Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0743

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2014 tad- 9 ta' Lulju 2014 li jissostitwixxi l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 fir-rigward tal-Frekwenza minima ta' analiżijiet Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 201, 10.7.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32018R2066

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/743/oj

    10.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 743/2014

    tad-9 ta' Lulju 2014

    li jissostitwixxi l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 fir-rigward tal-Frekwenza minima ta' analiżijiet

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Anness VII tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (2) jiddetermina l-frekwenza minima tal-analiżijiet għall-karburanti u l-materjali rilevanti li għandhom jiġu applikati mill-operaturi għad-determinazzjoni ta' fatturi ta' kalkolu.

    (2)

    L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 jipprevedi li l-Anness VII ta' dak ir-Regolament għandu jiġi rivedut fuq bażi regolari u għall-ewwel darba f'mhux aktar minn sentejn minn meta r-Regolament (UE) Nru 601/2012 jidħol fis-seħħ.

    (3)

    L-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 għandu jiġi emendat biex jiċċara l-klassifikazzjoni u l-kategorizzazzjoni ta' karburanti u materjali elenkati fih sabiex titjieb il-konsistenza xierqa fir-rigward tal-applikazzjoni ta' fatturi xierqa użati fil-kalkolu tal-emissjonijiet.

    (4)

    Fl-interess taċ-ċarezza, l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 jixraq li jinbidel.

    (5)

    Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 601/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 601/2012 jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    tagħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30).


    ANNESS

    “ANNESS VII

    Frekwenza Minima ta' Analiżijiet (l-Artikolu 35)

    Karburant/materjal

    Il-frekwenza minima ta' analiżijiet

    Gass naturali

    Tal-anqas kull ġimgħa

    Gassijiet oħra, b'mod partikolari gass ta' sinteżi u gassijiet tal-proċess bħal gass imħallat tar-raffinerija, gass tal-forn tal-kokk, gass tal-forn tal-blast, gass tal-konvertitur

    Tal-anqas kuljum — bl-użu ta' proċeduri xierqa f'partijiet differenti tal-jum

    Żjut tal-karburant (pereżempju żejt tal-karburant ħafif, medju, tqil, bitumen)

    Kull 20 000 tunnellata ta' karburant u tal-anqas sitt darbiet fis-sena

    Faħam, faħam tal-produzzjoni tal-kokk, kokk tal-pertoleum, pit

    Kull 20 000 tunnellata ta' karburant/materjal u tal-anqas sitt darbiet fis-sena

    Karburanti oħra

    Kull 10 000 tunnellata ta' karburant u tal-anqas erba' darbiet fis-sena

    Skart solidu mhux ittrattat (fossili puri jew fossili tal-bijomassa mħallta)

    Kull 5 000 tunnellata u tal-anqas erba' darbiet fis-sena

    Skart likwidu, skart solidu ttrattat minn qabel

    Kull 10 000 tunnellata ta' skart u tal-anqas erba' darbiet fis-sena

    Minerali tal-karbonat (inklużi ġebel tal-ġir u dolomit)

    Kull 50 000 tunnellata ta' materjal u tal-anqas erba' darbiet fis-sena

    Tafal u shale

    Ammonti ta' materjali li jikkorrispondu għal 50 000 tunnellata ta' CO2 u tal-anqas erba' darbiet fis-sena

    Materjali oħra (prodott primarju, intermedju u finali)

    Jiddependi mit-tip ta' materjal u mill-varjazzjoni, ammonti ta' materjal li jikkorrispondu għal 50 000 tunnellata ta' CO2 u tal-inqas erba' darbiet fis-sena”


    Top