Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0896

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 896/2014 tat- 18 ta' Awwissu 2014 li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 793/2013 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-Gżejjer Faroe biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokk tal-aringa Atlantu-Skandjana

    ĠU L 244, 19.8.2014, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/896/oj

    19.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 244/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 896/2014

    tat-18 ta' Awwissu 2014

    li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 793/2013 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-Gżejjer Faroe biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokk tal-aringa Atlantu-Skandjana

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta' pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 793/2013 tal-20 ta' Awwissu 2013 li jistabbilixxi miżuri fir-rigward tal-Gżejjer Faroe biex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-istokk tal-aringa Atlantu-Skandjana (2) jidentifika l-Gżejjer Faroe bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli u jadotta ċerti miżuri rigward is-sajd għall-aringa Atlantu-Skandjani u speċijiet assoċjati magħha, skont ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012.

    (2)

    L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012 jipprovdi li tali miżuri għandhom jieqfu milli japplikaw meta l-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli jadotta, b'mod awtonomu jew f'konsultazzjonijiet, miżuri korrettivi xierqa għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk ta' interess komuni li ma jimminawx l-effett tal-miżuri meħuda mill-Unjoni

    (3)

    Permezz ta' tħabbira tat-12 ta' Ġunju 2014 il-Ministru tas-Sajd tal-Gżejjer Faroe, il-Gżejjer Faeroe adottaw limitu ta' qbid ta' 40 000 tunnellata ta' aringi għall-2014, ċifra li, f'termini assoluti u relattivi, hija ferm taħt il-limitu tal-qbid ta' 105 230 tunnellata adottat għall-2013. Dan se jżid b' 4,4 % t-TAC globali għall-2014 propost mill-Istati kostali l-oħrajn skont il-pjan eżistenti ta' ġestjoni fit-tul.

    (4)

    Skont il-pariri xjentifiċi l-aktar reċenti, l-effett stmat ta' din iż-żieda fil-qbid fl-2014 fuq il-bijomassa tal-aringi sal-bidu tal-2015 se jkun biss ta' 0,4 %, ċifra li tista' titqies bħala mhux sinifikanti f'termini ta' konservazzjoni tal-istokk.

    (5)

    Il-miżura korrettiva adottata mill-Gżejjer Faroe, meta meħuda flimkien mal-ishma adottati b'mod konġunt mill-Istati kostali l-oħrajn, jiġifieri, il-Federazzjoni Russa, in-Norveġja, l-Islanda u l-Unjoni, għalhekk ma ddgħajjefx l-isforzi ta' konservazzjoni miftiehma bejn l-UE u l-Istati kostali l-oħrajn.

    (6)

    Bħala konsegwenza, il-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 793/2013 għandhom jieqfu japplikaw skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1026/2012. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 793/2013 għandu għalhekk jitħassar.

    (7)

    Billi l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri mhix meħtieġa, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu.

    (8)

    Dan huwa mingħajr preġudizzju lejn il-kwoti futuri li se jiġu ffissati mill-Gżejjer Faroe jew il-konsultazzjonijiet tal-Istati kostali dwar il-ġestjoni konġunta tal-aringi Atlantu-Skandjani.

    (9)

    Il-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura ma ħariġx opinjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 793/2013 huwa b'dan imħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Awwissu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34.

    (2)  ĠU L 223, 21.8.2013, p. 1


    Top