Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1027

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1027/2014 tal- 25 ta' Lulju 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew Stati li kkonkludew in-negozjati

    ĠU L 284, 30.9.2014, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/07/2016; Imħassar b' 32016R1076

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1027/oj

    30.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 284/5


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1027/2014

    tal-25 ta' Lulju 2014

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew Stati li kkonkludew in-negozjati

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew Stati li kkonkludew in-negozjati (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 2a u 2b tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tar-reġim ta' importazzjoni bla dazju u bla kwoti tal-UE hija stabbilita mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 (Ir-Regolament għall-Aċċess għas-Suq).

    (2)

    In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (il-Ftehim) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, ġew konklużi fis-17 ta' Diċembru 2007.

    (3)

    Il-Botswana, il-Kamerun, il-Côte d'Ivoire, il-Fiġi, il-Gana, il-Kenja, in-Namibja u s-Sważiland ma kinux ħadu l-passi neċessarji għar-ratifika tal-ftehimiet rispettivi tagħhom. Konsegwentement, f'konformitá mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u partikolarment il-punt (b) tiegħu, l-Anness I ta' dak ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 527/2013. Dawk il-pajjiżi ma baqgħux koperti minn arranġament ta' aċċess għas-suq kif permess skont ir-Regolament (KE) Nru 1528/2007, mill-1 ta' Ottubru 2014.

    (4)

    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikoli 2a u 2b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 sabiex temenda l-Anness I ta' dak ir-Regolament billi terġa' ddaħħal dawk il-pajjiżi li tneħħew skont ir-Regolament (UE) Nru 527/2013, hekk kif dawk il-pajjiżi jkunu ħadu l-passi meħtieġa biex jirratifikaw il-Ftehimiet rispettivi tagħhom.

    (5)

    Il-Kamerun ħa l-passi neċessarji biex jirratifika l-Ftehim tiegħu u informa d-depożitorju tal-Ftehim b'dan il-fatt fit-22 ta' Lulju 2014,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-reintegrazzjoni ta' pajjiżi fl-Anness I

    Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, jiddaħħal il-pajjiż li ġej:

     

    Ir-Repubblika tal-Kamerun.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa japplika mill-1 ta' Ottubru 2014.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 59.


    Top