Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0893

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 893/2014 tal- 14 ta' Awwissu 2014 li jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd bi xbieki rreġistrati l-Italja, il-Portugall u Spanja biex jinqabad it-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran

    ĠU L 244, 19.8.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/893/oj

    19.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 244/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 893/2014

    tal-14 ta' Awwissu 2014

    li jipprojbixxi attivitajiet tas-sajd bi xbieki rreġistrati l-Italja, il-Portugall u Spanja biex jinqabad it-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 43/2014 tal-20 ta' Jannar 2014 li jiffissa għall-2014 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċertu stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċertu ilmijiet mhux tal-Unjoni (2), jistabbilixxi l-ammont ta' tonn li jistgħu jaqbdu x-xbieki u l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-2014 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (3), jeżiġi li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom li huma akbar minn 24 metru. Għall-bastimenti tal-qbid iżgħar minn 24 metru u għax-xbieki, l-Istati Membri jridu minn tal-inqas jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew lill-gruppi ta' bastimenti bi rkaptu simili.

    (3)

    Il-Politika Komuni tas-Sajd tfasslet b'tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd bi sfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin imsejjes fuq il-prekawzjoni.

    (4)

    Skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta l-Kummissjoni ssib li mill-informazzjoni li taw l-Istati Membri u minn informazzjoni rilevanti oħra li jkollha, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta' Stati Membri jkunu ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati b'dan u tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd għal dik iż-żona, l-irkaptu, l-istokk, il-grupp ta' stokkijiet jew il-flotta partikolari li huma involuti f'dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

    (5)

    L-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni turi li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran allokati lix-xbieki rreġistrati l-Italja, il-Portugall u Spanja ntużaw kollha.

    (6)

    Fis-7 ta' Lulju, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li, b'seħħ mid-29 ta' Ġunju 2014 fit-15:00, imponiet waqfien fl-attivitajiet tas-sajd tat-tliet xbieki attivi tagħha għas-sajd tat-tonn fl-2014.

    (7)

    Fis-16 ta' Lulju, il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni li, b'seħħ mill-15 ta' Lulju 2014 f'00:00, impona waqfien fl-attivitajiet tas-sajd tat-tliet xbieki attivi tagħha għas-sajd tat-tonn fl-2014.

    (8)

    Fl-10, fit-18 u fl-20 ta' Ġunju, Spanja għarrfet lill-Kummissjoni li imponiet waqfien fl-attivitajiet tas-sajd tal-erba' xbieki attivi tagħha għas-sajd tat-tonn fl-2014, b'seħħ mill-10 ta' Ġunju għal żewġ xbieki, midt-19 ta' Ġunju għal xibka oħra u mill-20 ta' Ġunju għall-aħħar xibka, u allura mill-20 ta' Ġunju 2014 f'00:00 twaqqfu l-attivitajiet kollha.

    (9)

    Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet tal-Italja, tal-Portugall u ta' Spanja msemmija hawn fuq, hemm bżonn li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W u fil-Baħar Mediterran bix-xbieki rreġistrati l-Italja b'seħħ mid-29 ta' Ġunju fit-15:00, bix-xbieki rreġistrati l-Portugall b'seħħ mill-15 ta' Lulju f'00:00, u bix-xbieki rreġistrati Spanja b'seħħ mhux aktar tard mill-20 ta' Ġunju 2014 f'00:00.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mid-29 ta' Ġunju 2014 fit-15:00 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W u fil-Baħar Mediterran bix-xbieki rreġistrati l-Italja.

    It-tonn li nqabad b'dawk ix-xbieki wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, trasferit, maħsud jew żbarkat.

    Artikolu 2

    Mill-15 ta' Lulju 2014 f'00:00 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W u fil-Baħar Mediterran bix-xbieki rreġistrati l-Portugall.

    It-tonn li nqabad b'dawk ix-xbieki wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, trasferit, miġbur jew żbarkat.

    Artikolu 3

    Mill-20 ta' Ġunju 2014 f'00:00 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 °W, u fil-Baħar Mediterran bix-xbieki rreġistrati Spanja.

    It-tonn li nqabad b'dawk ix-xbieki wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, trasferit, miġbur jew żbarkat.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Awwissu 2014.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Michel BARNIER

    Viċi President


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 24, 28.1.2014, p. 1.

    (3)  ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1.


    Top