EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0763

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 763/2014 tal-11 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità u l-istruzzjonijiet gћall-ћolqien tal-emblema tal-Unjoni

ĠU L 209, 16.7.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/763/oj

16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 763/2014

tal-11 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità u l-istruzzjonijiet gћall-ћolqien tal-emblema tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 119(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi regoli ġenerali fir-rigward tal-informazzjoni u l-pubbliċità li għandhom jiġu applikati lill-programmi operazzjonali u l-operazzjonijiet kollha iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ('FEMS'). Regoli dettaljati li jikkonċernaw il-miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità għall-applikanti u l-benefiċjarji huma stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

(2)

Sabiex tiġi żgurata identità viżwali armonizzata għal miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni għall-operazzjonijiet fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni, inkluż operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEMS, għandhom jiġu stabbiliti l-istruzzjonijiet għall-ħolqien ta' emblema tal-Unjoni u definizzjoni tal-kuluri standard, kif ukoll karatteristiċi tekniċi għall-wiri tal-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Fond jew Fondi li jappoġġaw l-operazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Rikonoxximent tal-appoġġ mill-Fond Marittimu u tas-Sajd

L-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni għandhom ikunu responsabbli milli jiżguraw li l-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità kollha mmirati lejn il-benefiċjarji, il-benefiċjarji potenzjali u l-pubbliku jirrikonoxxu s-sostenn mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd lill-operazzjoni rilevanti billi juru:

(a)

(a) l-emblema tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2, flimkien ma' referenza għall-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 3;

(b)

referenza għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, jew, fil-każ ta' operazzjoni ta' finanzjament minn diversi sorsi, referenza għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, f'konformità mal-Artikolu 4.

Artikolu 2

L-emblema tal-Unjoni

1.   L-emblema tal-Unjoni tinħoloq skont l-istandards grafiċi stabbiliti fl-Anness.

2.   Fuq websajts, l-emblema tal-Unjoni għandha tintwera bil-kulur. Fuq il-midja l-oħra kollha, il-kulur għandu jintuża kull meta jkun possibbli. Verżjoni monokromatika tista' tintuża biss f'każijiet ġustifikati.

3.   L-emblema tal-Unjoni għandha dejjem tidher ċara u tkun imqiegħda f'pożizzjoni prominenti. Il-pożizzjoni u d-daqs tagħha għandhom ikunu xierqa għall-iskala tal-materjal jew tad-dokument li jkun qed jiġi użat. L-għoli minimu tal-emblema tal-Unjoni għandu jkun 1 ċm. Għal oġġetti promozzjonali iżgħar, l-għoli minimu tal-emblema tal-Unjoni jkun 5 mm.

4.   Meta l-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Fond rilevanti jintwerew fuq websajt, dawn għandhom ikunu jidhru fil-parti viżwali tal-apparat diġitali, mingħajr ma l-utent ikollu jiskrollja 'l isfel fil-paġna.

5.   Jekk jintwerew logos oħrajn ħdejn l-emblema tal-Unjoni, l-emblema tal-Unjoni għandu jkollha mill-inqas l-istess daqs, imkejjel f'għoli u wisgħa, daqs l-akbar wieħed mil-logos l-oħrajn. Huwa rrakkomandat li l-emblema tal-UE titqiegħed lil hinn sew mil-logo tal-organizzazzjoni tal-parti terza.

Artikolu 3

Referenza għall-Unjoni Ewropea'

1.   L-isem Unjoni Ewropea dejjem jinkiteb sħiħ. It-tipa li tintuża flimkien mal-emblema tal-Unjoni tista' tkun kwalunkwe waħda minn dawn il-fonts: Arial, Auto, Calibri, Garamond, Trebuchet, Tahoma, u Verdana. Varjazzjonijiet bil-korsiv u sottolineati u l-użu ta' tipa bl-effetti mhumiex permessi.

2.   Il-pożizzjoni tat-test f'relazzjoni mal-emblema tal-Unjoni mhix preskritta b'xi mod partikolari iżda t-test ma għandu bla ebda mod jinterferixxi mal-emblema.

3.   Id-daqs tat-tipa użata jkun proporzjonat għad-daqs tal-emblema. Il-kulur tat-tipa għandu jkun blu reflex, iswed jew abjad skont l-isfond.

Artikolu 4

Referenza għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Meta l-emblema tal-Unjoni u r-referenza għall-Fond rilevanti jintwerew fuq websajt, dawn għandhom jidhru fil-parti viżwali tal-apparat diġitali, mingħajr ma l-utent ikollu jiskrollja 'l isfel fil-paġna.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jose Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 149 20.5.2014, p. 1.


ANNESS

Standards grafiċi għall-ħolqien tal-emblema tal-Unjoni u d-definizzjoni tal-kuluri standard

Għad-dettalji sħaħ u gwida ara:

http://ec.europa.eu/dgs/communication/services/visual_identity/pdf/use-emblem_en.pdf

DESKRIZZJONI SIMBOLIKA

Fuq sfond ta' sema blu, tnax-il stilla tad-deheb jiffurmaw ċirku li jirrappreżenta l-unjoni tal-popli tal-Ewropa. In-numru ta' stilel huwa fiss, u tnax huwa s-simbolu tal-perfezzjoni u l-unità.

DESKRIZZJONI ARALDIKA

Fuq sfond ta' ikħal ċar, ċirku ta' tnax-il stilla tad-deheb (mullets), u l-ponot tagħhom ma jmissux.

DESKRIZZJONI ĠEOMETRIKA

Image

L-emblema hi forma ta' bandiera rettangolari blu bil-wisa' tal-perpura (in-naħa ta' barra) darba u nofs it-tul tal-fissa (in-naħa ta' mal-arblu). Tnax-il stilla tad-deheb li jinsabu f'intervalli ndaqs jiffurmaw ċirku inviżibbli li ċ-ċentru tiegħu huwa l-punt fejn jaqsmu d-djagonali tar-rettangolu. Ir-raġġ taċ-ċirklu hu daqs terz tat-tul tal-fissa. Kull waħda mill-istilel għandha ħames ponot li jinsabu fiċ-ċirkonferenza ta' ċirku inviżibbli b' raġġ daqs wieħed minn tmintax tat-tul tal-fissa. L-istilel kollha rashom 'il fuq, jiġifieri b'ponta vertikali u żewġ ponot f'linja dritta f'angoli retti mal-arblu. Iċ-ċirku rranġat sabiex l-istilel ikunu fil-pożizzjoni tas-sigħat fuq il-wiċċ ta' arloġġ. L-għadd tagħhom ma jinbidilx.

IL-KULURI REGOLAMENTARI

L-emblema għandha dawn il-kuluri:

BLU REFLEX PANTONE għall-wiċċ tar-rettangolu:

ISFAR PANTONE għall-istillel.

IL-PROĊESS TA' ERBA' KULURI

Jekk jintuża l-proċess ta' erba' kuluri, erġa' oħloq iż-żewġ kuluri standard billi tuża l-erba' kuluri tal-proċess ta' erba' kuluri.

L-ISFAR PANTONE jinkiseb bl-użu ta' 100 % “Process Yellow”.

IL-BLU REFLEX PANTONE jinkiseb bit-taħlita ta' 100 % “Process Cyan” u 80 % “Process Magenta”.

INTERNET

Il-BLU REFLEX PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB:0/51/153 (eżadeċimali 003399): u l-ISFAR PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB: 255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00).

IL-PROĊESS TAR-RIPRODUZZJONI MONOKROMATIKA

Bl-iswed, pinġi r-rettangolu bl-iswed u stampa l-istilel bl-iswed fuq l-abjad.

Image

Meta tuża l-blu (Blu Reflex), uża 100 % bl-istilel riprodotti f'abjad negattiv.

Image

RIPRODUZZJONI FUQ SFOND KULURIT

Jekk ma hemmx alternattiva għal sfond ikkulurit, poġġi bordura bajda mar-rettangolu, b'wisa' li hu daqs 1/25 tal-għoli tar-rettangolu.

Image

Top