Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0859

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 859/2014 tal- 5 ta' Awwissu 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 235, 8.8.2014, pp. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/859/oj

8.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 859/2014

tal-5 ta' Awwissu 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri rigward il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

(4)

Tajjeb li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-prodotti milquta minn dan ir-Regolament, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' għal ċertu perjodu tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Martine REICHERTS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(kodiċi NM)

Ir-raġunijiet

(1)

(2)

(3)

L-oġġett huwa kalendarju tat-tip perpetwu u statwetta tal-plastik fil-forma ta' anġlu. L-anġlu qiegħed bilqiegħda fuq pedestall tal-plastik. Il-kalendarju jidħol fil-pedestall u huwa magħmul minn blokok tal-injam u pjanċi bl-ismijiet tax-xhur, u bin-numri tal-jiem stampati fuqhom.

L-oġġett huwa għoli madwar 16-il ċentimetru. L-istatwetta tirrappreżenta nofs l-għoli tiegħu, iżda bħala volum hija inqas minn dik il-parti tal-oġġett li hija l-kalendarju.

(Ara r-ritratt) (*1)

4910 00 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali 1 u 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR) u mit-test tal-kodiċi NM 4910 00 00 .

Skont il-karatteristiċi oġġettivi tal-oġġett, bħalma huma d-daqs u l-prominenza tal-parti magħmula mill-kalendarju meta mqabbla mal-komponent dekorattiv, huwa l-kalendarju dak il-komponent li jagħti lill-oġġett il-karattru essenzjali tiegħu skont it-tifsira tal-GIR 3(b) (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN), tal-intestatura 4910 , ir-raba' paragrafu).

Barra minn hekk, l-intestatura 4910 tkopri kull tip ta' kalendarju stampat fuq kwalunkwe materjal (ara wkoll l-HSEN, tal-intestatura 4910 , l-ewwel paragrafu).

L-Artikolu għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 4910 00 00 bħala kalendarji ta' kull tip.

Image 1

(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


Top