Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0907

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal- 11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro

    ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/907/oj

    28.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/18


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 907/2014

    tal-11 ta’ Marzu 2014

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8(1), 40, 46(1), 46(2), 46(3), 46(4), 53(3), 57(1), 66(3), 79(2), 106(5) u (6) u 120 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 stabbilixxa d-dispożizzjonijiet bażiċi li jikkonċernaw, fost oħrajn, l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti u tal-korpi ta’ koordinazzjoni, l-obbligi tal-aġenziji tal-pagamenti rigward l-intervent pubbliku, il-ġestjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ approvazzjoni, il-garanziji u l-użu tal-euro. Biex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli biex jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fl-oqsma kkonċernati. Ir-regoli l-ġodda għandhom jieħdu post ir-Regolamenti tal-Kummissjoni eżistenti (KE) Nru 883/2006 (2), (KE) Nru 884/2006 (3), (KE) Nru 885/2006 (4), (KE) Nru 1913/2006 (5), (UE) Nru 1106/2010 (6), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (7), li kienu bbażati fuq Regolamenti tal-Kunsill li diġà ġew sostitwiti bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2006, (KE) Nru 884/2006, (KE) Nru 885/2006, (KE) Nru 1913/2006, (UE) Nru 1106/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012 għandhom jiġu revokati.

    (2)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 l-aġenziji tal-pagamenti għandhom jiġu akkreditati mill-Istati Membri biss jekk jikkonformaw ma’ ċerti kriterji minimi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-kriterji għandhom ikopru erba’ oqsma ġenerali: l-ambjent intern, l-attivitajiet ta’ kontroll, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-monitoraġġ. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu kriterji ta’ akkreditazzjoni addizzjonali li jqisu kull karatteristika speċifika ta’ aġenzija tal-pagamenti. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli rigward il-kriterji għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (3)

    Il-miżuri ta’ intervent pubbliku jistgħu jiġu ffinanzjati biss jekk in-nefqa kkonċernata tiġġarrab mill-aġenziji tal-pagamenti maħturin bħala responsabbli minn ċerti obbligi li jikkonċernaw l-intervent pubbliku mill-Istati Membri. Madankollu, it-twettiq tax-xogħol marbut, b’mod partikolari, mal-amministrazzjoni u l-verifika tal-miżuri ta’ intervent, minbarra l-ħlas tal-għajnuna, jista’ jiġi ddelegat skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Għandu jkun possibbli wkoll li jwettqu dan ix-xogħol diversi aġenziji tal-pagamenti. Għandu jiġi stabbilit ukoll li l-ġestjoni ta’ ċerti miżuri ta’ ħżin pubbliku tiġi fdata lil partijiet terzi, kemm korpi pubbliċi kif ukoll privati, taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija tal-pagamenti. Għalhekk jixraq li jiġi speċifikat l-ambitu tar-responsabbiltà tal-aġenziji tal-pagamenti f’dan il-kuntest, li jiġu speċifikati l-obbligi tagħhom u jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet u skont liema regoli tista’ tiġi fdata l-ġestjoni ta’ ċerti miżuri ta’ ħżin pubbliku lil partijiet terzi, li jkunu korpi pubbliċi jew privati. F’dan il-każ, għandu jiġi stipulat li l-korpi konċernati għandhom jaġixxu taħt kuntratt fuq il-bażi tal-obbligi ġenerali u l-prinċipji li għandhom jiġu ddefiniti.

    (4)

    Il-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, għall-FAEG, tinkludi perjodi għall-ħlas tal-għajnuniet lill-benefiċjarji li għandhom jitħarsu mill-Istati Membri. Il-pagamenti kollha mwettqa barra dawk il-perjodi, għandhom jitqiesu bħala pagamenti mhux eliġibbli għall-Unjoni, u għalhekk ma jistgħux ikunu rimborzati mill-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. L-analiżi tal-pagamenti ta’ għajnuna tardivi mill-Istati Membri wriet li għadd minn dawn saru minħabba verifiki addizzjonali mill-Istati Membri, marbutin ma’ talbiet kontroversjali, ma’ appelli u ma’ tilwimiet legali nazzjonali oħrajn. Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi stabbilit marġini fiss marbut mal-infiq, li sakemm jinżammu l-limiti tiegħu, ma għandux ikun hemm tnaqqis fil-pagamenti fix-xahar għal dawn il-każijiet. Barra minn hekk, ladarba dan il-marġini jinqabeż, biex jiġi aġġustat l-impatt finanzjarju bi proporzjon mad-dewmien imġarrab fil-pagament, għandha ssir dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tnaqqas il-pagamenti proporzjonalment skont il-perjodu ta’ dewmien tal-pagament irreġistrat. Il-ħlas ta’ għajnuniet qabel l-ewwel data possibbli tal-pagament, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, ma jistax jiġi ġġustifikat bl-istess raġunament bħall-ħlas wara l-aħħar data possibbli għall-pagament. Għaldaqstant, ma għandux ikun previst tnaqqis proporzjonali għal dawn il-pagamenti bikrin. Madankollu għandu jkun hemm stipulata eċċezzjoni għall-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni tipprevedi l-ħlas ta’ avvanz sa ċertu ammont massimu.

    (5)

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-pagamenti ta’ kull xahar jew f’intervalli regolari oħrajn lill-Istati Membri abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq mibgħuta minn dawn tal-aħħar. Madankollu, għandha tqis id-dħul tal-pagamenti f’isem il-baġit tal-Unjoni li jirċievu l-aġenziji. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu kkumpensati ċerti tipi ta’ nfiq u dħul imwettqa skont l-FAEG u l-FAEŻR.

    (6)

    Jekk il-baġit tal-Unjoni ma jkunx ġie adottat sal-bidu tas-sena finanzjarja, skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-pagamenti jistgħu jsiru kull xahar għal kull kapitolu sa massimu ta’ wieħed minn tnax tal-approprjazzjonijiet allokati fil-kapitolu inkwistjoni tas-sena finanzjarja preċedenti. Biex l-approprjazzonijiet disponibbli jiġu allokati b’mod ġust fost l-Istati Membri, għandha ssir dispożizzjoni għall-pagamenti ta’ kull xahar skont l-FAEG u l-pagamenti interim skont il-FAEŻR li f’dan il-każ għandhom isiru bħala perċentwal tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq sottomessi minn kull Stat Membru u għall-bilanċ li ma jintużax f’xahar partikolari li għandu jiġi riallokat fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar pagamenti ta’ kull xahar jew interim sussegwenti.

    (7)

    Ir-rati tal-kambju applikabbli għandhom jiġu stabbilti skont jekk ġiex iddefinit avveniment operattiv jew le fil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali. Biex tiġi evitata l-applikazzjoni, mill-Istati Membri li ma jiffurmawx parti miż-żona tal-euro, ta’ rati tal-kambju differenti fil-kontijiet ta’ dħul irċevut jew tal-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji f’munita differenti mill-euro, minn naħa waħda, u d-dikjarazzjoni tan-nefqa ppreparata mill-aġenzija tal-pagamenti, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri kkonċernati għandhom japplikaw l-istess rata tal-kambju fid-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ nfiq skont l-FAEG bħal dik użata meta jiġbru dan id-dħul jew jagħmlu dawn il-pagamenti lill-benefiċjarji. Barra minn hekk, biex jiġu ssimplifikati l-formalitajiet amministrattivi fir-rigward tal-irkupru għal aktar minn operazzjoni waħda, għandha tiġi applikata rata tal-kambju unika meta dawn l-irkupri jiddaħħlu fil-kontijiet.

    (8)

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tkun żgurata applikazzjoni effiċjenti tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità stipulata fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. għandhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji u l-metodoloġija li jridu jiġu applikati għall-korrezzjonijiet. It-tipi diversi ta’ korrezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jiġu ddefiniti u għandhom jiġu stabbiliti l-prinċipji dwar kif se jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ biex l-ammonti tal-korrezzjonijiet jiġu ddefiniti. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar kif se jiġu kkreditati lill-fondi l-irkupri li l-Istati Membri jieħdu mingħand il-benefiċjarji.

    (9)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jittratta l-iskrutinju tad-dokumenti kummerċjali ta’ dawk l-entitajiet li jirċievu jew iħallsu l-pagamenti li jkollhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mas-sistema tal-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), sabiex jiġi aċċertat jekk it-tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ ffinanzjar mill-FAEG ikunux attwalment twettqu u ġew eżegwiti b’mod korrett. Jixraq li mill-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament jitħallew barra l-miżuri li fin-natura tagħhom mhumiex addattati għall-verifiki ex post bħala skrutinju tad-dokumenti kummerċjali, kif ukoll dawk il-miżuri li huma kkonċernati bil-pagamenti li jkunu marbutin ma’ qasam jew mhux marbutin ma’ dokumenti kummerċjali li jistgħu jiġu ssuġġettati għal skrutinju.

    (10)

    Diversi dispożizzjonijiet fir-regolamenti agrikoli tal-Unjoni jeħtieġu li tingħata garanzija biex jiġi żgurat il-pagament ta’ somma dovuta jekk ma jiġix sodisfatt obbligu. Madankollu, l-esperjenza wriet li dan ir-rekwiżit fil-prattika huwa interpretat b’modi ferm differenti. Għalhekk, biex jiġu evitati kundizzjonijiet kompetittivi mhux ugwali, għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li japplikaw għal dak ir-rekwiżit.

    (11)

    L-ispejjeż imġarrba fid-depożitu ta’ garanzija, kemm mill-parti li tagħti l-garanzija kif ukoll mill-awtorità kompetenti, jistgħu jkunu sproporzjonati għas-somma li tkun qed tiggarantixxi l-ħlas tagħha l-garanzija jekk dik is-somma tkun taħt ċertu limitu. Għaldaqstant l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom id-dritt li jneħħu dan ir-rekwiżit ta’ garanzija għall-ħlas ta’ somma taħt dak il-limitu. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha tingħata s-setgħa li tneħħi r-rekwiżit ta’ garanzija fejn minħabba n-natura tal-persuna li trid tissodisfa l-obbligi dak ir-rekwiżit ikun żejjed.

    (12)

    Awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt li tirrifjuta garanzija li hija tqisha li mhix sodisfaċenti.

    (13)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 saħħaħ ir-regoli li jeżiġu li tiġi ddepożitata garanzija biex ikun żgurat il-ħlas ta’ somma dovuta f’każ li ma jitħarisx obbligu. Dak il-qafas legali orizzontali għandu jiġi ssupplimentat b’regoli orizzontali dwar il-force majeure, dwar iċ-ċediment jew ir-rilaxx tal-garanzija. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (9) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 (10) jittrattaw ir-regoli dwar ir-rilaxx u ċ-ċediment tal-garanziji fil-qasam tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u fil-qasam tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Ir-regoli l-ġodda li jingħataw f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll f’dawn is-setturi. Bil-għan ta’ ċarezza u ċertezza legali, id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolamenti (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 612/2009 għandhom jitħassru.

    (14)

    Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012, saret distinzjoni bejn ir-rekwiżiti primarji, sekondarji u subordinati, filwaqt li għadd limitat ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni jirreferu biss għar-rekwiżiti primarji. Il-garanzija li tkopri rekwiżit speċifiku kienet tiċċeda kompletament jew b’mod proporzjonali jekk dan ma kienx sodisfatt, b’metodi ta’ kalkolazzjoni kkumplikati li kienu jikkawżaw il-konfużjoni. Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, aproċċ aktar sempliċi għaċ-ċediment għandu jibqa’ jżomm mas-sitwazzjoni prattika li fiha obbligu ma jkunx ġie rispettat, jew mhux rispettat fil-ħin, jew fejn ma jkunux tressqu provi fil-ħin stabbilit, li l-obbligu ġie rispettat.

    (15)

    Diversi dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni jistipulaw li l-garanzija mogħtija għandha tiġi ċeduta jekk jinkiser xi obbligu garantit, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni bejn it-tipi ta’ ksur. Fl-interessi tal-ekwità, għandha ssir distinzjoni bejn il-konsegwenzi tal-ksur ta’ obbligi differenti. B’mod partikolari, għandha ssir dispożizzjoni, biex tiġi ċeduta parti biss mil-garanzija f’każijiet speċjali.

    (16)

    Ma għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn il-konsegwenzi ta’ nuqqas li jiġi sodisfatt obbligu abbażi ta’ jekk ikunx sar ħlas bil-quddiem jew le. Għaldaqstant, il-garanziji mogħtija għall-ħlasijiet bil-quddiem għandhom jiġu koperti minn regoli separati.

    (17)

    L-avvenimenti operattivi għar-rati tal-kambju applikabbli għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinqalgħu fil-qafas tal-leġiżlazzjoni agrikola settorjali għandhom jiġu stabbiliti, mingħajr ħsara għal kwalunkwe definizzjoni jew eżenzjoni speċifika stipulata fir-regoli għas-setturi kkonċernati fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 106(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    (18)

    Fir-rigward tal-prezzijiet jew l-ammonti kollha li għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana hija l-avveniment operattiv l-aktar xieraq għall-kisba tal-għan kummerċjali kkonċernat. L-istess japplika għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u għad-determinazzjoni tal-prezz tad-dħul tal-frott u l-ħxejjex fl-Unjoni, li fuq il-bażi tagħhom il-prodotti jiġu kklassifikati fit-Tariffa Komuni Doganali. Dan l-avveniment operattiv għalhekk għandu jiġi adottat.

    (19)

    Għar-rifużjonijiet fuq il-produzzjoni, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju huwa bħala regola ġenerali marbut mat-twettiq ta’ ċerti formalitajiet speċifiċi. Biex jiġu armonizzati r-regoli, għandu jiġi stabbilit li l-avveniment operattiv huwa d-data li fiha l-prodotti jiġu ddikjarati li laħqu d-destinazzjoni mixtieqa, fejn din id-destinazzjoni hija mixtieqa, u fil-każijiet l-oħra kollha hija l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għall-ħlas tar-rifużjoni mill-aġenzija tal-pagamenti.

    (20)

    Għall-għajnuna mogħtija permezz ta’ kwantità ta’ prodott kummerċjalizzat jew li għandu jintuża f’mod speċifiku, l-obbligu li jrid ikun hemm konformità miegħu għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna huwa avveniment li jiggarantixxi l-użu xieraq tal-prodotti kkonċernati. Ix-xiri tal-prodotti mill-operatur ikkonċernat huwa prerekwiżit li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-kontrolli jew l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-kontijiet tal-operatur u li jiggarantixxi trattament uniformi tal-fajls. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għalhekk għandu jiġi stabbilit fir-rigward tax-xiri tal-prodotti.

    (21)

    Għal għajnuna oħra mogħtija fis-settur agrikolu, is-sitwazzjonijiet jistgħu jvarjaw ħafna. Madankollu, din l-għajnuna tingħata dejjem fuq il-bażi ta’ applikazzjoni u fi żmien id-dati tal-iskadenza stabbiliti bil-leġiżlazzjoni. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju f’dan il-każ għalhekk għandu jiġi stabbiliti bħala d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

    (22)

    Rigward is-sostenn, l-għajnuniet u l-primjums fis-settur tal-inbid, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun marbut, skont il-każ, mad-data tal-bidu tas-sena tal-inbid, mat-tlestija ta’ ċerti operazzjonijiet jew ma’ data speċifika. L-avveniment operattiv li għandu jitqies għalhekk għandu jkun speċifikat għal kull sitwazzjoni.

    (23)

    Is-sitwazzjonijiet li jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-avveniment operattiv huma differenti ħafna minn settur għal ieħor. Għalhekk, l-avveniment operattiv għandu jiġi stipulat skont in-natura speċifika ta’ kull sitwazzjoni u miżura koperta minn dawk is-setturi agrikoli, b’mod partikolari għall-għajnuna fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, għall-għajnuna tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, fis-settur taz-zokkor, l-għajnuna tal-miżuri ta’ promozzjoni, għal għadd ta’ miżuri fis-settur tal-frott u l-ħaxix.

    (24)

    Rigward l-ammonti li jkunu għal għanijiet strutturali jew ambjentali, kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u ammonti approvati b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (12), li l-pagamenti tagħhom huma żgurati mill-programmi ta’ żvilupp rurali approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-ammonti jiġu stabbiliti għal sena tas-suq jew sena kalendarja. L-għan kummerċjali għalhekk jinkiseb jekk l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju jiġi stabbilit għas-sena kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ dan, l-avveniment operattiv għandu jiġi stabbilit għall-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tittieħed id-deċiżjoni li tingħata għajnuna.

    (25)

    Fil-każ ta’ ħlasijiet bil-quddiem u garanziji, l-ammonti li jridu jitħallsu jew l-ammonti garantiti huma stabbiliti f’euro skont il-leġiżlazzjoni settorjali agrikola. Ir-rata tal-kambju applikabbli għal dawn l-ammonti għalhekk għandha tkun viċin tad-data li fiha jingħata l-ħlas bil-quddiem jew tad-data li fiha jiġu depożitati l-garanziji. Jekk jintużaw il-garanziji, l-ammont ta’ dawk il-garanziji għandu jkopri wkoll ir-riskji kollha li ġew stabbiliti għalihom. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jiġi ddefinit jew abbażi tal-ġurnata li fiha l-ammont tal-ħlas bil-quddiem jiġi stabbilit, jew li fih tiġi depożitata l-garanzija, jew id-data li fiha dawn jitħallsu.

    (26)

    B’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (13), id-diżimpenn awtomatiku ta’ impenn fil-baġit fuq programm ta’ żvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013 li ma ntużax jitwettaq mill-Kummissjoni fi tmiem it-tieni sena wara dik ta’ meta jkun sar l-impenn fil-baġit. Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biddel ir-regola billi stipula id-diżimpenn awtomatiku fi tmiem it-tielet sena wara dik ta’ meta jkun sar l-impenn fil-baġit. Għall-konsistenza, għall-programmi ta’ żvilupp rurali tal-perjodu 2007-2013 għandha tkompli tapplika r-regola ta’ N+2, u għandha tiġi stipulata regola tranżizzjonali skont dan. Bl-istess mod, għall-programmi ta’ żvilupp rurali tal-perjodu 2007-2013, il-pagamenti interim għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għar-rispett tal-kontribuzzjoni sħiħa tal-FAEŻR lejn kull prijorità għall-perjodu kollu kopert mill-programm ikkonċernat. Barra minn hekk, biex tkun żgurata l-kontinwità fil-ġestjoni ta’ dawk il-programmi, dawn ir-regoli tranżizzjonali għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    L-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI U KORPI OĦRAJN

    Artikolu 1

    Il-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-pagamenti

    1.   L-aġenziji tal-pagamenti li jwettqu l-ġestjoni u l-kontroll tal-infiq, kif iddefinit fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jipprovdu, fir-rigward tal-pagamenti li jsiru minnhom u fir-rigward tal-komunikazzjoni u ż-żamma tal-informazzjoni, biżżejjed garanziji li:

    (a)

    l-eliġibbiltà tat-talbiet u, fil-qafas tal-iżvilupp rurali, il-proċedura għall-allokazzjoni tal-għajnuna, kif ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni jiġu vverifikati qabel ma jiġi awtorizzat il-pagament;

    (b)

    jinżammu kontijiet preċiżi u eżawrjenti tal-pagamenti li jkunu saru;

    (c)

    isiru l-verifiki stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

    (d)

    id-dokumenti mitluba jiġu ppreżentati sal-limiti ta’ żmien u fl-għamla stipulata mir-regoli tal-Unjoni;

    (e)

    id-dokumenti jkunu aċċessibbli u jinżammu b’tali mod li jiżgura li jibqgħu sħaħ, validi u leġġibbli tul iż-żmien, inkluż fir-rigward tad-dokumenti elettroniċi fis-sens tar-regoli tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri għandom jakkreditaw lil dawk id-dipartimenti jew l-entitajiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, bħala aġenziji tal-pagamenti. Barra minn hekk, biex tiġi akkreditata, aġenzija tal-pagamenti għandu jkollha organizzazzjoni amministrattiva u sistema ta’ kontroll intern li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Anness I (“il-kriterji ta’ akkreditazzjoni”) fir-rigward ta’

    (a)

    l-ambjent intern,

    (b)

    l-attivitajiet ta’ kontroll,

    (c)

    l-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

    (d)

    is-sorveljanza.

    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ akkreditazzjoni addizzjonali biex jitqiesu d-daqs, ir-responsabbiltajiet u karatteristiċi speċifiċi oħrajn tal-aġenzija tal-pagamenti.

    Artikolu 2

    Il-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ koordinazzjoni

    1.   Meta jkunu akkreditati aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu, b’att formali fil-livell ministerjali, jiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni tal-korp ta’ koordinazzjoni wara li jkun issodisfa ruħu li l-arranġamenti amministrattivi tal-korp joffru biżżejjed assigurazzjoni li l-korp huwa kapaċi jissodisfa l-kompiti msemmija f’dak l-Artikolu.

    2.   Biex jiġi akkreditat, il-korp ta’ koordinazzjoni għandu jkollu fis-seħħ il-proċeduri biex jiżgura li:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni jkunu bbażati fuq informazzjoni minn sorsi awtorizzati kif xieraq;

    (b)

    id-dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni huma awtorizzati kif xieraq qabel it-trażmissjoni;

    (c)

    ikun jeżisti rendikont tal-awditu li jappoġġa l-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni;

    (d)

    ikun maħżun b’mod sigur reġistru tal-informazzjoni li tasal u dik mibgħuta, jew fuq il-karta jew f’format kompjuterizzat.

    Artikolu 3

    L-obbligi tal-aġenzija tal-pagamenti fejn jikkonċerna l-intervent pubbliku

    1.   L-aġenziji tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jamministraw u jiżguraw il-kontroll tal-operazzjonijiet marbuta mal-miżuri ta’ intervent relatati mal-ħżin pubbliku li huma responsabbli għalih, skont it-termini stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u, fejn jixraq, fil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, b’mod partikolari fuq il-bażi tar-rati minimi ta’ verifika stabbiliti f’dak l-Anness.

    L-aġenziji tal-pagamenti jistgħu jiddelegaw is-setgħat tagħhom f’dan ir-rigward lill-aġenziji tal-intervent li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni stabbiliti fil-punt 1.C tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament jew jaġixxu permezz ta’ aġenziji tal-pagamenti oħra.

    2.   L-aġenziji tal-pagamenti jew l-aġenziji tal-intervent jistgħu, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà totali tagħhom b’rabta mal-ħżin pubbliku:

    (a)

    jafdaw il-ġestjoni ta’ ċerti miżuri ta’ ħżin pubbliku lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaħżnu prodotti agrikoli mixtrija, (“maħżniera”);

    (b)

    jaħtru lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi biex iwettqu ċerti kompiti speċifiċi stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni settorjali agrikola.

    Jekk l-aġenziji tal-pagamenti jafdaw il-ġestjoni f’idejn il-maħżniera kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel sottoparagrafu, din il-ġestjoni għandha titwettaq skont kuntratti tal-ħżin abbażi tal-obbligi u l-prinċipji ġenerali stipulati fl-Anness III.

    3.   L-obbligi tal-aġenziji tal-pagamenti fir-rigward tal-ħżin pubbliku għandhom ikunu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

    (a)

    li jżommu kontijiet tal-ħażniet u kontijiet finanzjarji għal kull prodott kopert minn miżura ta’ intervent li tinvolvi l-ħżin pubbliku, abbażi tal-operazzjonijiet li jwettqu mill-1 ta’ Ottubru ta’ sena waħda sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara, dan il-perjodu għandu jissejjaħ “is-sena tal-kontabbiltà”;

    (b)

    li jżommu lista aġġornata tal-maħżniera li magħhom jkunu kkonkludew kuntratti ta’ ħżin pubbliku. Din il-lista għandu jkun fiha referenzi li jippermettu l-identifikazzjoni eżatta tal-punti tal-ħżin kollha, il-kapaċità tagħhom, l-għadd ta’ mħażen, imħażen kiesħa u sajlos, u l-pjanti u d-dijagrammi tagħhom;

    (c)

    li jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-kuntratti standard użati għall-ħżin pubbliku, ir-regoli stabbiliti għax-xiri ta’ prodotti, il-ħażna u t-tneħħija tal-prodotti mill-imħażen tal-maħżniera, u r-regoli applikabbli għar-responsabbiltà tal-maħżniera;

    (d)

    li jżommu kontijiet tal-ħażniet ċentralizzati u kompjuterizzati tal-ħażniet kollha, li jkopru l-postijiet kollha tal-ħżin, il-prodotti kollha u l-kwantitajiet u l-kwalitajiet tal-prodotti differenti kollha, u jispeċifikaw f’kull każ il-piż (nett u gross, skont kif japplika) jew il-volum;

    (e)

    li jwettqu l-operazzjonijiet kollha marbutin mal-ħżin, il-konservazzjoni, it-trasportazzjoni jew it-trasferiment ta’ prodotti ta’ intervent skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali, mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tax-xerrejja, tal-aġenziji tal-pagamenti l-oħra involuti f’operazzjoni u kull persuna oħra li taġixxi skont l-istruzzjonijiet f’dan ir-rigward;

    (f)

    li jwettqu verifiki matul is-sena kollha fuq bażi ta’ żmien mhux regolari u mingħajr twissija minn qabel, fuq il-postijiet fejn jinżammu l-ħażniet tal-intervent. Madankollu, sakemm l-iskop tal-kontroll ma jiġix ipperikolat, jista’ jingħata avviż minn qabel, strettament limitat għall-perjodu ta’ żmien minimu meħtieġ. Dan l-avviż ma għandux jaqbeż l-24 siegħa, minbarra f’każijiet ġustifikati kif dovut;

    (g)

    li jsir inventarju annwali skont l-Artikolu 4.

    Fejn, fi Stat Membru, il-ġestjoni tal-kontijiet ta’ ħżin pubbliku għal prodott wieħed jew iżjed titwettaq minn iżjed minn aġenzija tal-pagamenti waħda, il-kontijiet tal-ħażniet u l-kontijiet finanzjarji msemmija fil-punti (a) u (d) għandhom jiġu kkonsolidati fil-livell ta’ Stat Membru qabel ma tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni l-informazzjoni korrispondenti.

    4.   L-aġenziji tal-pagamenti għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li:

    (a)

    l-prodotti koperti mill-miżuri ta’ intervent tal-Unjoni jinżammu b’mod xieraq billi tiġi kkontrollata l-kwalità tal-prodotti maħżuna mill-inqas darba fis-sena;

    (b)

    l-integrità tal-ħażniet ta’ intervent.

    5.   L-aġenziji tal-pagamenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih:

    (a)

    bil-każijiet fejn l-estenzjoni tal-perjodu tal-ħżin ta’ prodott x’aktarx jirriżulta fid-deterjorazzjoni tiegħu;

    (b)

    dwar telf kwantitattiv jew deterjorazzjoni tal-prodott minħabba diżastri naturali.

    Meta jkunu applikabbli s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel sottoparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni x-xierqa:

    (a)

    fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu, skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 229(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

    (b)

    fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu, skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 116(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    6.   L-aġenziji tal-pagamenti għandhom ikunu responsabbli għal kull konsegwenza finanzjarja tal-ħżin ħażin tal-prodotti koperti mill-miżuri ta’ intervent tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn metodi ta’ ħżin mhux xierqa. Mingħajr ħsara għal ebda rikors kontra l-maħżniera, dawn għandhom ikunu responsabbli finanzjarjament għan-nuqqas ta’ konformità mal-impenji jew l-obbligi tagħhom.

    7.   L-aġenziji tal-pagamenti għandhom ipoġġu l-kontijiet tal-ħżin pubbliku u d-dokumenti, il-kuntratti u l-fajls kollha ppreparati jew li jkunu rċevew fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ intervent, għad-dispożizzjoni permanenti tal-aġenti tal-Kummissjoni jew ta’ persuni maħturin mill-Kummissjoni, jew f’forma elettronika jew fil-post tal-aġenziji tal-pagamenti.

    Artikolu 4

    Inventarju

    1.   Matul kull sena ta’ kontabbiltà, l-aġenziji tal-pagamenti għandhom jippreparaw inventarju għal kull prodott li kien is-suġġett ta’ intervent tal-Unjoni.

    Dawn għandhom jipparagunaw ir-riżultati tal-inventarju mad-dejta tal-kontabbiltà. Kull differenza fil-kwantitajiet li tinstab, u l-ammonti li jirriżultaw mid-differenzi fil-kwalità misjuba matul il-verifiki, għandhom jiġu ġġustifikati skont ir-regoli adottati skont l-Artikolu 46(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, il-kwantitajiet nieqsa li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-ħżin normali għandhom ikunu ugwali għad-differenza bejn il-ħażniet teoretiċi li jidhru fl-inventarju tal-kontijiet, minn naħa waħda, u l-ħażniet fiżiċi reali stabbiliti abbażi tal-inventarju stipulat fil-paragrafu 1 jew il-ħażniet li jifdal fil-kotba wara li jiġu eżawriti l-ħażniet fiżiċi ta’ maħżen min-naħa l-oħra, u għandhom ikunu soġġetti għal-limiti ta’ tolleranza stipulati fl-Anness IV.

    KAPITOLU II

    IL-ĠESTJONI FINANZJARJA

    Artikolu 5

    Nuqqas ta’ konformità mal-aħħar limitu ta’ żmien għall-pagament

    1.   Rigward il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-infiq li jsir wara l-limiti ta’ żmien għall-pagamenti għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Meta l-infiq imwettaq wara l-iskadenzi jkun ugwali għal 5 % jew inqas tal-infiq imwettaq qabel l-iskadenzi, ma għandu jsir ebda tnaqqis tal-pagamenti ta’ kull xahar.

    Meta l-infiq li jitwettaq wara l-limiti jkun ‘il fuq mil-livell limitu ta’ 5 %, l-infiq kollu addizzjonali mwettaq tard għandu jitnaqqas skont ir-regoli li ġejjin:

    (a)

    l-infiq imwettaq fl-ewwel xahar wara x-xahar li fih tkun skadiet id-data ta’ skadenza għall-pagamenti, għandu jitnaqqas b’10 %,

    (b)

    l-infiq imwettaq fit-tieni xahar wara x-xahar li fih tkun skadiet id-data ta’ skadenza għall-pagamenti, għandu jitnaqqas b’25 %,

    (c)

    l-infiq imwettaq fit-tielet xahar wara x-xahar li fih tkun skadiet id-data ta’ skadenza għall-pagamenti, għandu jitnaqqas b’45 %,

    (d)

    l-infiq imwettaq fir-raba’ xahar wara x-xahar li fih tkun skadiet id-data ta’ skadenza għall-pagamenti, għandu jitnaqqas b’70 %,

    (e)

    l-infiq imwettaq aktar tard mir-raba’ xahar wara x-xahar li fih tkun skadiet id-data ta’ skadenza għall-pagamenti, għandu jitnaqqas b’100 %,

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2, fil-każ tal-pagamenti diretti li jaqgħu taħt il-valur limitu msemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn il-limitu msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2 ma jkunx intuża kollu għall-pagamenti li jkunu saru għas-sena kalendarja N sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru tas-sena N + 1 u dak li jifdal mil-limitu jaqbeż it-2 %, dak li jifdal għandu jitnaqqas għal 2 %;

    (b)

    waqt sena finanzjarja N+1, il-pagamenti diretti li mhumiex stipulati fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u fir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), għas-snin kalendarji N-1 jew qabel, li jsiru wara l-iskadenza taż-żmien għall-pagament, ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-FAEG biss jekk l-ammont totali tal-pagamenti diretti li jsiru fis-sena finanzjarja N+1, fejn hu applikabbli kkoreġuti għall-ammonti ta’ qabel l-aġġustament stipulat fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma jaqbiżx il-limitu stipulat fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena kalendarja N, b’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament;

    (c)

    l-infiq li jaqbeż il-limiti msemmija fil-punti (a) jew (b) għandu jitnaqqas bil-100 %

    L-ammonti tar-rifużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jitqiesu biex jiġi vverifikat il-ħarsien tal-kundizzjoni stipulata fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tapplika stadji progressivi differenti minn dawk stipulati fil-paragrafi 2 u 3 u/jew rati ta’ tnaqqis inferjuri jew l-ebda tnaqqis jekk jitfaċċjaw kundizzjonijiet partikolari ta’ ġestjoni għal ċerti miżuri, jew jekk jiġu ppreżentati ġustifikazzjonijiet leġittimi mill-Istati Membri.

    Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika għall-infiq li jaqbeż il-limitu msemmi fil-paragrafu 3(b).

    5.   Darbtejn f’kull sena finanzjarja għandhom isiru verifiki dwar il-konformità mad-dati ta’ skadenza għall-pagamenti, fil-kuntest tal-pagamenti ta’ kull xahar:

    (a)

    fuq l-infiq imwettaq sal-31 ta’ Lulju,

    (b)

    fuq l-infiq imwettaq sal-15 ta’ Ottubru.

    Kull data ta’ skadenza maqbuża f’Awwissu, f’Settembru u f’Ottubru għandha titqies fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    6.   It-tnaqqis imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni sussegwenti dwar l-approvazzjoni tal-konformità, kif imsemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 6

    Nuqqas ta’ konformità mal-ewwel data tal-pagament

    Rigward l-FAEG, jekk l-Istati Membri jitħallew iħallsu l-avvanzi sa ċertu ammont massimu qabel l-ewwel data stabbilita fil-leġiżlazzjoni settorjali agrikola, kull infiq li jitħallas iktar minn dan l-ammont massimu għandu jitqies bħala nfiq li jkun sar qabel l-ewwel data għall-pagamenti. Madankollu, bi qbil mal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan l-infiq ikun eliġibbli għall-pagamenti tal-Unjoni suġġett għal tnaqqis ta’ 10 %.

    Artikolu 7

    Kumpens mill-aġenziji tal-pagamenti

    1.   Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-pagamenti ta’ kull xahar li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ tal-infiq iddikjarat minn kull Stat Membru, li minnu jitnaqqas id-dħul assenjat li dak l-Istat Membru jkun inkluda fl-istess dikjarazzjoni ta’ nfiq. Din it-tpaċija għandha titqies bħala ekwivalenti għall-ġbir tad-dħul korrispondenti.

    L-approprazzjonijiet ta’ impenn u l-approprazzjonijiet ta’ pagament iġġenerati mid-dħul assenjat għandhom ikunu miftuħin ladarba dan id-dħul ikun ġie assenjat għall-intestaturi baġitarji. L-assenjazzjoni għandha ssir meta d-dħul assenjat jiddaħħal fil-kontijiet, mhux aktar tard minn xahrejn wara l-irċevuta tad-dikjarazzjonijiet mibgħuta mill-Istati Membri, skont ir-regoli msemmija fl-Artikolu 43(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    2.   Jekk is-somom imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ikunu nżammu qabel il-ħlas tal-għajnuna kkonċernata minħabba l-irregolarità jew in-negliġenza, dawn għandhom jitnaqqsu mill-infiq korrispondenti.

    3.   L-ammonti tal-kontribuzzjonijiet mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) irkuprati mill-benefiċjarji skont il-programm ta’ żvilupp rurali kkonċernat matul kull perjodu ta’ referenza għandhom jitnaqqsu mill-ammont li għandu jitħallas mill-FAEŻR fid-dikjarazzjoni tal-infiq għal dak il-perjodu.

    4.   L-ammonti akbar jew iżgħar li jirriżultaw, fejn ikun applikabbli, mill-approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jistgħu jintużaw mill-ġdid għall-programm ta’ żvilupp rurali għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-ammont tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR meta tiġi ppreparata l-ewwel dikjarazzjoni wara li ssir l-approvazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-kontijiet.

    5.   Il-finanzjament mill-FAEG għandu jkun ugwali għall-infiq, ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni nnotifikata mill-aġenzija tal-pagamenti, wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe dħul li jakkumula mill-miżuri ta’ intervent, ivvalidat bis-sistema kompjuterizzata stabbilita mill-Kummissjoni u inkluż mill-aġenzija tal-pagamenti fid-dikjarazzjoni tal-infiq tagħha ppreparata.

    Artikolu 8

    L-adozzjoni tardiva tal-baġit tal-Unjoni

    1.   Fir-rigward tal-FAEG, jekk il-baġit tal-Unjoni ma jkunx ġie adottat sal-bidu tas-sena finanzjarja, il-pagamenti ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jingħataw bħala perċentwal tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq riċevuti minn kull Stat Membru, stabbiliti għal kull kapitolu tal-infiq u fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-Kummissjoni għandha tqis il-bilanċ tal-ammonti mhux rimborżati lill-Istati Membri fid-deċiżjonijiet dwar rimborżi sussegwenti.

    2.   Fir-rigward tal-FAEŻR, jekk il-baġit tal-Unjoni ma jkunx ġie adottat sal-bidu tas-sena baġitarja:

    (a)

    il-pagamenti interim imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jingħataw b’mod proporzjonali għall-krediti disponibbli bħala perċentwal tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq irċevuti għal kull programm ta’ żvilupp rurali. Il-Kummissjoni għandha tqis il-bilanċ tal-ammonti mhux rimborżati lill-Istati Membri fil-pagamenti interim sussegwenti.

    (b)

    fir-rigward tal-impenji tal-baġit imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-ewwel pagamenti annwali wara l-adozzjoni tal-programmi ta’ żvilupp rurali għandhom jirrispettaw l-ordni ta’ adozzjoni ta’ dawn il-programmi. L-impenji baġitarji għall-pagamenti annwali sussegwenti għandhom isiru fl-ordni tal-programmi wara li jkunu ġew eżawriti l-impenji rispettivi. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel impenji annwali parzjali għall-programmi ta’ żvilupp rurali jekk l-approprazzjonijiet ta’ impenn disponibbli jkunu limitati. Il-bilanċ li jifdal għal dawn il-programmi għandu jiġi impenjat l-ewwel, ladarba jkunu disponibbli l-approprazzjonijiet ta’ impenn.

    Artikolu 9

    Id-differiment tal-pagamenti ta’ kull xahar

    Il-Kummissjoni, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri kkonċernati, tista’ tiddiferixxi l-pagamenti ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-Istati Membri fejn il-komunikazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 102(1) punt (c)(i) u (ii) ta’ dak ir-Regolament jaslu tard jew fihom diskrepanzi li jeħtieġu verifiki ulterjuri.

    Artikolu 10

    Is-sospensjoni tal-pagament f’każ ta’ sottomissjoni tardiva

    1.   Is-sospensjoni tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika għall-miżuri elenkati fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Rigward l-infiq fi ħdan l-FAEG, għandhom japplikaw ir-rati tas-sospensjoni tal-pagamenti li ġejjin:

    (a)

    jekk ir-riżultati tal-verifiki ma jkunux intbagħtu sal-15 ta’ Ottubru, 1 % tal-infiq li dwaru ma ntbagħtitx l-informazzjoni rilevanti fil-ħin;

    (b)

    jekk ir-riżultati tal-verifiki ma jkunux intbagħtu sal-1 ta’ Diċembru, 1,5 % tal-infiq li dwaru ma ntbagħtitx l-informazzjoni rilevanti fil-ħin.

    3.   Rigward l-infiq fi ħdan l-FAEŻR, għandhom japplikaw ir-rati tas-sospensjoni tal-pagamenti li ġejjin:

    (a)

    jekk ir-riżultati tal-verifiki ma jkunux intbagħtu sal-15 ta’ Ottubru, 1 % tal-infiq li dwaru ma ntbagħtitx l-informazzjoni rilevanti fil-ħin;

    (b)

    jekk ir-riżultati tal-verifiki ma jkunux intbagħtu sal-15 ta’ Jannar, 1,5 % tal-infiq li dwaru ma ntbagħtitx l-informazzjoni rilevanti fil-ħin;

    Artikolu 11

    Ir-rata tal-kambju applikabbli għat-tfassil tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq

    1.   B’konformità mal-Artikolu 106(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-FAEG, għall-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ nfiq, l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro għandhom japplikaw l-istess rata tal-kambju bħal dik li użaw biex jagħmlu l-pagamenti lill-benefiċjari jew jirċievu l-introjtu, b’konformità mal-Kapitolu V u l-leġiżlazzjoni agrikola settorjali. Għad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 51 u 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom jużaw l-ewwel rata tal-kambju stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew wara d-data tal-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

    F’każijiet differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu, b’mod partikolari għall-programmi ta’ promozzjoni approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (18), kif ukoll għall-operazzjonijiet li għalihom ma ġiex stabbilit avveniment operattiv mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, ir-rata tal-kambju applikabbli għandha tkun ir-rata tal-kambju ta’ qabel tal-aħħar stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel ix-xahar li għalih jiġi ddikjarat l-infiq jew id-dħul assenjat.

    2.   Fir-rigward tal-programmi ta’ żvilupp rurali, għall-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq tagħhom, l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro għandhom japplikaw, għal kull pagament jew operazzjoni ta’ rkupru, ir-rata tal-kambju ta’ qabel tal-aħħar stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel ix-xahar li fih jiġu rreġistrati l-operazzjonijiet fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti.

    KAPITOLU III

    L-APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET U VERIFIKI OĦRA

    Artikolu 12

    Il-kriterji u l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet fil-qafas tal-approvazzjoni tal-konformità

    1.   Biex tiġi adottata d-deċiżjoni skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar l-ammonti li għandhom jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel distinzjoni bejn dawk l-ammonti jew partijiet tal-ammonti identifikati bħala ammonti li ntnefqu b’mod mhux xieraq u dawk l-ammonti li ġew iddeterminati billi saru korrezzjonijiet b’riżultat tal-estrapolazzjoni jew b’rata fissa.

    Għad-determinazzjoni tal-ammonti li jistgħu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni, meta jinsab li l-infiq ma sarx b’konformità mar-regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni, u fejn jikkonċerna l-FAEŻR, b’konformità mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tuża s-sejbiet tagħha u għandha tqis l-informazzjoni li jkunu taw l-Istati Membri waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità mwettqa kif jitlob l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-esklużjoni tal-ammonti li jiġu identifikati li ma ntnefqux b’mod xieraq, mill-finanzjament tal-Unjoni, biss meta dawn l-ammonti jkunu jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat. Meta l-Kummissjoni ma tkunx qiegħda f’pożizzjoni li tidentifika l-ammonti li ma jkunux intnefqu b’mod xieraq bi sforz proporzjonat, l-Istati Membri jistgħu, fil-limiti taż-żmien li ttihom il-Kummissjoni waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, jissottomettu d-dejta dwar il-verifikazzjoni ta’ dawn l-ammonti abbażi ta’ eżami tal-każijiet kollha individwali li potenzjalment jistgħu jkunu affettwati min-nuqqas ta’ konformità. Il-verifika għandha tkun fuq l-infiq sħiħ li jkun sar bi ksur tal-liġi applikabbli u ċċarġjat għall-baġit tal-Unjoni. Id-dejta li titressaq għandha tinkludi l-ammonti individwali kollha li jkunu mhux eliġibbli minħabba n-nuqqas ta’ konformità.

    3.   Meta ma jkunx possibblili jiġu identifikati l-ammonti li ntnefqu b’mod mhux xieraq skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tiddetermina l-ammonti li għandhom jitħallew barra billi tuża korrezzjonijiet estrapolati. Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddetermina l-ammonti rilevanti, l-Istati Membri jistgħu, fil-perjodu ta’ żmien li ttihom il-Kummissjoni waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, iressqu kalkolu tal-ammont li għandu jitħalla barra mill-finanzjament tal-Unjoni billi jestrapolaw permezz tal-istatistika, ir-riżultati tal-verifiki li jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv ta’ dawk il-każijiet. Il-kampjun għandu jittieħed mill-popolazzjoni li minnha jkun mistenni b’mod raġunat li jsir in-nuqqas ta’ konformità.

    4.   Biex jitqiesu r-riżultati mressqin mill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li:

    (a)

    tivvaluta l-metodi li jibqgħu jintużaw għall-identifikazzjoni jew l-estrapolazzjoni, li għandhom jiġu deskritti b’mod ċar mill-Istati Membri;

    (b)

    tivverifika kemm hu rappreżentattiv il-kampjun imsemmi fil-paragrafu 3;

    (c)

    tivverifika l-kontenut u r-riżultati tal-identifikazzjoni jew l-estrapolazzjoni li tkun ingħatat;

    (d)

    tikseb biżejjed evidenza tal-awditjar rilevanti dwar id-dejta bażika li minnha jkunu ttieħdu r-riżultati.

    5.   Meta jkunu qegħdin japplikaw il-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-istatistika ta’ verifika tal-aġenziji tal-pagamenti li jkunu ġew ikkonfermati mill-entità taċ-ċertifikazzjoni, jew l-istima ta’ dawn l-entitajiet tal-livell tal-iżbalji fil-kuntest tal-awditu tagħhom stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dejjem jekk:

    (a)

    il-Kummissjoni tkun sodisfatta bix-xogħol li jkun twettaq mill-entitajiet taċ-ċertifikazzjoni, kemm mil-lat tal-istrateġija tal-awditjar, kif fejn jikkonċerna l-kontenut, l-estent u l-kwalità tax-xogħol reali tal-awditjar;

    (b)

    l-ambitu tax-xogħol tal-entità taċ-ċertifikazzjoni jkun konsistenti mal-ambitu tal-inkjesta għall-approvazzjoni tal-konformità inkwistjoni, b’mod partikolari fejn jikkonċerna l-miżuri jew l-iskemi;

    (c)

    l-ammont tal-penali li kellu jiġi applikat ikun tqies fil-valutazzjonijiet.

    6.   Meta l-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-ammonti li jridu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 ma jiġux sodisfatti jew il-każ ikun wieħed fejn l-ammonti li jridu jitħallew barra ma jistgħux jiġu ddeterminati bil-mod previst minn dawk il-paragrafi, il-Kummissjoni għandha tapplika l-korrezzjonijiet xierqa b’rata fissa filwaqt li tqis it-tip u s-serjetà tal-ksur u l-istima tagħha tar-riskju ta’ ħsara finanzjarja li ġġarrab l-Unjoni.

    Il-livell tal-korrezzjoni b’rata fissa għandu jiġi stabbilit billi jitqies, b’mod partikolari, it-tip ta’ nuqqas ta’ konformità identifikat. Għal dan il-għan, in-nuqqasijiet ta’ kontroll għandhom ikunu maqsumin bejn dawk li huma marbuta ma’ verifiki ewlenin u dawk li huma marbuta ma’ verifiki subordinati, kif ġej:

    (a)

    Il-verifiki ewlenin għandhom ikunu l-verifiki amministrattivi u fuq il-post li huma meħtieġa għad-determinazzjoni tal-eliġibbiltà tal-għajnuna u l-applikazzjoni rilevanti tat-tnaqqis u l-penali;

    (b)

    Il-verifiki subordinati għandhom ikunu l-operazzjonijiet amministrattivi l-oħrajn kollha meħtieġa għall-ipproċessar korrett tat-talbiet.

    Jekk, fil-qafas tal-istess proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, jiġi stabbilit li hemm nuqqasijiet ta’ konformità differenti li kull wieħed minnhom iwassal għal korrezzjonijiet b’rati fissi diversi, għandha tapplika l-korrezzjoni bl-ogħla rata fissa bill.

    7.   Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjonijiet b’rata fissa, il-Kummissjoni għandha tqis b’mod speċifiku ċ-ċirkostanzi li jidhru hawn taħt li juru aktar serjetà fin-nuqqasijiet li juru riskju akbar ta’ ħsara għall-baġit tal-Unjoni:

    (a)

    verifika ewlenija waħda jew aktar mhux applikati jew applikati b’mod tant ħażin, jew tant rarament li jitqiesu mhux effettivi biex jiddeterminaw l-eliġibbiltà tat-talba jew biex jipprevjenu l-irregolaritajiet; jew

    (b)

    jinsabu tliet nuqqasijiet jew aktar fl-istess sistema ta’ verifika; jew

    (c)

    l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema ta’ verifika tinsab kompletament nieqsa jew b’nuqqasijiet serji, u hemm evidenza ta’ irregolaritajiet mifruxa u ta’ negliġenza biex jirribattu prattiki irregolari jew frodulenti; jew

    (d)

    tkun diġà saret korrezzjoni għal dak l-Istat Membru għal nuqqasijiet simili fl-istess settur, iżda jkunu tqiesu l-miżuri korrettivi jew ta’ kumpens li jkun wettaq l-Istat Membru diġà.

    8.   Meta Stat Membru jissottometti ċerti elementi oġġettivi, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, iżda li juru li l-ikbar telf għall-fondi huwa limitat għal somma li tkun inqas minn dik li toħroġ mill-applikazzjoni tar-rata fissa proposta, il-Kummissjoni għandha tuża r-rata fissal-aktar baxxa biex tiddeċiedi l-ammonti li għandhom jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    9.   L-ammonti rkuprati realment mill-benefiċjarji u kkreditati għall-fondi qabel data rilevanti li għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni waqt il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, għandhom jitnaqqsu mill-ammont li l-Kummissjoni tiddeċiedi li għandu jitħalla barra mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 13

    L-obbligu wara l-proċeduri ta’ rkupru

    Wara t-tlestija tal-proċeduri ta’ rkupru msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jakkreditaw 50 % tal-ammonti rkuprati lill-FAEG wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-irkupru, kif stipulat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament;

    (b)

    jakkreditaw 50 % lill-FAEŻR jew tal-ammonti rkuprati wara li jingħalaq il-programm ta’ żvilupp rurali, jew tal-ammonti rkuprati qabel ma jingħalaq il-programm, iżda li ma setgħux jiġu allokati mill-ġdid skont l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Artikolu 14

    L-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet

    Is-sistema ta’ skrutinju stabbilita fil-Kapitolu III tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhiex tapplika għall-miżuri elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-Regolament.

    IL-KAPITOLU IV

    GARANZIJI

    TAQSIMA 1

    Il-Kamp Ta’ Applikazzjoni u L-Użu ta’ termini

    Artikolu 15

    Il-kamp ta’ applikazzjoni

    Dan il-Kapitolu għandu japplika fil-każijiet kollha fejn il-leġiżlazzjoni agrikola settorjali tipprevedi garanzija, kemm jekk it-terminu partikolari “garanzija” jintuża kif ukoll jekk le.

    Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-garanziji mogħtija biex jiġi żgurat il-pagament tad-dazji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni msemmija fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (19).

    Artikolu 16

    It-termini użati f’dan il-Kapitolu

    Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

    (a)

    “awtorità kompetenti” hija jew parti awtorizzata li taċċetta garanzija jew parti awtorizzata li tiddeċiedi skont ir-Regolament rilevanti jekk garanzija għandhiex tiġi rrilaxxata jew ċeduta;

    (b)

    “garanzija fi blokk wieħed” hija garanzija disponibbli għall-awtorità kompetenti bl-iskop li tiżgura illi jintlaħaq aktar minn obbligu wieħed;

    (c)

    “il-parti rilevanti tas-somma ggarantita” tfisser il-parti tas-somma ggarantita li tikkorrispondi għall-kwantità li għaliha jkun inkiser rekwiżit.

    TAQSIMA 2

    Rekwiżit ta’ Garanzija

    Artikolu 17

    Il-parti responsabbli

    Għandha tingħata garanzija mill-parti responsabbli, jew f’isem il-parti responsabbli, għall-pagament tas-somma ta’ flus dovuta jekk ma jiġix sodisfatt obbligu.

    Artikolu 18

    Rinunzja ta’ rekwiżit ta’ garanzija

    1.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja r-rekwiżit ta’ garanzija meta l-parti responsabbli biex tissodisfa l-obbligu tkun:

    (a)

    korp pubbliku responsabbli għall-eżekuzzjoni tad-dmirijiet ta’ awtorità pubblika; jew

    (b)

    korp privat li jwettaq id-dmirijiet imsemmija fil-punt (a) taħt is-superviżjoni tal-Istat.

    2.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja r-rekwiżit ta’ garanzija fejn il-valur tas-somma ggarantita huwa anqas minn EUR 500. F’dak il-każ, il-parti kkonċernata għandha timpenja ruħha bil-miktub li tħallas somma ugwali għall-garanzija rinunzjata jekk l-obbligu korrispondenti ma jiġix sodisfatt.

    Fl-applikazzjoni tal-ewwel sottoparagrafu, il-valur tal-garanzija għandu jitqies li fih l-obbligi rilevanti kollha li huma marbutin mal-istess operazzjoni.

    Artikolu 19

    Il-kundizzjonijiet li japplikaw għall-garanziji

    1.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li taċċetta, jew għandha titlob is-sostituzzjoni ta’ kull garanzija li hi tikkunsidra mhux biżżejjed jew mhux xierqa jew li ma tipprovdix kopertura għal perjodu twil biżżejjed.

    2.   Fejn jiġu ddepożitati l-flus kontanti permezz ta’ trasferiment, dan ma għandux jitqies li jistabbilixxi garanzija sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li għandha l-ammont għad-dispożizzjoni tagħha.

    3.   Ċekk ta’ somma li l-pagament tagħha huwa ggarantit minn istituzzjoni finanzjarja rikonoxxuta għal dak l-għan mill-Istat Membru tal-awtorità kompetenti kkonċernata, għandu jiġi ttrattat bħala depożitu fi flus kontanti. L-awtorità kompetenti ma teħtieġx li tippreżenta ċekk bħal dan għall-ħlas sakemm il-perjodu taż-żmien li għalih huwa garantit ikun sejjer jiskadi.

    Ċekk, minbarra kif imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu, għandu jikkostitwixxi garanzija biss meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li għandha l-ammont għad-dispożizzjoni tagħha.

    4.   Kull impost magħmul minn istituzzjoni finanzjarja għandhu jitħallas mill-parti li tagħti l-garanzija.

    5.   Ma għandu jitħallas ebda imgħax lill-parti li tagħti garanzija fil-forma ta’ depożitu fi flus kontanti.

    Artikolu 20

    L-użu tal-euro

    1.   Il-garanziji għandhom ikunu f’euro.

    2.   Jekk il-garanzija tiġi aċċettata fi Stat Membru barra miż-żona tal-euro, l-ammont tal-garanzija f’euro għandu jinqaleb fil-munita nazzjonali rilevanti skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V. L-impenn li jikkorrispondi għall-garanzija u kull ammont miżmum f’każ ta’ irregolaritajiet jew ksur għandu jibqa’ stabbilit f’euro.

    Artikolu 21

    Il-garanti

    1.   Il-garanti għandu jkollu r-residenza rreġistrata uffiċjalment jew l-istabbiliment tiegħu fl-Unjoni u, soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċerna l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi, ikun approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jingħata t-titolu. Il-garanti għandu jkun marbut minn garanzija bil-miktub.

    2.   Il-garanzija bil-miktub trid mill-inqas tiddikjara:

    (a)

    l-obbligu jew, fil-każ ta’ garanzija fi blokk wieħed, it-tip(i) ta’ obbligi li meta jiġu sodisfatti, jiġi ggarantit il-pagament ta’ somma ta’ flus;

    (b)

    l-ogħla obbligu ta’ ħlas li l-garanti jaċċetta;

    (c)

    li l-garanti jimpenja ruħu b’mod konġunt u b’mod individwali mal-parti responsabbli biex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ ħlas, fi żmien 30 jum mit-talba tal-awtorità kompetenti, kull somma, fil-limitu tal-garanzija, li tkun dovuta ladarba l-garanzija tiġi ddikjarata bħala ċeduta.

    3.   Fejn tkun diġà ngħatat garanzija fi blokk wieħed bil-miktub, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina l-proċedura li trid tiġi segwita li permezz tagħha, il-garanzija fi blokk sħiħa jew parti minnha għandha tiġi allokata għal obbligu partikolari.

    Artikolu 22

    L-applikazzjoni ta’ force majeure

    Kull persuna responsabbli minn obbligu kopert minn garanzija li tiddikjara li n-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligu huwa kkawżat minn force majeure għandu jagħti l-provi li jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti li tapplika l-force majeure. Jekk l-awtorità kompetenti tirrikonoxxi każ ta’ force majeure, l-obbligu jiġi kkanċellat għall-għan uniku tar-rilaxx tal-garanzija.

    TAQSIMA 3

    Ir-Rilaxx u ċ-Ċediment tal-Garanziji, Minbarra Dawk Imsemmija fit-Taqsima 4

    Artikolu 23

    Iċ-ċediment tal-garanziji

    1.   L-obbligu msemmi fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 huwa r-rekwiżit li titwettaq jew ma titwettaqx azzjoni, li tkun bażika għall-għanijiet tar-Regolament li jimponih.

    2.   Jekk obbligu ma jiġix sodisfatt u ma jkun ingħata l-ebda limitu ta’ żmien biex jiġi sodisfatt, il-garanzija għandha tiġi ċeduta meta l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li dan ma ġiex sodisfatt.

    3.   Jekk l-issodisfar ta’ obbligu huwa soġġett għal ċertu limitu ta’ żmien, u l-issodisfar seħħ biss wara dak il-limitu ta’ żmien, il-garanzija tiġi ċeduta.

    F’każ bħal dan, il-garanzija għandha tiġi ċeduta għal 10 % minnufih u għandu jiġi applikat ukoll perċentwal addizzjonali fuq il-bilanċ li jifdal għal:

    (a)

    2 % għal kull jum kalendarju li jaqbeż il-limitu ta’ żmien, jekk l-obbligu jkun jikkonċerna l-importazzjoni ta’ prodotti f’pajjiż terz;

    (b)

    5 % għal kull jum kalendarju li jaqbeż il-limitu ta’ żmien, jekk l-obbligu jkun jikkonċerna t-tluq ta’ prodotti mit-territorju doganali tal-Unjoni.

    4.   Jekk obbligu jiġi sodisfatt fil-ħin, u l-preżentazzjoni tal-prova li dan ġie sodisfatt tkun soġġetta għal limitu ta’ żmien fiss, il-garanzija li tkopri dak l-obbligu għandha tiġi ċeduta għal kull jum kalendarju li jaqbeż il-limitu ta’ żmien skont il-formola 0,2/il-limitu ta’ żmien stabbilit fi ġranet u filwaqt li jitqies l-Artikolu 25.

    Jekk il-prova msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ liċenzja użata jew skaduta tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni, jew fit-tressiq ta’ prova li l-prodotti jkunu ħarġu mit-territorju doganali tal-Unjoni, il-garanzija li għandha tiġi rinunzjata għandha tkun ta’ 15 % jekk il-prova titressaq wara l-limitu ta’ żmien iffissat imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu iżda mhux wara is-730 jum kalendarju wara d-data tal-iskadenza tal-liċenzja. Wara dawk is-730 jum kalendarju, dak li jkun fadal mill-garanzija għandu jiġi ċedut kollu kemm hu.

    Jekk il-prova msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tikkonċerna s-sottomissjoni ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni użata jew skaduta b’iffissar bil-quddiem tar-rifużjonijiet, il-garanzija li għandha tiġi ċeduta għandha tkun:

    (a)

    10 % jekk il-liċenzja tiġi sottomessa bejn il-61 u d-90 jum kalendarju wara d-data ta’ skadenza tal-liċenzja;

    (b)

    50 % jekk il-liċenzja tiġi sottomessa bejn il-91 u l-120 jum kalendarju wara d-data ta’ skadenza tal-liċenzja;

    (c)

    70 % jekk il-liċenzja tiġi sottomessa bejn il-121 u l-150 jum kalendarju wara d-data ta’ skadenza tal-liċenzja;

    (d)

    80 % jekk il-liċenzja tiġi sottomessa bejn il-151 u l-180 jum kalendarju wara d-data ta’ skadenza tal-liċenzja;

    (e)

    100 % jekk il-liċenzja tiġi sottomessa wara l-180 jum kalendarju wara d-data ta’ skadenza tal-liċenzja.

    5.   L-ammont tal-garanzija li għandu jintilef jew jiġi ċedut għandu jiġi aġġustat għall-ewwel ammont l-aktar baxx f’somma ta’ euro sħaħ jew fil-munita nazzjonali applikabbli.

    Artikolu 24

    Iċ-ċediment tal-garanziji

    1.   Ladarba tintwera l-prova kif stabbilit mir-regoli speċifiċi tal-Unjoni li obbligu ġie rispettat, jew li parti mill-garanzija ġiet ċeduta skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament, dak li jifdal mill-garanzija għandu jiġi rilaxxat mingħajr dewmien.

    2.   Garanzija għandha tiġi rilaxxata parzjalment fejn tkun ingħatat l-evidenza rilevanti fir-rigward ta’ parti minn kwantità ta’ prodott, sakemm dik il-parti ma tkunx anqas mill-kwantità minima speċifikata fir-regolament li jitlob il-garanzija, jew fin-nuqqas tiegħu, kif speċifikat mill-Istat Membru.

    3.   Fejn ma hemmx perjodu ta’ żmien stabbilit biex tiġi ppreżentata l-evidenza li tinħtieġ għar-rilaxx ta’ somma ggarantita, dan il-perjodu għandu jkun ta’ 365 jum kalendarju mil-limitu ta’ żmien speċifikat għall-ħarsien tal-obbligu li għalih kienet iddepożitata l-garanzija. Fejn ma jkun speċifikat l-ebda limitu ta’ żmien, il-perjodu għandu jkun 365 jum kalendarju wara d-data sa liema jkunu ġew sodisfatti l-obbligi kollha.

    Il-perjodu stabbilit fl-ewwel sottoparagrafu ma għandux jaqbeż il-1 095 jum kalendarju minn meta l-garanzija tkun ġiet assenjata għal obbligu partikolari.

    Artikolu 25

    Livelli Limitu

    1.   Is-somma kollha li tintilef bi dritt ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-parti rilevanti tas-somma ggarantita.

    2.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja li tikkonfiska ammont ta’ anqas minn EUR 100 mill-garanzija, diment li jiġu stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, dispożizzjonijiet nazzjonali simili għal każijiet paragunabbli.

    TAQSIMA 4

    Garanziji fir-Rigward tal-Ħlasijiet bil-Quddiem

    Artikolu 26

    Il-kamp ta’ applikazzjoni

    Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw fil-każijiet kollha fejn regoli speċifiċi tal-Unjoni jipprevedu li somma tista’ titħallas qabel ma jkun issodisfatt l-obbligu stabbilit biex tinkiseb għajnuna jew vantaġġ.

    Artikolu 27

    Ir rilaxx tal-garanziji

    1.   Il-garanzija għandha tiġi rrilaxxjata:

    (a)

    jew meta jkun ġie stabbilit dritt finali għas-somma mogħtija bħala ħlas bil-quddiem;

    (b)

    jew meta s-somma mogħtija, flimkien ma’ kull żieda prevista fir-regoli speċifiċi tal-Unjoni, tkun tħallset lura.

    2.   Ladarba d-data ta’ skadenza biex tingħata prova tad-dritt finali għas-somma mogħtija tkun għaddiet mingħajr ma tkun ġiet prodotta evidenza ta’ intitolament, l-awtorità kompetenti għandha immedjatament issegwi l-proċedura għall-konfiska tal-garanzija.

    Madankollu, fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi hekk, tista’ tiġi prodotta l-evidenza wara dik id-data permezz tal-ħlas lura parzjali tal-garanzija.

    KAPITOLU V

    L-UŻU TAL-EURO

    Artikolu 28

    Rimborżi tal-esportazzjoni u kummerċ ma’ pajjiżi terzi

    1.   Għall-ammonti li jirrigwardaw l-importazzjoni u għat-taxxi fuq l-esportazzjoni, li jkunu ffissati bħala euro bil-liġi tal-Unjoni dwar l-istrateġija agrikola komuni li jkunu applikabbli fl-Istati Membri fil-munita nazzjonali, ir-rata tal-konverżjoni għandha tkun speċifikament ugwali għar-rata applikabbli bi qbil mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    2.   Għar-rimborżi fuq l-esportazzjonijiet stabbiliti f’euro u għall-prezzijiet u l-ammonti espressi f’euro fil-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana.

    3.   Għall-kalkolu tal-valur standard tal-importazzjoni tal-frott u l-ħxejjex imsemmi fl-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (20), biex jiġi stabbilit il-prezz tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 137(1) ta’ dak ir-Regolament, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għall-prezzijiet rappreżentattivi użati għall-kalkolu tal-valur standard u l-ammont tat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 134(3) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun il-jum li jirrelataw għalih il-prezzijiet rappreżentattivi.

    Artikolu 29

    Rifużjonijiet fuq il-produzzjoni u tipi speċifiċi ta’ għajnuna

    1.   Għar-rifużjonijiet fuq il-produzzjoni stabbiliti f’euro bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun id-data tad-dikjarazzjoni li l-prodotti jkunu waslu fid-destinazzjoni meħtieġa, skont il-każ, minn dik il-leġiżlazzjoni. Fil-każijiet fejn din id-destinazzjoni mhijiex meħtieġa, l-avveniment operattiv għandu jkun l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għall-ħlas tar-rifużjoni mill-aġenzija tal-pagamenti.

    2.   Għall-għajnuna mogħtija bħala kwantità ta’ prodott kummerċjalizzat jew prodott li jrid jintuża b’mod speċifiku, mingħajr ħsara għall-Artikoli 30 u 33, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-ewwel operazzjoni li tiggarantixxi, wara li l-prodotti jinxtraw mill-operatur ikkonċernat, l-użu xieraq tal-prodotti kkonċernati u tinvolvi l-għoti tal-għajnuna.

    3.   Għall-għajnuna għall-ħżin privat l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-ewwel ġurnata tal-perjodu li għalih tingħata l-għajnuna relatata mal-istess kuntratt.

    4.   Għal għajnuna oħra minbarra dik imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 30 u 31, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun id-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.

    Artikolu 30

    Is-settur tal-inbid

    1.   L-avveniment operattiv għar-rati tal-kambju għandu jkun l-ewwel jum tas-sena tal-għasra li fiha jingħata l-appoġġ għal dan li ġej:

    (a)

    ir-ristrutturar u l-konverżjoni tal-vinji msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b)

    l-istabbilment ta’ fondi mutwi msemmija fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (c)

    l-assigurazzjoni fuq il-ħsad imsemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    2.   Għall-għajnuniet imħallsa għad-distillazzjoni volontarja jew obbligatorja ta’ prodotti sekondarji mill-vitikultura, imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-ewwel jum tas-sena tal-għasra li fiha jiġi distribwit il-prodott sekondarju.

    3.   Għall-investimenti msemmija fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-innovazzjoni fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna.

    4.   Għall-operazzjonijiet ta’ ħsad bikri msemmija fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun il-jum li fih isir il-ħsad bikri.

    Artikolu 31

    Ammonti u ħlasijiet fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

    1.   Għal għajnuna mogħtija għall-provvista ta’ ċerti prodotti tal-ħalib lill-istudenti kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 (21), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-ewwel jum tal-perjodu li tirrelata għalih l-applikazzjoni tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Għall-ħlas tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 595/2004 (22), għal perjodu ta’ tnax-il xahar partikolari skont it-tifsira tal-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (23), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ April ta’ wara l-perjodu konċernat.

    3.   Għall-ispejjeż tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 (24), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun il-jum li fih l-awtorità kompetenti tirċievi l-offerta valida.

    Artikolu 32

    L-ammonti u l-pagamenti tal-għajnuna marbuta mal-implimentazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel

    Għall-għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (25), l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Jannar ta’ qabel il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 33

    Il-prezz minimu għall-pitravi, l-imposta fuq il-produzzjoni żejda u t-tariffa fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor

    Għat-tariffa fuq il-produzzjoni tal-pitravi, u l-imposta fuq il-produzzjoni żejda msemmijin fl-Artikoli 128, 135 u 142 rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Ottubru tas-sena tas-suq li fir-rigward tagħha jiġu applikati jew imħallsal-prezzijiet u l-ammonti.

    Artikolu 34

    L-ammonti għall-operazzjonijiet strutturali jew ambjentali u spejjeż ġenerali tal-programmi operattivi

    1.   Għall-ammonti msemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kif ukoll għall-ammonti marbutin mal-miżuri approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għalihom jiġu assigurati l-ħlasijiet lill-benefiċjarji permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tittieħed id-deċiżjoni li tingħata għajnuna.

    Madankollu, fejn, skont ir-regoli tal-Unjoni, il-ħlas tal-ammonti msemmija fl-ewwel sottoparagrafu jsir bin-nifs tul diversi snin, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għal kull wieħed mill-ħlasijiet bin-nifs annwali għandu jkun l-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha jsir l-ħlas bin-nifs ikkonċernat.

    2.   Għas-somom imsemmija fil-punt 2(a) tal-Anness IX tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, maħsuba biex ikopru l-ispejjeż ġenerali speċifikament marbutin mal-fondi operattivi jew il-programmi msemmija fl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-1 ta’ Jannar tas-sena li għaliha jirrelataw dawn l-ispejjeż ġenerali.

    Artikolu 35

    L-ammonti marbuta mal-awtorizzazzjoni biex tingħata għajnuna finanzjarja nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u r-rimborż parzjali ta’ din l-għajnuna finanzjarja nazzjonali

    1.   Għat-talba tal-awtorizzazzjoni biex tingħata l-għajnuna finanzjarja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-avveniment operattiv għandu jkun id-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tat-talba lill-Kummissjoni, kif stipulat fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

    2.   Għar-rimborż mill-Unjoni tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali skont l-Artikolu 95 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun id-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.

    Artikolu 36

    Ammonti u prezzijiet oħra

    Għal prezzijiet jew ammonti differenti minn dawk imsemmija fl-Artikoli 28 sa 35, jew l-ammonti konnessi ma’ dawk il-prezzijiet, espressi f’euro fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew espressi f’euro permezz ta’ proċedura ta’ offerti, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun il-jum li fih jseħħ wieħed mill-atti legali li ġejjin:

    (a)

    għax-xiri, meta tkun waslet l-offerta valida;

    (b)

    għall-bejgħ, meta tkun waslet l-offerta valida;

    (c)

    għall-irtirar tal-prodotti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, il-jum li fih iseħħ l-irtirar;

    (d)

    għall-operazzjonijiet li mhumiex tal-ħsad u għall-operazzjonijiet ta’ ħsad bikri fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, il-jum li fih iseħħ l-operat li mhuwiex ta’ ħsad u l-ħsad bikri;

    (e)

    għall-ispejjeż tat-trasport, l-ipproċessar jew il-ħżin pubbliku u għall-ammonti allokati għall-istudji bħala parti minn proċedura tal-offerti, l-aħħar jum għas-sottomissjoni tal-offerti;

    (f)

    għar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet, l-ammonti jew l-offerti fis-suq, il-jum li għalih jiġi rreġistrat il-prezz, l-ammont jew l-offerta;

    (g)

    għall-penali marbutin man-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni agrikola, id-data tal-att tal-awtorità kompeteti li jistabbilixxi l-fatti;

    (h)

    għad-dħul jew l-ammonti marbutin mal-volumi tal-produzzjoni, il-bidu tal-perjodu ta’ referenza stabbilit bil-leġiżlazzjoni agrikola.

    Artikolu 37

    Il-ħlas bil-quddiem

    Għall-ħlasijiet bil-quddiem, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-avveniment operattiv applikabbli għall-prezz jew għall-ammont li jirrelata għalih il-ħlas bil-quddiem, fejn dan l-avveniment ikun seħħ saż-żmien meta jsir il-ħlas bil-quddiem, jew, f’każijiet oħra, id-data tal-istabbiliment f’euro tal-ħlas bil-quddiem jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-data tal-ħlas bil-quddiem. L-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jiġi applikat għall-ħlas bil-quddiem mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-prezz jew l-ammont sħiħ ikkonċernat tal-avveniment operattiv għal dak il-prezz jew ammont.

    Artikolu 38

    Garanziji

    Għall-garanziji, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun id-data li fiha tiġi ddepożitata l-garanzija.

    Madankollu, għandhom japplikaw l-eċċezzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għal garanziji marbutin ma’ ħlas bil-quddiem, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun l-avveniment operattiv iddefinit għall-ammont tal-ħlas bil-quddiem, fil-każ li l-avveniment ikun seħħ saż-żmien li titħallas il-garanzija;

    (b)

    għall-garanziji relatati mas-sottomissjoni tal-offerti, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun il-jum li fih tiġi sottomessal-offerta;

    (c)

    għall-garanziji relatati mal-eżekuzzjoni tal-offerti, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju għandu jkun id-data tal-għeluq tas-sejħa għall-offerti.

    Artikolu 39

    L-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet

    L-ammonti f’euro li jidhru fil-Kapitolu III tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandhom jiġu kkonvertiti fejn jixraq fil-munità nazzjonali billi tiġi applikata r-rata ta’ kambju li tkun qed titħaddem fl-ewwel jum tax-xogħol tas-sena meta jibda l-perjodu ta’ skrutinju u jkun ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 40

    Stabbiliment tar-rata tal-kambju

    Meta avveniment operattiv jiġi stabbilit skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għandha tkun ir-rata l-aktar reċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qabel l-ewwel juma tax-xahar li fih iseħħ l-avveniment operattiv.

    Madankollu, fil-każijiet li ġejjin, ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għandha tkun:

    (a)

    għall-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-Regolament li fihom l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju huwa l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, ir-rata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

    (b)

    għall-infiq tal-intervent fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ħżin pubbliku, ir-rata li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 906/2014 (26);

    (c)

    għall-prezz minimu tal-pitravi msemmi fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, ir-rata medja stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għax-xahar ta’ qabel l-avveniment operattiv.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONI FINALI

    Artikolu 41

    Id-dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   F’każ li aġenzija tal-pagamenti li tkun akkreditata kif jitlob ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tassumi r-responsabbiltà għall-infiq li għalih hi ma kinitx responsabbli qabel, din għandha tiġi akkreditata bir-responsabbiltajiet il-ġodda sal-1 ta’ Jannar 2015.

    2.   Il-miżuri elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1106/2010 ma għandhomx jiġu soġġetti għas-sistema ta’ skrutinju stabbilita fil-Kapitolu III tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-fini tal-iskrutinju marbut mal-infiq ta’ qabel is-sena fiskali 2014.

    3.   Fejn issir referenza fil-leġiżlazzjoni speċifika, għal rekwiżiti primarji, sekondarji jew subordinati, kif imsemmi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012, għandu japplika l-Artikolu 23(2), (3) u (4) ta’ dan ir-Regolament.

    4.   Għall-programmi ta’ żvilupp rurali msemmijin fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005:

    (a)

    għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-impenji baġitarji li ma jkunux intużaw sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena wara dik tal-impenn baġitarju. Fl-Artikolu 38 ta’ dak ir-Regolament, ir-referenzi li hemm għas-sena N+3 għandhom jitqiesu bħala referenzi għas-sena N+2;

    (b)

    il-pagamenti interim li tħallas il-Kummissjoni, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, ma għandhomx ikunu soġġetti għal tifrix tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull prijorità għall-perjodu kollu kopert mill-programm ikkonċernat;

    (c)

    biex jiġu applikati l-Artikoli 37 u 38 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-aħħar data tal-eliġibbiltà tal-infiq għandha tkun dik stabbilita fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

    5.   Biex jiġi applikat l-Artikolu 54(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għall-każijiet irrappurtati jew li se jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni rigward is-snin fiskali 2013 u 2014, kif imsemmi fil-punt (h) tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, is-sena fiskali tas-sejba primarja ta’ irregolarità fit-tifsira tal-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 għandha tibqa’ titqies. Fil-każijiet li dwarhom ma tinstabx irregolarità primarja amministrattiva jew ġudizzjarja qabel is-16 ta’ Ottubru 2014, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    Rigward il-FAEŻR, biex jiġu approvati l-kontijiet bi qbil mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) ta’ dak ir-Regolament u jibdew bl-approvazzjoni tal-kontijiet għas-sena fiskali 2014.

    Artikolu 42

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 376/2008

    Il-Paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 34 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 huma mħassra.

    Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw għall-garanziji ddepożitati b’mod validu skont dak ir-Regolament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 43

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 612/2009

    L-Artikolu 47(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 huwa mħassar.

    Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw għall-garanziji ddepożitati b’mod validu skont dak ir-Regolament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 44

    Revoka

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2006, (KE) Nru 884/2006, (KE) Nru 885/2006, (KE) Nru 1913/2006, (UE) Nru 1106/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012 huma revokati.

    Madankollu, għandu japplika dan li ġej:

    (a)

    Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2012 għandu jibqa’ japplika għall-garanziji ddepożitati b’mod validu skont dak ir-Regolament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2006 għandu jibqa’ japplika għall-infiq li jsir sal-15 ta’ Ottubru 2014;

    (c)

    Għandhom jibqgħu japplikaw l-Artikolu 11 u l-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    Artikolu 45

    Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 41(4) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, rigward iż-żamma tal-kotba tal-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura tal-ispejjeż fil-qafas tal-EAGF u tal-EAFRD (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (EAGF) tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabilità tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpi oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1913/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja tal-euro fis-settur agrikolu u jemenda ċerti regolamenti (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2010 tat-30 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi l-lista ta’ miżuri li għandhom ikunu esklużi mill-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri ta’ tranżazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (ĠU L 315, 1.12.2010, p. 16).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 tat-28 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).

    (8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

    (10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1).

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

    (13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)

    (15)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

    (16)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

    (17)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

    (18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008 p. 1).

    (19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).

    (21)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2008 tal- 10 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward l-għajnuna Komunitarja għall-provvista tal-ħalib u ċerti prodotti mill-ħalib lit-tfal tal-iskola f’ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni (ĠU L 183, 11.7.2008, p. 17).

    (22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 22).

    (23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

    (24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta’ Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1).

    (25)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta’ April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta’ frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38).

    (26)  Ir-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infiq pubbliku ta’ intervent (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    ANNESS I

    IL-KRITERJI TA’ AKKREDITAZZJONI

    (Artikolu 1)

    1.   L-AMBJENT INTERN

    (A)   Struttura organizzazzjonali

    L-istruttura organizzazzjonali tal-aġenzija tal-pagamenti għandha tippermettilha twettaq il-funzjonijiet ewlenin li ġejjin fir-rigward tal-infiq tal-FAEG u tal-FAEŻR:

    (i)

    L-awtorizzazzjoni u l-kontroll tal-pagamenti biex ikun stabbilit li l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju ikun skont ir-regoli tal-Unjoni, li għandhom jinkludu, b’mod partikolari, verifiki amministrattivi u dawk fuq il-post;

    (ii)

    L-eżekuzzjoni tal-pagamenti tal-ammont awtorizzat lill-benefiċjarji (jew iċ-ċessjonarji tagħhom) jew, fil-każ ta’ żvilupp rurali, il-parti tal-kofinanzjament mill-Unjoni;

    (iii)

    L-għoti ta’ rendikont biex jiġu rreġistrati l-pagamenti kollha fil-kontijiet separati tal-aġenzija tal-pagamenti tal-FAEG u tal-FAEŻR, fil-forma ta’ sistema ta’ informazzjoni, u t-tħejjija ta’ taqsiriet perjodiċi ta’ nfiq, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar (għall-FAEG), ta’ kull tliet xhur (għall-FAEŻR), u annwali lill-Kummissjoni. Il-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti għandhom jirreġistraw ukoll l-assi ffinanzjati mill-Fondi, b’mod partikolari rigward il-ħażniet ta’ intervent, il-ħlasijiet bil-quddiem mhux approvati, il-garanziji u d-debituri.

    L-istruttura organizzattiva tal-aġenzija tal-pagamenti għandha tipprevedi l-assenjazzjoni ċara ta’ awtorità u ta’ responsabbiltà fil-livelli operattivi kollha kif ukoll is-separazzjoni tat-tliet funzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, li r-responsabbiltajiet tagħhom jiġu ddefiniti fiċ-ċart organizzattiva. Din għandha tinkludi s-servizzi tekniċi u s-servizz ta’ awditjar intern imsemmija fil-punt 4.

    (B)   L-istandard tar-riżorsi umani

    L-aġenzija għandha tiżgura li:

    (i)

    Riżorsi umani adegwati huma allokati biex jitwettqu l-operazzjonijiet u l-eżistenza ta’ ħiliet tekniċi xierqa kif meħtieġ f’livelli operattivi differenti.

    (ii)

    Id-diviżjoni tad-dmirijiet tkun tali li l-ebda uffiċjal ma jkollu responsabbiltà għal aktar minn waħda mir-responsabbiltajiet biex jawtorizza, iħallas jew jagħti rendikont tas-somom iċċarġjati lill-FAEG jew lill-FAEŻR, u li l-ebda uffiċjal ma jwettaq xi wieħed minn dawk il-kompiti mingħajr is-superviżjoni ta’ uffiċjal ieħor.

    (iii)

    Ir-responsabbiltajiet ta’ kull uffiċjal jiġu ddefiniti bil-miktub fid-deskrizzjoni tal-impjieg, inkluż l-iffissar ta’ limiti finanzjarji għall-awtorità tiegħu/tagħha.

    (iv)

    It-taħriġ tal-istaff ikun adegwat fil-livelli operattivi kollha, inkluż fejn jidħol l-għarfien dwar il-frodi, u jkun hemm politika biex il-persunal f’pożizzjonijiet sensittivi jinbidel regolarment, jew alternattivament ikun hemm superviżjoni akbar.

    (v)

    Jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi evitat kunflitt ta’ interess fejn persuna li tokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà jew pożizzjoni sensittiva fir-rigward tal-verifika, tal-awtorizzazzjoni, tal-ħlas u tal-għoti ta’ rendikont tal-pretensjonijiet jew tal-pagamenti twettaq ukoll funzjonijiet oħrajn barra mill-aġenzija tal-pagamenti.

    (C)   Delegazzjoni

    (C.1)

    Jekk l-aġenzija tal-pagamenti tiddelega xi wieħed mill-kompiti tagħha lil korp ieħor, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Irid jiġi konkluż ftehim bil-miktub bejn l-aġenzija tal-pagamenti u dak il-korp li jispeċifika, minbarra l-kompiti ddelegati, in-natura tal-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jitressqu quddiem l-aġenzija tal-pagamenti u l-limitu ta’ żmien li fih iridu jitressqu. Il-ftehim irid jagħmila possibbli li l-aġenzija tal-pagamenti tkun konformi mal-kriterji ta’ akkreditazzjoni.

    (ii)

    Fil-każijiet kollha, l-aġenzija tal-pagamenti għandha tibqa’ responsabbli għall-ġestjoni effiċjenti tal-Fondi kkonċernati. Din tibqa’ għalkollox responsabbli mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, inkluż il-ħarsien tal-interess finanzjarju tal-Unjoni, kif ukoll li tiddikjara n-nefqa korrispondenti lill-Kummissjoni u li tħejji l-kontijiet kif xieraq.

    (iii)

    Ir-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-korp l-ieħor, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-kontroll u l-verifika tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni, għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar.

    (iv)

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tiżgura li l-korp l-ieħor ikollu sistemi effettivi biex ikun żgurat li jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod sodisfaċenti.

    (v)

    Il-korp l-ieħor għandu jikkonferma b’mod espliċitu lill-aġenzija tal-pagamenti li fil-fatt qed iwettaq il-kompiti tiegħu u għandu jiddeskrivi l-mezzi li qed jintużaw.

    (vi)

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tanalizza ta’ sikwit, il-kompiti ddelegati biex tikkonferma li x-xogħol li qed jitwettaq hu ta’ standard sodisfaċenti u skont ir-regoli tal-Unjoni.

    (C.2)

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (C. 1) (i), (ii), (iii) u (v) hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-każijiet fejn il-funzjonijiet tal-aġenzija tal-pagamenti jitwettqu minn korp ieħor bħala parti mill-kompiti regolari tagħha abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    2.   L-ATTIVITAJIET TA’ KONTROLL

    (A)   Il-proċeduri biex jiġu awtorizzati l-pretensjonijiet

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tadotta l-proċeduri li ġejjin:

    (i)

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tistabbilixxi proċeduri dettaljati dwar kif għandha tirċievi, tirreġistra u tipproċessal-pretensjonijiet, inkluża deskrizzjoni tad-dokumenti kollha li għandhom jintużaw.

    (ii)

    Kull uffiċjal responsabbli mill-awtorizzazzjoni jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu lista ddettaljata ta’ kontroll b’rabta mal-verifiki li għandhom jitwettqu, u għandu jixhed fid-dokumenti ta’ sostenn tal-pretensjoni li dawk il-verifiki jkunu twettqu. Dik l-attestazzjoni tista’ ssir b’mezzi elettroniċi. Għandu jkun hemm evidenza ta’ analiżi sistematika tax-xogħol imwettaq, pereżempju analiżi abbażi ta’ kampjun, sistema jew pjan, liema analiżi trid tkun twettqet minn membru għoli tal-persunal.

    (iii)

    Pretensjoni għandha tkun awtorizzata biss wara li jkunu saru biżżejjed kontrolli biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni.

    Il-verifiki għandhom jinkludu dawk mitluba mir-Regolament rilevanti li jirregola l-miżura speċifika li skontha tkun qed tintalab l-għajnuna, u dawk mitluba mill-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex jiġu miġġielda u mikxufa l-każijiet ta’ frodi u ta’ irregolarità filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari r-riskji involuti. Għall-FAEŻR, għandu jkun hemm ukoll proċeduri biex jivverifikaw li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna, inkluż l-għoti tal-kuntratti, ikunu ġew rispettati, u li r-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali kollha, inklużi dawk stabbiliti fil-programm tal-iżvilupp rurali, ġew sodisfatti.

    (iv)

    Il-maniġment tal-aġenzija tal-pagamenti, fil-livell adegwat, għandu jiġi mgħarraf fuq bażi regolari u f’waqtha bir-riżultati tal-verifiki amministrattivi u dawk fuq il-post li jkun ġew imwettqa, u dan biex qabel ma jsir il-pagament għal pretensjoni, ikun dejjem jista’ jitqies il-livell ta’ dawk il-kontrolli.

    (v)

    Ix-xogħol imwettaq għandu jiġi dettaljat f’rapport li jakkumpanja kull pretensjoni, kull grupp ta’ pretensjonijiet jew, jekk ikun f’loku, f’rapport li jkopri sena ta’ kummerċjalizzazzjoni waħda. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn attestazzjoni dwar l-eliġibbiltà tal-pretensjonijiet approvati u dwar in-natura, l-ambitu u l-limiti tax-xogħol li jkun sar. Barra minn hekk, għall-FAEŻR, għandu jkun hemm assigurazzjoni li l-kriterji għall-għoti ta’ għajnuna, inkluż l-għoti tal-kuntratti, ikunu ġew rispettati, u li r-regoli applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali kollha, inklużi dawk stabbiliti fil-programm tal-iżvilupp rurali, ġew sodisfatti. Jekk ikun hemm verifika fiżika jew amministrattiva li ma tkunx kopriet kollox, imma tkun saret fuq kampjun tal-pretensjonijiet, għandhom jiġu identifikati l-pretensjonijiet magħżula, jiġi deskritt il-metodu tat-teħid tal-kampjuni, u jsir rapport dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kollha u l-miżuri meħuda rigward id-diskrepanzi u l-irregolaritajiet. Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom ikunu biżżejjed biex jagħtu assigurazzjoni li jkunu twettqu l-verifiki kollha meħtieġa dwar l-eliġibbiltà tal-pretensjonijiet awtorizzati.

    (vi)

    Fejn dokumenti (fuq karta jew f’forma elettronika) relatati mal-pretensjonijiet awtorizzati u mal-verifiki mwettqa jinżammu minn korpi oħrajn, kemm dawk il-korpi kif ukoll l-aġenzija tal-pagamenti għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw li jiġi rreġistrat il-post fejn qed jinżammu dawk id-dokumenti kollha li jkunu rilevanti għall-pagamenti speċifiċi li saru mill-aġenzija.

    (B)   Il-proċeduri għall-ħlas

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tadotta l-proċeduri meħtieġa biex tiżgura li l-pagamenti jsiru biss f’kontijiet bankarji li jappartjenu jew lill-benefiċjarji jew liċ-ċessjonarji tagħhom. Il-pagament għandu jiġi magħmul mill-bank tal-aġenzija tal-pagamenti jew, skont il-każ xi jkun, minn uffiċċju tal-pagamenti tal-gvern, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data tal-iċċarġjar lill-FAEG jew lill-FAEŻR. Għandhom jiġu adottati proċeduri biex jiġi żgurat li l-pagamenti kollha li għalihom ma jsirux trasferimenti jkunu kkreditati mill-ġdid lill-Fondi. Jekk tali pagamenti diġà ġew iddikjarati lill-Fondi, dawn għandhom jiġu kkreditati mill-ġdid lill-Fondi permezz ta’ dikjarazzjonijiet kull xahar/kull tliet xhur li jmiss jew fil-kontijiet annwali l-aktar tard. M’għandu jsir l-ebda ħlas bi flus kontanti. L-approvazzjoni tal-uffiċjal li jawtorizza u/jew tas-superviżur tiegħu tista’ ssir b’mezzi elettroniċi, sakemm jiġi żgurat livell xieraq ta’ sigurtà fuq dawk il-mezzi, u l-identità tal-firmatarju titniżżel fir-rekords elettroniċi.

    (C)   Il-proċeduri għall-kontabbiltà

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tadotta l-proċeduri li ġejjin:

    (i)

    Il-proċeduri tal-kontabbiltà għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjonijiet mensili (għall-FAEG), dawk ta’ kull tliet xhur (għall-FAEŻR) u dawk annwali jkunu sħaħ, preċiżi u f’waqthom, u li kwalunkwe żball jew ommissjoni jiġi skopert u kkoreġut, b’mod partikolari permezz ta’ verifiki u rikonċiljazzjonijiet imwettqa f’intervalli regolari.

    (ii)

    Il-kontabbiltà għal ħażna ta’ intervent għandha tiżgura li l-kwantitajiet u l-ispejjeż assoċjati jiġu pproċessati u rreġistrati b’mod korrett u fil-pront għal kull lott identifikabbli u fil-kont korrett f’kull stadju mill-aċċettazzjoni ta’ offerta sat-tneħħija fiżika tal-prodott, skont ir-regolamenti applikabbli, u għandha tiżgura li l-kwantità u n-natura tal-ħażniet f’kull post jistgħu jiġu ddeterminati fi kwalunkwe ħin.

    (D)   Il-proċeduri għall-pagamenti bil-quddiem u għall-garanziji

    Għandhom jiġu adottati proċeduri biex jiġi żgurat li:

    (i)

    Il-pagamenti ta’ ħlas bil-quddiem għandhom jiġu identifikati b’mod separat fir-rekords tal-kontabbiltà jew fir-rekords sussidjarji.

    (ii)

    Il-garanziji jinkisbu biss minn istituzzjonijiet finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament u li jkunu approvati mill-awtoritajiet xierqa u li jibqgħu validi sakemm jiġu approvati jew invokati fuq is-sempliċi talba tal-aġenzija tal-pagamenti.

    (iii)

    Il-ħlas bil-quddiem jiġi approvat fil-limiti ta’ żmien stipulati u dawk li misshom diġà ġew approvati għandhom jiġu identifikati fil-pront u l-garanziji għandhom jiġu invokati fil-pront.

    (E)   Il-proċeduri għad-djun

    Il-kriterji kollha pprovduti fil-punti minn A) sa D) għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-imposti, għall-garanziji mitlufa, għall-pagamenti rimborsati, għad-dħul assenjat, eċċ., li l-aġenzija tal-pagamenti tkun mitluba tiġbor f’isem il-FAEG u l-FAEŻR.

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent tal-ammonti kollha dovuti u biex tirreġistra f’reġistru tad-debituri id-djun kollha bħal dawn qabel ma jiġu riċevuti. Ir-reġistru tad-debituri għandu jiġi spezzjonat f’intervalli regolari u għandha tittieħed azzjoni biex jinġabru d-djun li misshom diġà tħallsu.

    (F)   Ir-rekord ta’ verifika

    L-informazzjoni dwar l-evidenza dokumentarja tal-awtorizzazzjoni, tal-kontabbiltà u tal-pagamenti tal-pretensjonijiet u tal-immaniġġjar tal-ħlas bil-quddiem, tal-garanziji u tad-djun għandha tkun disponibbli fl-aġenzija tal-pagamenti sabiex dejjem ikun hemm rekord dettaljat għall-verifika.

    3.   INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI

    (A)   Il-komunikazzjoni

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tadotta l-proċeduri meħtieġa sabiex tiżgura ruħha li kull bidla fir-regolamenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari fir-rati tal-għajnuna applikabbli, jiġu rreġistrati u l-istruzzjonijiet, il-bażijiet ta’ dejta u l-listi ta’ verifika jiġu aġġornati fi żmien xieraq.

    (B)   Is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni

    (i)

    Mingħajr preġudizzju għall-punt (ii) hawn taħt, is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti f’verżjoni applikabbli fis-sena finanzjarja kkonċernata ta’ wieħed mill-istandards li ġejjin:

    Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni 27002: Kodiċi tal-prassi għall-kontrolli tas-Sikurezza tal-Informazzjoni (ISO);

    Bundesamt fur Sicherheit in der Informationstechnik: IT-Grundschutzhandbuch/IT Baseline Protection Manual (BSI);

    L-Assoċjazzjoni għall-Awditjar u l-Kontroll tas-Sistemi tal-Informazzjoni: L-objettivi ta’ kontroll għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u dik relatata (Control objectives for Information and related Technology) (COBIT).

    (ii)

    Mis-16 ta’ Ottubru 2016, is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni għandha tiġi ċċertifikata skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni 27001: Is-sistemi għall-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Informazzjoni — Rekwiżiti (ISO).

    Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza lill-Istati Membri jiċċertifikaw is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni tagħhom skont standards aċċettati oħra jekk dawk l-istandards jiggarantixxu livell ta’ sigurtà tal-inqas ekwivalenti għal dak stipulat minn ISO 27001.

    Għall-aġenziji tal-pagamenti responsabbli mill-immaniġġjar u l-kontroll ta’ nefqa annwali ta’ mhux aktar minn EUR 400 miljun, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu. Dawk l-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-punt (i). Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom.

    4.   MONITORAĠĠ

    (A)   Monitoraġġ kontinwu permezz ta’ attivitajiet ta’ kontroll intern

    L-attivitajiet ta’ kontroll intern għandhom ikopru tal-inqas l-oqsma li ġejjin:

    (i)

    Il-monitoraġġ tas-servizzi tekniċi u tal-korpi ddelegati responsabbli mit-twettiq tal-kontrolli u ta’ funzjonijiet oħrajn biex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tar-regolamenti, tal-linji gwida u tal-proċeduri.

    (ii)

    L-introduzzjoni ta’ bidliet fis-sistemi sabiex is-sistemi ta’ kontroll jittejbu b’mod ġenerali.

    (iii)

    L-analiżi tal-pretensjonijiet u tat-talbiet imressqa quddiem l-aġenzija tal-pagamenti kif ukoll ta’ kull informazzjoni oħra li tqajjem suspett ta’ xi irregolaritajiet.

    (iv)

    Il-proċeduri ta’ monitoraġġ sabiex jipprevjenu u jikxfu każijiet ta’ frodi u ta’ irregolarità b’attenzjoni partikolari għal dawk l-oqsma tan-nefqa tal-PAK li jaqgħu fil-kompetenza tal-aġenzija tal-pagamenti u li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ frodi jew irregolaritajiet serji oħra.

    Il-monitoraġġ kontinwu jkun parti mill-attivitajiet operattivi normali u rikorrenti tal-aġenzija tal-pagamenti. Fil-livelli kollha, l-operazzjonijiet u l-attivitajiet ta’ kontroll ta’ kuljum tal-aġenzija għandhom jiġu mmonitorjati fuq bażi kontinwa sabiex dejjem ikun hemm rekord dettaljat tal-entrati.

    (B)   Evalwazzjonijiet separati permezz ta’ servizz ta’ awditjar intern

    F’dan ir-rigward, l-aġenzija tal-pagamenti għandha tadotta l-proċeduri li ġejjin:

    (i)

    Is-servizz ta’ awditjar intern għandu jkun indipendenti mid-dipartiment l-oħra tal-aġenzija tal-pagamenti u għandu jirrapporta direttament lid-direttur tal-aġenzija tal-pagamenti.

    (ii)

    Is-servizz ta’ verifika interna għandu jivverifika li l-proċeduri adottati mill-aġenzija jkunu adegwati biex ikun żgurat li l-konformità mar-regoli tal-Unjoni tkun ivverifikata u li l-kontijiet ikunu preċiżi, kompluti u f’waqthom. Il-verifiki jistgħu jkunu limitati għal miżuri magħżula u għal kampjuni ta’ tranżazzjonijiet, u dan kemm-il darba pjan ta’ awditjar jiżgura li l-oqsma kollha sinifikanti, inklużi d-dipartimenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni, ikunu koperti tul perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin.

    (iii)

    Ix-xogħol tas-servizz tal-awditu intern għandu jitwettaq skont standards aċċettati f’livell internazzjonali, għandu jiġi rreġistrat fil-karti tal-ħidma u għandu jwassal għal rapporti u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-ogħla maniġment tal-aġenzija.


    ANNESS II

    L-OBBLIGI TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI U L-PROĊEDURI TAL-ISPEZZJONIJIET FIŻIĊI

    (Artikolu 3)

    A.   L-OBBLIGI TAL-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI

    I.   Verifiki

    1.   Frekwenza u rappreżentanza

    Kull punt ta’ ħażna għandu jiġi spezzjonat tal-anqas darba f’sena skont ir-regoli stabbiliti fil-punt B, biex b’mod partikolari jiġu żgurati dawn li ġejjin:

    il-proċedura għall-ġbir tal-informazzjoni dwar il-ħażna pubblika;

    jekk id-dejta tal-kontabbiltà miżmuma fuq il-post mill-maħżnier taqbilx mal-informazzjoni mibgħuta lill-aġenzija tal-pagamenti;

    il-preżenża fiżika fil-maħżen tal-kwantitajiet imsemmija fir-rekords kontabilistiċi tal-maħżnier u li serviet bħala bażi għall-aħħar dikjarazzjoni ta’ kull xahar ipprovduta mill-maħżnier, ivvalutata viżwalment jew, f’każ ta’ dubju jew tilwima, billi tintiżen jew titkejjel;

    il-kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli tal-prodotti maħżuna.

    Il-preżenza fiżika għandha tiġi stabbilita bi spezzjoni fiżika li tkun rappreżentattiva biżżejjed, li tal-anqas tkun tkopri l-perċentwali stabbiliti fil-punt B u li tippermetti li wieħed jikkonkludi li l-kwantitajiet sħaħ elenkati fil-kontijiet tal-ħażniet huma fil-fatt preżenti.

    Il-verifiki tal-kwalità għandhom jinkludu verifiki viżwali, bix-xamm u/jew organolettiċi u, jekk ikun hemm xi dubju, analiżi fid-dettall.

    2.   Verifiki addizzjonali

    Jekk tiġi identifikata xi anomalija waqt l-ispezzjoni fiżika, perċentwal ieħor tal-kwantitajiet fil-ħażna ta’ intervent għandu jiġi spezzjonat bl-istess metodu. Jekk ikun meħtieġ, l-ispezzjoni tista’ tiġi estiża b’mod li jintiżnu l-prodotti kollha fil-lott jew fil-maħżen li jkun qiegħed jiġi spezzjonat.

    II.   Rapporti ta’ spezzjoni

    1.

    Il-korp ta’ spezzjoni intern tal-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp awtorizzat minn din tal-aħħar għandu jipprepara rapport fuq kull waħda mill-verifiki jew l-ispezzjonijiet fiżiċi mwettqa.

    2.

    Ir-rapport għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem tal-maħżnier, l-indirizz tal-maħżen li fih tkun saret iż-żjara u d-deskrizzjoni tal-lottijiet spezzjonati;

    (b)

    id-data u l-ħin meta bdiet u spiċċat l-ispezzjoni;

    (c)

    il-post fejn saret l-ispezzjoni u deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħażna, tal-imballaġġ u tal-aċċessibbiltà;

    (d)

    l-identità sħiħa tal-persuni li jwettqu l-ispezzjoni, l-istatus tagħhom u t-termini tal-awtorizzazzjoni tagħhom;

    (e)

    il-miżuri ta’ spezzjoni mwettqa u l-proċeduri użati biex jiġi stabbilit il-volum, bħall-metodi ta’ kejl, il-kalkoli, ir-riżultati provviżorji u dawk finali, u l-konklużjonijiet li joħorġu minn dawn;

    (f)

    għal kull lott jew kwantità maħżuna, il-kwantità fil-kotba tal-aġenzija tal-pagamenti, il-kwantità fil-kotba tal-maħżen u kull diskrepanza bejn iż-żewġ settijiet ta’ kotba;

    (g)

    għal kull lott jew kwalità spezzjonata fiżikament, l-informazzjoni msemmija fil-punt (f) u l-kwantità vverifikata fuq il-post u kwalunkwe diskrepanza, in-numru tal-lott jew tal-kwalità, il-pelits, il-kaxex, is-sajlos, il-btieti jew reċipjenti oħra involuti u l-piż (kemm dak nett kif ukoll dak gross, jekk ikun lokhom) jew il-volum;

    (h)

    id-dikjarazzjonijiet li jagħmel il-maħżnier f’każ ta’ diskrepanzi jew differenzi;

    (i)

    il-post, id-data u l-firma tal-persuna li tipprepara r-rapport u tal-maħżnier jew ta’ rappreżentant tiegħu;

    (j)

    kull spezzjoni estiża mwettqa fil-każ ta’ anomaliji, li tispeċifika l-perċentwal tal-kwantitajiet maħżuna koperti mill-ispezzjoni estiża, id-diskrepanzi misjuba u l-ispjegazzjonijiet mogħtija.

    3.

    Ir-rapporti għandhom jintbagħtu immedjatament lill-kap tad-dipartiment responsabbli għaż-żamma tar-reġistri tal-aġenzija tal-pagamenti.

    Eżatt wara li jasal ir-rapport, il-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti jiġu kkoreġuti fid-dawl tad-diskrepanzi u d-differenzi misjuba.

    4.

    Ir-rapporti għandhom jinżammu fl-uffiċċju prinċipali tal-aġenzija tal-pagamenti u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni u ta’ persuni awtorizzati mill-Kummissjoni.

    5.

    Għandu jitħejja dokument sommarju mill-aġenzija tal-pagamenti li jelenka:

    il-verifiki mwettqa, li jindikaw b’mod ċar liema huma l-ispezzjonijiet fiżiċi (verifiki tal-inventarju),

    il-kwantitajiet ivverifikati,

    l-anomaliji misjuba fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar u annwali, u r-raġunijiet għal dawn l-anomaliji.

    Il-kwanitajiet ivverifikati u l-anomaliji misjuba għandhom jiġu indikati għal kull prodott ikkonċernat, f’termini ta’ piż jew volum u bħala perċentwal tal-kwantitajiet totali miżmuma.

    Dan id-dokument sommarju għandu jelenka b’mod separat il-verifiki tal-kwalità tal-prodotti maħżuna. Għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fl-istess ħin mal-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    B.   PROĊEDURA TA’ SPEZZJONI FIŻIKA SKONT IS-SETTUR TAL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI GĦALL-VERIFIKI MSEMMIJA FIL-PUNT A

    I.   Butir

    1.

    Il-kampjun tal-lottijiet li jkun se jiġi vverifikat irid jirrappreżenta tal-linqas 5 % tal-kwantità totali f’ħażna pubblika. Il-lottijiet li jkunu se jiġu vverifikati għandhom jintgħażlu qabel iż-żjara fil-maħżen fuq il-bażi tad-dejta tal-kontabbiltà tal-aġenzija tal-pagamenti, iżda l-maħżnier ma għandux jiġi infurmat.

    2.

    Il-preżenza tal-lottijiet magħżula u l-kompożizzjoni tagħhom għandhom jiġu vverifikati fuq il-post permezz ta’:

    l-identifikazzjoni tan-numri ta’ kontroll tal-lottijiet u l-kaxex abbażi tan-noti ta’ xiri jew dħul,

    l-użin tal-pelits (waħda minn kull 10) u l-kaxex (waħda minn kull pelit),

    l-ivverifikar viżwali tal-kontenut ta’ kaxxa (waħda minn kull ħames pelits),

    l-ivverifikar tal-kundizzjoni tal-imballaġġ.

    3.

    Fir-rapport ta’ spezzjoni għandhom jiġu inklużi deskrizzjoni tal-lottijiet spezzjonati fiżikament u kull nuqqas innotat.

    II.   Trab tal-ħalib xkumat

    1.

    Il-kampjun tal-lottijiet li jkun se jiġi vverifikat għandu jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-kwantità f’ħażna pubblika. Il-lottijiet li jkunu se jiġu vverifikati għandhom jintgħażlu qabel iż-żjara fil-maħżen fuq il-bażi tad-dejta tal-kontabbiltà tal-aġenzija tal-pagamenti, iżda l-maħżnier ma għandux jiġi infurmat.

    2.

    Il-preżenza tal-lottijiet magħżula u l-kompożizzjoni tagħhom għandhom jiġu vverifikati fuq il-post permezz ta’:

    l-identifikazzjoni tan-numri ta’ kontroll tal-lottijiet u l-boroż abbażi tan-noti ta’ xiri jew dħul,

    l-użin tal-pelits (waħda minn kull 10) u l-boroż (waħda minn kull 10),

    l-ivverifikar viżwali tal-kontenut ta’ borża (waħda minn kull ħames pelits),

    l-ivverifikar tal-kundizzjoni tal-imballaġġ.

    3.

    Fir-rapport ta’ spezzjoni għandhom jiġu inklużi deskrizzjoni tal-lottijiet spezzjonati fiżikament u kull nuqqas innotat.

    III.   Ċereali u Ross

    1.   Proċedura ta’ spezzjoni fiżika

    (a)

    L-għażla tal-kaxex jew tal-imħażen li għandhom jiġu vverifikati, li jirrappreżentaw tal-anqas 5 % tal-kwantità totali taċ-ċereali jew ross fil-ħażna pubblika.

    L-għażla għandha tkun ibbażata fuq ir-reġistri tal-ħażniet tal-aġenzija tal-pagamenti, iżda l-maħżnier ma għandux jiġi infurmat.

    (b)

    Spezzjoni fiżika:

    verifika tal-preżenża taċ-ċereali jew tar-ross fil-kaxex jew l-imħażen magħżula,

    l-identifikazzjoni taċ-ċereali jew tar-ross,

    l-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-verifika tal-kwalità tal-prodotti maħżuna skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 1272/2009 (1),

    paragun bejn il-post tal-ħażna u l-identità taċ-ċereali jew tar-ross mar-reġistri tal-maħżen,

    evalwazzjoni tal-kwantitajiet maħżuna permezz ta’ metodu approvat preċedentement mill-aġenzija tal-pagamenti; deskrizzjoni ta’ dan il-metodu għandha tiġi ppreżentata fl-uffiċċju prinċipali tagħha.

    (c)

    F’kull punt tal-ħażna għandu jkun hemm disponibbli pjanta tal-maħżen u l-qisien ta’ kull sajlo jew kamra ta’ ħżin.

    Iċ-ċereali jew ir-ross għandhom jinħażnu b’tali mod li l-volum tagħhom ikun jista’ jiġi vverifikat.

    2.   Il-proċedura meta jinstabu diskrepanzi

    Waqt l-ivverifikar tal-volum hija awtorizzata ftit tat-tolleranza.

    Ir-regoli stabbiliti fil-punt II tal-Anness III għandhom b’hekk japplikaw meta l-piż tal-prodotti maħżuna kif irreġistrat matul l-ispezzjoni fiżika jkun differenti mill-piż tal-ktieb b’5 % jew aktar għaċ-ċereali u għar-ross fil-każ ta’ ħażna f’sajlos jew fuq l-art.

    Meta ċ-ċereali jew ir-ross ikunu maħżunin f’maħżen, il-kwantitajiet li jintiżnu mad-dħul fil-punt tal-ħażna jistgħu jiġu rreġistrati minflok dawk li jirriżultaw minn estimi tal-volum jekk dan tal-aħħar ma jipprovdix grad ta’ preċiżjoni li jitqies adegwat u d-differenza bejn iż-żewġ ċifri ma tkunx eċċessiva.

    L-aġenzija tal-pagamenti għandha tagħmel użu minn din l-għażla meta tkun iġġustifikata b’ċirkostanzi, abbażi ta’ każ b’każ u taħt ir-reponsabbiltà tagħha stess. Għandha tindika li tkun għamlet hekk fir-rapport ta’ spezzjoni tagħha, abbażi tal-mudell li ġej:

    (Mudell indikattiv)

    ĊEREALI - SPEZZJONI TAL-ĦAŻNA

    Prodott:

    Il-maħżnier: Maħżen, sajlo:

    Numru taċ-ċellula:

    Data:

    Lott

    Kwantità ddikjarata fil-kontijiet tal-ħażniet


    A.   Ħażniet fis-sajlo

    Nru tal-Kamra

    Volum iddikjarat fl-ispeċifikazzjoni m3 (A)

    Volum ħieles irreġistrat m3 (B)

    Volum taċ-ċereali maħżuna m3 (A-B)

    Gravità speċifika rreġistrata kg/hl = 100

    Piż taċ-ċereali jew ir-ross

     

     

     

     

     

     

    Total (A): …

    B.   Ħażniet fil-maħżen fuq l-art

     

    Nru tal-Maħżen

    Nru tal-Maħżen

    Nru tal-Maħżen

    Żona koperta …

    Għoli …

    … m2

    … m

    … m3

    … m2

    … m

    … m3

    … m2

    … m

    … m3

    Korrezzjonijiet …

    … m3

    … m3

    … m3

    Volum …

    … m3

    … m3

    … m3

    Gravità speċifika …

    … kg/hl

    … kg/hl

    … kg/hl

    Piż totali

    … tunnellati

    … tunnellati

    … tunnellati

    Total (B): …

    Piż totali fil-maħżen: …

    Differenza mill-piż tal-ktieb: …

    F’ %: …

    …, [data]

    … (Timbru u firma)

    Spettur tal-aġenzija tal-pagamenti:

    IV.   Ċanga u Vitella

    1.

    Il-kampjun tal-lottijiet li jkun se jiġi vverifikat għandu jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-kwantità totali f’ħażna pubblika. Il-lottijiet li jkunu se jiġu vverifikati għandhom jintgħażlu qabel iż-żjara fil-maħżen fuq il-bażi tad-dejta tal-kontabbiltà tal-aġenzija tal-pagamenti, iżda l-maħżnier ma għandux jiġi infurmat.

    2.

    Fil-każ ta’ laħam bl-għadam, il-preżenza tal-lottijiet magħżula u l-kompożizzjoni tagħhom għandhom jiġu vverifikati fuq il-post permezz ta’:

    l-identifikazzjoni tal-lottijiet u l-pelits u verifika tan-numru ta’ kaxex,

    l-ivverifikar tal-piż ta’ 10 % tal-pelits jew il-kontenituri,

    l-ivverifikar tal-piż ta’ 10 % tal-kaxex minn kull pelit li tintiżen,

    l-ivverifikar viżwali tal-kontenuti tal-kaxex u l-kundizzjoni tal-imballaġġ f’kull kaxxa.

    Il-pelits għandhom jintgħażlu filwaqt li jittieħed kont tal-qatgħat differenti maħżuna.

    3.

    Fir-rapport ta’ spezzjoni għandhom jiġu inklużi deskrizzjoni tal-lottijiet spezzjonati fiżikament u kull nuqqas innotat.

    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta’ Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1).


    ANNESS III

    OBBLIGI U PRINĊIPJI ĠENERALI RELATATI MAR-RESPONSABBILTAJIET TAL-MAĦŻNIERA, LI JRIDU JIĠU INKLUŻI FIL-KUNTRATTI TAL-ĦAŻNA MAGĦMULA BEJN L-AĠENZIJI TAL-PAGAMENTI U L-MAĦŻNIERA

    (Artikolu 3)

    Il-maħżniera għandhom jiżguraw li l-prodotti koperti mill-miżuri ta’ intervent tal-Unjoni jinħażnu kif xieraq. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, iġarrbu l-konsegwenzi finanzjarji involuti.

    I.   IL-KWALITÀ TAL-PRODOTTI

    Fejn il-kwalità tal-prodotti ta’ intervent li jkunu nħażnu tiddeterjora kawża ta’ kundizzjonijiet tal-ħżin foqra jew mhux adegwati, it-telf għandu jagħmel tajjeb għalih il-maħżnier u jrid jiddaħħal fil-kontijiet ta’ ħażna pubblika bħala telf kawża tad-deterjorament tal-prodott minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħżin.

    II.   KWANTITAJIET NIEQSA

    1.

    Il-maħżnier għandu jkun responsabbli għad-diskrepanzi kollha bejn il-kwantitajiet maħżuna u d-dettalji mogħtija fid-dikjarazzjoni tal-ħażna mibgħuta lill-aġenzija tal-pagamenti.

    2.

    Fejn il-kwantitajiet nieqsa jaqbżu dawk awtorizzati u li jirrispettaw il-limitu/limiti ta’ tolleranza rilevanti, skont l-Artikolu 4, il-punt B. III(2) tal-Anness II, u l-Anness IV, jew skont il-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, l-ammont sħiħ għandu jiġi impost fuq il-maħżnier bħala telf mhux identifikabbli. Il-maħżniera li jikkontestaw il-kwantitajiet neqsin jistgħu jitolbu li l-prodott jintiżen jew jitkejjel, f’liema każ għandhom iġarrbu l-ispejjeż tal-operazzjoni sakemm ma jinstabx li l-kwantitajiet iddikjarati huma fil-fatt preżenti jew id-differenza ma taqbiżx il-limitu/limiti ta’ tollerenza rilevanti, f’liema każ, l-ispejjeż tal-użin jew tal-kejl għandhom jiġu imposti fuq l-aġenzija tal-pagamenti.

    Il-limiti ta’ tolleranza previsti fil-punt B. III(2) tal-Anness II, għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għat-tolleranzi l-oħrajn imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

    III.   ID-DOKUMENTI TA’ SOSTENN U D-DIKJARAZZJONIJIET TA’ KULL XAHAR U DAWK ANNWALI

    1.   Id-dokumenti ta’ sostenn u d-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar

    (a)

    Id-dokumenti relatati mad-dħul, mal-ħażna u mal-ħruġ tal-prodotti użati biex jitħejjew il-kontijiet annwali għandhom ikunu fil-pussess tal-maħżnier u jkun fihom tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    il-post tal-ħażna (bl-identifikazzjoni tal-kaxxa jew tal-bettija fejn ikun rilevanti),

    il-kwantità ttrasferita mix-xahar ta’ qabel,

    id-dħul u l-ħruġ minn kull lott,

    il-ħażniet fi tmiem il-perjodu.

    Dawn id-dokumenti għandhom jippermettu li jiġu identifikati b’mod preċiż il-kwantitajiet maħżuna fi kwalunkwe ħin, u jridu jqisu x-xiri u l-bejgħ li jkun sar qbil fuqhom iżda li fil-każ tagħhom ma jkunx għadu sar id-dħul jew il-ħruġ korrispondenti tal-ħażniet.

    (b)

    Id-dokumenti relatati mad-dħul, il-ħażna u l-ħruġ tal-prodotti jintbagħtu mill-maħżnier lill-aġenzija tal-pagamenti tal-anqas darba f’xahar, u dan biex isostnu d-dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħażniet ta’ kull xahar. Iridu jkunu fil-pussess tal-aġenzija tal-pagamenti qabel l-għaxar jum tax-xahar ta’ wara dak ix-xahar li tkun tirreferi għalih id-dikjarazzjoni tal-ħażniet.

    (c)

    Dan li ġej hu mudell ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħażniet ta’ kull xahar (mudell indikattiv). Dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-maħżniera f’forma elettronika mill-aġenziji tal-pagamenti.

    Dikjarazzjoni tal-ħażniet ta’ kull xahar

    Prodotti:

    Il-maħżnier:

    Maħżen: Nru:

    Indirizz:

    Xahar:

    Lott

    Deskrizzjoni

    Kwantità (kg, tunnellati, hl, kaxex, oġġetti, eċċ.)

    Data

    Kummenti

    Dħul

    Ħruġ

     

    Kwantitajiet ittrasferiti ‘l quddiem

     

     

     

     

     

    Kwantità li trid tiġi ttrasferita ‘l quddiem

     

     

     

    (Timbru u firma)

    Post u data:

    Isem:

    2.   Dikjarazzjoni annwali

    (a)

    Il-maħżnier għandu jipprepara dikjarazzjoni tal-ħażniet annwali abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar deskritti fil-punt 1. Din għandha tintbagħat lill-aġenzija tal-pagamenti mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru wara li tagħlaq is-sena fiskali.

    (b)

    Id-dikjarazzjoni annwali tal-ħażniet trid tagħti sommarju tal-kwantitajiet maħżuna, b’rendikont skont il-prodott u l-post tal-ħażna, u għal kull prodott trid tagħti l-kwantitajiet maħżuna, in-numri tal-lott (ħlief fil-każ taċ-ċereali), is-sena tad-dħul tagħhom fil-maħżen u spjegazzjoni f’każ li tinstab xi anomalija.

    (c)

    Dan li ġej huwa mudell ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħażniet annwali (mudell indikattiv).

    Dan irid jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-maħżniera f’forma elettronika mill-aġenziji tal-pagamenti.

    Dikjarazzjoni annwali tal-ħażniet

    Prodotti:

    Il-maħżnier:

    Maħżen: Nru:

    Indirizz:

    Sena:

    Lott

    Deskrizzjoni

    Kwantità u/jew piż imniżżel fil-ktieb

    Kummenti

     

     

     

     

    (Timbru u firma)

    Post u data:

    Isem:

    IV.   KONTIJIET TA’ ĦAŻNIET KOMPJUTERIZZATI U AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI

    Il-kuntratti ta’ ħażna pubblika konklużi bejn l-aġenzija tal-pagamenti u l-maħżnier irid ikun fihom dispożizzjonijiet li jagħmluha possibbli li tiġi ggarantita l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    Għandhom jitolbu dan li ġej:

    iż-żamma ta’ kontijiet ta’ ħażniet ta’ intervent kompjuterizzati,

    aċċess immedjat u dirett għal inventarju permanenti,

    aċċess, f’kull mument, għad-dokumenti relatati mad-dħul, il-ħażna u l-ħruġ tal-ħażniet u għad-dokumenti ta’ kontabbiltà u għar-reġistri mħejjija skont dan ir-Regolament u li jinżammu mill-maħżnier,

    aċċess permanenti għal dawk id-dokumenti mill-persunal tal-aġenzija tal-pagamenti u mill-Kummissjoni, u minn kull persuna awtorizzata minnhom.

    V.   L-GĦAMLA U L-KONTENUT TAD-DOKUMENTI MIBGĦUTA LILL-AĠENZIJA TAL-PAGAMENTI

    L-għamla u l-kontenut tad-dokumenti msemmija fil-punti 1 u 2 tal-paragrafu III għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

    VI.   IŻ-ŻAMMA TAD-DOKUMENTI

    Id-dokumenti ta’ sostenn relatati mal-operazzjonijiet ta’ ħażna pubblika għandhom jinżammu mill-maħżnier tul il-perjodu kollu mitlub mir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 104 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-approvazzjoni tal-proċeduri tal-kontijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.


    ANNESS IV

    IL-LIMITI TA’ TOLLERANZA

    (Artikolu 4)

    1.

    Il-limiti ta’ tolleranza għat-telf ta’ kwantitajiet li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ ħażna pubblika mwettqa skont ir-regoli huma hawnhekk stabbiliti għal kull prodott agrikolu li huwa soġġett għal miżura ta’ ħażna pubblika, kif ġej:

    ċereali 0,2 %

    ross fil-fosdqa, qamħirrun 0,4 %

    trab tal-ħalib xkumat 0,0 %

    butir 0,0 %

    ċanga u vitella 0,6 %

    2.

    Il-perċentwal ta’ telf permissibbli waqt id-dissussar tal-laħam taċ-ċanga għandu jkun 32. Dan il-perċentwal japplika għall-kwantitajiet kollha dissussati matul is-sena fiskali.

    3.

    Il-limiti ta’ tolleranza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti bħala perċentwal tal-piż reali, mingħajr l-imballaġġ, tal-kwantitajiet li jiddaħħlu fil-maħżen u li jinxtraw matul is-sena fiskali inkwistjoni, flimkien mal-kwantitajiet maħżuna fil-bidu ta’ dik is-sena.

    Dawn it-tolleranzi għandhom jiġu applikati matul l-ispezzjonijiet fiżiċi tal-ħażniet. Għandhom jiġu kkalkolati, għal kull prodott, abbażi tal-kwantitajiet maħżuna minn aġenzija tal-pagamenti.

    Il-piż attwali fil-ħin tad-dħul u fil-ħin tal-ħruġ għandu jkun il-piż irreġistrat li minnu jitnaqqas il-piż tal-imballaġġ standard, kif stabbilit fil-kundizzjonijiet tad-dħul jew, jekk ma jkunux ġew stabbiliti dawn il-kundizzjonijiet, li minnu titnaqqas il-medja tal-piż tal-imballaġġ użat mill-aġenzija.

    4.

    It-tolleranza ma għandhiex tkopri telf marbut mal-għadd ta’ pakketti jew mal-għadd ta’ biċċiet irreġistrati.

    5.

    It-telf li jirriżulta minn serq jew minn telf identifikabbli ieħor ma għandux jiġi inkluż fil-kalkolu tal-limiti ta’ tolleranza previsti fil-paragrafi 1 u 2.

    ANNESS V

    Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 10

    1.

    L-iskemi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u, mill-2016, l-iskemi elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

    2.

    Il-miżuri tal-iżvilupp rurali fil-qafas tat-Titoli I u II tal-Parti II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (1) u l-miżuri tal-iżvilupp rurali li jissemmew fil-Kapitolu I tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8).


    ANNESS VI

    Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 14

    1.

    Ristrutturar u konverżjoni tal-vinji skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    2.

    Ħsad bikri skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    Top