2008, militanti tat-Taliban u ta' Al-Qaida ħatru lil Ahmed Jan Wazir bħala kmandant tat-Taliban fil-Provinċja ta' Ghazni. Huwa pprovda flus u provvisti, inklużi armi u tagħmir għall-komunikazzjoni lil kmandanti oħra tat-Taliban fil-Provinċja ta' Ghazni. Matul ir-reġim Taliban, huwa kien impjegat mill-Ministeru tal-Finanzi.

8.

Bakht Gul (magħruf ukoll bħala: (a) Bakhta Gul, (b) Bakht Gul Bahar, (c) Shuqib).

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Assistent tal-komunikazzjoni ta' Badruddin Haqqani (mejjet). (b) Jikkoordina wkoll il-moviment ta' ribelli, ġellieda barranin u armi ta' Haqqani fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Data tat-twelid: 1980. Post tat-Twelid: Raħal ta' Aki, Distrett ta' Zadran, Provinċja ta' Paktiya, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Indirizz: Miram Shah, it-Tramuntanta ta' Waziristan, iż-Żoni Tribali Amministrati Federalment tal-Pakistan. Informazzjoni oħra: Jappartjeni lit-tribù ta' Zadran. Data tan-nomina min-NU: 27.6.2012.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bahkt Gul ilu uffiċjal tal-komunikazzjoni ewlieni tan-Netwerk ta' Haqqani tal-inqas mill-2009, meta l-predeċessur tiegħu ġie arrestat fl-Afganistan. Mill-2011 'l hawn, Gul kompla jirrapporta direttament lil Badruddin Haqqani (mejjet), mexxej għoli tan-Netwek ta' Haqqani, u serva ta' intermedjarju għal dawk li xtaqu jikkuntattjawh. Ir-responsabbiltajiet ta' Gul jinkludu li jgħaddi rapporti minn kmandanti fl-Afganistan lil uffiċjali għolja tan-Netwerk ta' Haqqani, uffiċjali tal-mezzi tax-xandir tat-Taliban, u mezzi ta-xandir leġittimi fl-Afganistan. Gul jaħdem ukoll ma' uffiċjali tan-Netwerk ta' Haqqani, fosthom Badruddin Haqqani, biex jikkoordina l-moviment ta' ribelli, ġellieda barranin u armi tan-Netwerk ta' Haqqani fir-reġjun tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan u l-Lvant tal-Afganistan. Mill-2010 'l hawn, Gul għadda ordnijiet operazzjonali mingħand Badruddin Haqqani lil ġellieda fl-Afganistan. Tard fl-2009, Gul qassam flus lil sottokmandanti tan-Netwerk ta' Haqqani li kienu qed jivvjaġġaw bejn Miram Shah u l-Afganistan.

9.

Abdul-Haq Wassiq (magħruf ukoll bħala:(a)Abdul-Haq Wasseq, (b) Abdul Haq Wasiq).

Titolu: Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Viċi Ministru tas-Sigurtà (Intelligence) taħt ir-reġim Taliban. Data tat-twelid: (a) Bejn wieħed u ieħor l-1975, (b) 1971. Post tat-twelid: Raħal ta' Gharib, Distrett ta' Khogyani, Provinċja ta' Ghazni, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Indirizz: Il-ħabs tal-Bajja ta' Guantanamo. Informazzjoni oħra: Miżmum fil-kustodja tal-Istati Uniti tal-Amerika mill-2011. Data tan-nomina min-NU: 31.1.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdul-Haq Wassiq huwa alleat ma' Gulbuddin Hekmatyar. Taħt ir-reġim Taliban, kellu pożizzjonijiet suċċessivi bħala kmandant lokali fil-provinċji ta' Nimroz u Kandahar. Huwa mbagħad sar Viċi Direttur Ġenerali tal-Intelligence, u kien jaħdem għal Qari Ahmadullah. F'din il-funzjoni, huwa kien responsabbli milli jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet ma' ġellieda barranin marbuta mal-Al-Qaida u l-kampijiet ta' taħriġ tagħhom fl-Afganistan. Kien ukoll magħruf għall-metodi repressivi tiegħu kontra l-opponenti tat-Taliban fin-Nofsinhar tal-Afganistan.

10.

Abdul Jalil Haqqani Wali Mohammad (magħruf ukoll bħala: (a) Abdul Jalil Akhund (b) Akhter Mohmad (c) Haji Gulab Gul (d) Abdul Jalil Haqqani (d) Nazar Jan)

Titolu: (a) Maulavi (b) Mullah. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban minn Mejju 2007 'l hawn, (b) Membru tal-Kummissjoni Finanzjarja tal-Kunsill tat-Taliban, (c) Responsabbli għal-loġistika tat-Taliban u wkoll attiv bħala negozjant fil-kapaċità personali tiegħu minn nofs l-2013. (d) Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin taħt ir-reġim tat-Taliban. Data tat-twelid: Bejn wieħed u ieħor l-1963. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Khwaja Malik, Distrett ta' Arghandaab, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan, (b) Belt ta' Kandahar, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Nru tal-passport: (a) Numru tal-passaport: OR 1961825 (maħruġ taħt l-isem Akhter Mohmad, iben Noor Mohmad, imwieled f'Kandahar fl-1965) maħruġ fl-4.2.2003 mill-Konsulat Afgan fi Quetta, il-Pakistan, skada fit-2.2.2006). (b) Numru tal-passaport: TR024417 (maħruġ taħt l-isem Haji Gulab Gul iben Haji Hazrat Gul, imwieled fl-1955 f'Logar, fl-Afghanistan) maħruġ fl-20.11.2003 mid-Dipartiment Ċentrali tal-Passaporti f'Kabul, fl-Afghanistan, skada fid-29 ta' Diċembru 2006. Informazzjoni oħra: (a) Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan, (b) Jappartjeni lit-tribù ta' Alizai. (c) Ħu Atiqullah Wali Mohammad. Data tan-nomina min-NU: 25.1.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdul Jalil Haqqani Wali Mohammad kien membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban minn Mejju 2007 u membru tal-Kummissjoni Finanzjarja tal-Kunsill tat-Taliban.

11.

Abdulhai Motmaen (magħruf ukoll bħala (a) Abdul Haq)

Titolu: Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Kultura fil-Provinċja ta' Kandahar taħt ir-reġim tat-Taliban, (b) Kelliem tar-reġim tat-Taliban. Data tat-twelid: Bejn wieħed u ieħor l-1973. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Shinkalai, Distrett ta' Nad-e-Ali, Provinċja ta' Helmand, l-Afganistan; (b) Provinċja ta' Zabul, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Numru tal-passaport Afgan OA462456 (maħruġ taħt l-isem Abdul Haq iben M. Anwar Khan) maħruġ fil-31.1.2012 (11-11-1390) mill-Konsulat Ġenerali Afgan f'Peshawar, il-Pakistan. Informazzjoni oħra: (a) Familja oriġinarjament minn Zabul, iżda wara stabbilixxew ruħhom f'Helmand, (b) Ilu membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban u kelliem għal Mullah Mohammed Omar mill-2007, (c) Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan, (d) Jappartjeni lit-tribù ta' Kharoti. Data tan-nomina min-NU: 23.2.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdulhai Motmaen kien il-kelliem għoli għat-Taliban u kien jagħmel stqarrijiet tat-Taliban dwar politika barranija. Kien ukoll assoċjat qrib ta' Mohammed Omar (TI.O.4.01). Kien membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban u kelliem għal Mohammed Omar mill-2007 'l hawn.

12.

Najibullah Haqqani Hidayatullah (magħruf ukoll bħala Najibullah Haqani)

Titolu: Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Viċi Ministru tal-Finanzi taħt ir-reġim tat-Taliban. (b) Membru tat-Taliban responsabbli għall-Provinċja ta' Laghman minn tard fl-2010. Data tat-twelid: 1971. Post tat-twelid: Raħal ta' Moni, Distrett ta' Shigal, Provinċja ta' Kunar. Ċittadinanza: Afgana Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru tal-karta tal-identità nazzjonali Afgana (tazkira) 545167, maħruġa fl-1974. Informazzjoni oħra: (a) Kuġin ta' Moulavi Noor Jalal. (b) Isem nannuh hu Salam. (c) Maħsub li jinsab fl-inħawi tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Data tan-nomina min-NU: 23.2.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Najibullah Haqqani Hydayatullah kien ukoll Viċi Ministru tal-Finanzi tar-reġim tat-Taliban. Din in-nomina żdiedet mal-Lista fit-18 ta' Lulju 2007. Fis-27 ta' Settembru 2007, dan l-isem fuq il-lista ġie aġġornat biex tneħħiet in-nomina oriġinali ta' “Viċi Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi tar-reġim tat-Taliban”.

 

Najibullah Haqqani Hydayatullah kien membru tal-Kunsill tat-Taliban fil-Provinċja ta' Kunar, fl-Afganistan, f'Mejju 2007. Huwa kuġin ta' Noor Jalal.

 

F'Ġunju 2008, it-tmexxija tat-Taliban ħatritu bħala l-persuna responsabbli għall-attività militari fil-Provinċja ta' Kunar.

 

Najibullah Haqqani Hidayatullah kien membru tat-Taliban responsabbli għall-Provinċja ta' Laghman minn tard fl-2010.

13.

Abdul Raqib Takhari

Titolu: Maulavi. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Ministru tar-Ripatrijazzjoni taħt ir-reġim tat-Taliban. (b) Membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban responsabbli mill-provinċji ta' Takhar u Badakhshan f'Diċembru 2009. Data tat-twelid: Bejn l-1968 u l-1973. Post tat-twelid: Raħal ta' Zardalu Darra, Distrett ta' Kalafgan, Provinċja ta' Takhar, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Informazzjoni oħra: Ikkonfermat bħala maqtul fis-17 ta' Frar f'Peshwar, il-Pakistan u midfun fil-Provinċja ta' Takhar, l-Afganistan. Data tan-nomina min-NU: 25.1.2001.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdul Raqib Takhari kien membru tal-Kunsill Suprem tat-Taliban responsabbli għall-Provinċji ta' Takhar u Badakhshan f'Diċembru 2009.

14.

Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammad (magħruf ukoll bħala Saleh Mohammad)

Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: (a) Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammadhuwa traffikant tan-narkotiċi li mexxa netwerk organizzat ta' kuntrabandu fil-Provinċji ta' Kandahar u Helmand, fl-Afganistan, li kien jaqdi l-ħtiġijiet loġistiċi u finanzjarji tat-Taliban. Data tat-twelid: (a) Bejn wieħed u ieħor l-1962, (b) 1961. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Nalghan, Distrett ta' Panjwai, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan, (b) Raħal ta' Sangesar, Distrett ta' Panjway, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Indirizz: Distrett ta' Daman, Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan. Informazzjoni oħra: (a) Mexxa netwerk organizzat ta' kuntrabandu fil-provinċji ta' Kandahar u Helmand, l-Afganistan, (b) Qabel, kien iħaddem laboratorji ta' pproċessar tal-eroina f'Band-e-Temur, il-Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan, (c) Kien sid ta' negozju tal-karozzi f'Mirwais Mena, fid-Distrett ta' Dand fil-Provinċja ta' Kandahar, l-Afganistan, (d) Meħlus mill-kustodja fl-Afganistan fl-2014, (e) Imħallat biż-żwieġ ma' Mullah Ubaidullah Akhund Yar Mohammad Akhund (f) Jappartjeni lit-tribù ta' Kakar. Data tan-nomina min-NU: 4.11.2010.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammadhuwa traffikant tan-narkotiċi li mexxa netwerk organizzat ta' kuntrabandu fil-Provinċji ta' Kandahar u Helmand, l-Afganistan, li kien jissodisfa l-bżonnijiet loġistiċi u finanzjarji tat-Taliban. Qabel ma ġie arrestat mill-awtoritajiet Afgani, Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammadħaddem laboratorji tal-ipproċessar tal-eroina fl-inħawi ta' Band-e-Temur tal-Provinċja ta' Kandahar li kienu protetti mit-Taliban.

 

Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammadkien f'kuntatt ma' mexxejja Talibani għoljin, ġabar flus kontanti f'isimhom mit-traffikanti tan-narkotiċi u amministra u ħeba flus li kienu jappartjenu lil mexxejja Talibani għoljin. Kien ukoll responsabbli milli jiffaċilita l-ħlasijiet tat-taxxa lit-Taliban f'isem it-traffikanti tan-narkotiċi. Saleh Mohammad Kakar Akhtar Muhammadkien propjetarju ta' negozju tal-karozzi f'Kandahar u pprovda lit-Taliban b'vetturi biex jintużaw f'attakki suwiċida.


Top