Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0660

Regolament (UE) Nru 660/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart

ĠU L 189, 27.6.2014, pp. 135–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2024; Impliċitament imħassar minn 32024R1157

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/660/oj

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/135


REGOLAMENT (UE) Nru 660/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta’ skart

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Sabiex jitħares l-ambjent, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula rekwiżiti għall-vjeġġi ta’ skart kemm fl-Unjoni u kemm bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi,. Madankollu, ġew identifikati xi diverġenzi u lakuni fl-infurzar u l-ispezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fl-Istati Membri.

(2)

Hemm bżonn ta’ ppjanar adegwat tal-ispezzjonijiet tal-vjeġġi ta’ skart sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità meħtieġa għall-ispezzjonijiet u biex jiġu evitati b’mod effettiv il-vjeġġi illegali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-infurzar u l-ispezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandhom jissaħħu bil-għan li jiġi żgurat l-ippjanar regolari u konsistenti ta’ tali spezzjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ spezzjoni għal spezzjonijiet li jsiru skont dawk id-dispożizzjonijiet. Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju u għandhom jinkludu għadd ta’ elementi ewlenin, jiġifieri objettivi, prijoritajiet, iż-żona ġeografika koperta, informazzjoni dwar spezzjonijiet ippjanati, il-kompiti assenjati lill-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet, arranġamenti għal kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fi Stat Membru, fi Stati Membri differenti, kif ukoll, fejn adatt, bejn dawk l-awtoritajiet fi Stati Membri u f’pajjiżi terzi, u informazzjoni dwar it-taħriġ tal-ispetturi kif ukoll dwar ir-riżorsi umani, finanzjarji u oħrajn għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ spezzjoni kkonċernat.

(3)

Il-pjanijiet ta’ spezzjoni jistgħu jitfasslu separatament jew bħala parti minn pjanijiet oħrajn definiti b’mod ċar.

(4)

Billi l-pjanijiet ta’ spezzjoni huma koperti mid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, inkluż, fejn applikabbli, l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 tagħha, japplikaw għal tali pjanijiet.

(5)

Ir-riżultat tal-ispezzjonijiet u l-miżuri meħuda, inklużi kull penali imposti, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, inkluż elettronikament permezz tal-Internet.

(6)

Jeżistu regoli diverġenti fl-Unjoni kollha fir-rigward tas-setgħa ta’ u l-possibbiltà li l-awtoritajiet involuti fi ispezzjonijiet fl-Stati Membri jitolbu evidenza sabiex jivverifikaw il-legalità tal-vjeġġi. Tali evidenza tista’ tirrigwarda, fost l-oħrajn, jekk is-sustanza jew l-oġġett ikunx skart, skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, u jekk l-iskart ġiex ikklassifikat b’mod korrett, jew jekk l-iskart ikunx ser jiġi ttrasportat lejn impjanti li jirrispettaw l-ambjent f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu għalhekk jipprovdi lill-awtoritajiet involuti fi spezzjonijiet fl-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu tali evidenza. Tali evidenza tista’ tintalab fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet ġenerali jew inkella skont il-każ. Fejn tali evidenza ma ssirx disponibbli jew tkun ikkunsidrata li mhix biżżejjed, it-trasport tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernati, jew il-vjeġġ ta’ skart ikkonċernat għandu jitqies bħala vjeġġ illegali u għandu jiġi ttrattat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(7)

Il-vjeġġi ta’ skart illegali ta’ spiss jinbtu minn ġbir, tqassim u ħżin mhux kontrollati. It-twettiq ta’spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod sistematiku, għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ dawk l-attivitajiet mhux kontrollati, biex b’hekk tiġi promossal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(8)

Sabiex jingħata żmien biżżejjed biex l-Istati Membri jippreparaw għall-applikazzjoni tal-miżuri meħtieġa taħt l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, kif emendat b’dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-ewwel pjanijiet ta’ spezzjoni jiġu adottati sal-1 ta’ Jannar 2017.

(9)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(10)

Is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegat lill-Kummissjoni b’rispett għall-emenda ta’ ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Hija u tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(11)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

‘7a.

‘użu mill-ġdid’ tfisser kif definit fl-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

35a.

‘spezzjoni’ tfisser azzjonijiet li jsiru mill-awtoritajiet involuti biex jiġi aċċertat jekk stabbiliment, impriża, sensar, negozjant, vjeġġ ta’ skart jew l-irkupru jew ir-rimi relatat jikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(*1)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).’;"

(2)

fl-Artikolu 26, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   Soġġett għall-ftehim mill-awtoritajiet kompetenti konċernati u min-notifikatur, l-informazzjoni u d-dokumenti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu preżentati u skambjati permezz ta’ skambju tad-data elettronika bil-firma elettronika jew bl-awtentikazzjoni elettronika skont id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew permezz ta’ sistema komparabbli ta’ awtentikazzjoni elettronika li tipprovdi l-istess livell ta’ sigurtà.

Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha, fejn fattibbli, tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi u organizzattivi għall-implimentazzjoni prattika tal-iskambju tad-data elettronika għall-preżentazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe standard internazzjonali rilevanti, u tiżgura li r-rekwiżiti huma f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, jew tipprovdi tal-anqas l-istess livell ta’ sigurtà kif provdut taħt dik id-Direttiva. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59a(2).

(*2)  Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).’;"

(3)

l-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   L-Istati Membri għandhom, permezz ta’ miżuri għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament, jipprovdu, fost l-oħrajn, għal spezzjonijiet ta’ stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2008/98/KE, u għal spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart utal-irkupru jew rimi relatat.’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Sal-1 ta’ Jannar 2017, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tat-territorju ġeografiku kollu tagħhom, jiġi stabbilit pjan wieħed jew aktar, separatament jew bħala parti identifikata b’mod ċar minn pjanijiet oħra, għal spezzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 2 (“pjan ta’ spezzjoni”). Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom ikun ibbażati fuq valutazzjoni tar-riskju li tkopri flussi ta’ skart u s-sorsi ta’ vjeġġi illegali speċifiċi, u li jqisu, jekk disponibbli u fejn xieraq, data bbażata fuq l-intelligence bħal data dwar investigazzjonijiet mill-pulizija u mill-awtoritajiet doganali u l-analiżi tal-attivitajiet kriminali. Dik il-valutazzjoni tar-riskju għandha timmira li, fost l-oħrajn, tidentifika l-għadd minimu ta’ spezzjonijiet meħtieġa, inklużi kontrolli fiżiċi fuq stabbilimenti, impriżi, sensara, negozjanti u vjeġġi ta’ skart jew fuq l-irkupru jew ir-rimi relatati. Pjan ta’ spezzjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-objettivi u l-prijoritajiet tal-ispezzjonijiet, inkluża deskrizzjoni ta’ kif ġew identifikati dawk il-prijoritajiet;

(b)

iż-żona ġeografika koperta minn dak il-pjan ta’ spezzjoni;

(c)

informazzjoni dwar spezzjonijiet ippjanati, inkluż fuq verifiki fiżiċi;

(d)

il-kompiti assenjati lil kull awtorità involuta fl-ispezzjonijiet;

(e)

arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet;

(f)

informazzjoni dwar it-taħriġ tal-ispetturi dwar materji relatati mal-ispezzjonijiet; u

(g)

informazzjoni dwar ir-riżorsi umani, finanzjarji u oħrajn għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ta’ spezzjoni.

Pjan ta’ spezzjoni għandu jiġi eżaminat mill-ġdid tal-inqas kull tliet snin u, għandu jiġi aġġornat, fejn ikun xieraq. Dak ir-rieżami għandu jevalwa sa liema punt ikunu ġew implimentati l-għanijiet u l-elementi l-oħra ta’ dik l-ispezzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘3.   L-ispezzjonijiet ta’ vjeġġi jistgħu jsiru b’mod partikolari:

(a)

fil-post ta l-oriġini, li jsiru mal-produttur, id-detentur jew in-notifikatur;

(b)

fil-punt tad-destinazzjoni, inkluż l-irkupru jew r-rimi interim jew non-interim, li jsiru mad-destinatarju jew mal-impjant;

(c)

fil-fruntieri tal-Unjoni; u/jew

(d)

matul il-vjeġġ fl-Unjoni.’;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   L-ispezzjonijiet tal-vjeġġi għandhom jinkludu l-verifika ta’ dokumenti, il-konferma tal-identità u, fejn opportun, il-kontroll fiżiku tal-iskart.’;

(e)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

‘4a.   Sabiex ikun żgurat li sustanza jew oġġett li jinġarr bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar jew permezz ta’ passaġġ fuq l-ilma huwiex skart, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu, mingħajr ħsara għad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), jitolbu lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess tas-sustanza jew tal-oġġett ikkonċernat, jew li torganizza t-trasport tiegħu, biex tippreżenta evidenza dokumentata:

(a)

rigward l-oriġini u d-destinazzjoni tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat; u

(b)

li dan mhuwiex skart, inkluż, fejn adatt, evidenza tal-funzjonalità.

Għall-finijet tal-ewwl suparagrafu, il-protezzjoni tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat kontra dannu waqt it-trasport, it-tagħbija u l-ħatt, bħall-imballaġġ xieraq u l-istivar adegwat, għandhom ukoll jiġu aċċertati.

4b.   L-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jikkonkludu li s-sustanza jew l-oġġett konċernat huwa skart, fejn:

l-evidenza msemmija fil-paragrafu 4a jew meħtieġa taħt leġislazzjoni oħra tal-Unjoni biex taċċerta li sustanza jew oġġett mhux skart, ma tkunx ġiet ippreżentata fil-perijodu speċifikat minnhom, jew

jikkunsidraw li l-evidenza u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom huma insuffiċjenti biex tintlaħaq konklużjoni, jew jikkunsidraw li -protezzjoni provduta kontra l-ħsara msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4a hija insuffiċjenti.

F’tali ċirkostanzi it-trasport tas-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat jew il-vjeġġ ta’ skart, għandu jitqies bħala vjeġġ illegali. Konsegwentement, għandu jiġi trattat f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 u l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn tkun saret l-ispezzjoni kkonċernata.

4c.   Sabiex jiġi aċċertat jekk vjeġġ ta’ skart jikkonformax ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jitolbu lin-notifikatur, lill-persuna li torganizza l-vjeġġ, lid-detentur, lit-trasportatur, lid-destinatarju u lill-impjant li jirċievi l-iskart biex jippreżentaw evidenza rilevanti dokumentata lilhom fi żmien perijodu speċifikat minnhom.

Sabiex jiġi aċċertat jekk vjeġġ ta’ skart li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti ġenerali tal-informazzjoni tal-Artikolu 18 huwiex destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru li huma f’konformità mal-Artikolu 49, l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet jistgħu jitolbu lill-persuna li torganizza l-vjeġġ biex tippreżenta evidenza dokumentata rilevanti, provduta mill-impjant ta’ rkupru interim jew non-interim u, jekk meħtieġ, approvat mill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni.

4d.   Fejn l-evidenza msemmija fil-paragrafu 4c ma tkunx ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet fil-perijodu speċifikat minnhom, jew huma jikkunsidraw li l-evidenza u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom ma tkunx suffiċjenti biex tintlaħaq konklużjoni, il-vjeġġ ikkonċernat għandu jitqies bħala vjeġġ illegali. Konsegwentement, dak il-vjeġġ għandu jiġi trattat f’konformità mal-Artikoli 24 u 25 u l-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn tkun saret l-ispezzjoni kkonċernata, skont dan.

4e.   Sat-18 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tabella preliminari ta’ korrelazzjoni bejn il-kodiċijiet tan-nomenklatura magħquda, previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (*4), u l-entrati tal-iskart elenkat fl-Annessi III, IIIA, IIIB, IV, IVA u V għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik it-tabella ta’ korrelazzjoni aġġornata, sabiex tirrifletti bidliet għal dik in-nomenklatura u għall-entrati elenkati f’dawk l-Annessi, kif ukoll biex tinkludi kwalunkwe kodiċi ġdid relatat mal-iskart tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata li l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali tista’ tadotta.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59a(2).’

(*3)  Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38)."

(*4)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).’;"

(f)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, bilateralment u multilateralment, ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ vjeġġi illegali. Għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti dwar il-vjeġġi tal-iskart, il-flussi tal-iskart, l-operaturi u l-impjanti u jiskambjaw l-esperjenza u l-għarfien dwar miżuri ta’ infurzar, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont l-paragrafu 2a tal-Artikolu, fl-ambitu ta’ strutturi stabbiliti, partikolarment, permezz tan-netwerk ta’ korrispondenti nominati f’konformità mal-Artikolu 54.’;

(4)

fl-Artikolu 51, il-paragrafu (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Qabel it-tmiem ta’ kull sena kalendarja, l-Istati Membri għandhom ifasslu wkoll rapport għas-sena ta’ qabel ibbażat fuq il-kwestjonarju addizzjonali ta’ rappurtar fl-Anness IX, u għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni. Fi żmien xahar mit-trażmissjoni ta’ dak ir-rapport lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu pubblikament disponibbli, inkluż elettronikament permezz tal-Internet, it-taqsima ta’ dak ir-rapport relatata mal-Artikolu 24 u l-Artikolu 50(1), (2) u (2a, inkluża t-Tabella 5 tal-Anness IX, flimkien ma’ kwalunkwe spjegazzjoni li l-Istati Membri jqisu xierqa. Il-Kummissjoni għandha tiġbor lista tal-hyperlinks tal-Istati Membri msemmija fit-taqsima relatata mal-Artikolu 50(2) u (2a) tal-Anness IX u tagħmilha pubblikament disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha.’;

(5)

L-Artikolu 58 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 58

Emendi tal-Annessi

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 58a biex jiġi emendat dan li ġej:

(a)

l-Annessi IA, IB, IC, II, III, IIIA, IIIB, IV, V, VI u VII biex jitqiesu l-bidliet maqbula taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-Deċiżjoni tal-OECD;

(b)

l-Anness V biex jirrifletti l-bidliet maqbula għal-lista ta’ skart adottata f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(c)

l-Anness VIII biex jirrifletti d-deċiżjonijiet meħuda taħt il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti.’;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 58a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 58 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 58 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 58 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li huma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.’;

(7)

L-Artikolu 59 huwa mħassar;

(8)

L-Artikolu 59a huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 59a

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-kumitat huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.’;

(9)

fl-Artikolu 60, jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud, fost l-oħrajn, tar-rapporti mfassla skont l-Artikolu 51, tagħmel rieżami ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jekk ikun meħtieġ, akkumpanjati minn proposta leġislattiva. F’dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, l-effettività tal-Artikolu 50(2a) fil-ġlieda kontra l-vjeġġi illegali, b’kont meħud tal-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi.’;

(10)

l-Anness IX huwa emendat kif ġej:

(a)

it-taqsima relatata mal-Artikolu 50(2) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

‘Informazzjoni fil-qosor dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet li saru skont l-Artikolu 50 (2), inkluż:

l-għadd ta’ spezzjonijiet, inklużi l-verifiki fiżiċi ta’ stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti, relatati mal-vjeġġi ta’ skart:

l-għadd ta’ spezzjonijiet ta’ vjeġġi ta’ skart, inklużi l-verifiki fiżiċi:

l-għadd ta’ illegalitajiet preżunti rigward stabbilimenti, impriżi, sensara u negozjanti, relatati mal-vjeġġi ta’ skart:

l-għadd ta’ vjeġġi illegali preżunti li jiġu kkonfermati waqt l-ispezzjonijiet:

Kummenti oħra:’;

(b)

tiddaħħal it-taqsima li ġejja li tirrigwarda l-Artikolu 50(2a):

Artikolu 50(2a)

Informazjzoni dwar il-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni

Għadd ta’ pjan(jiet) ta’ spezzjoni għat-territorju ġeografiku kollu:

Id-data tal-adozzjoni tal-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni u l-perijodu kopert minnhom:

L-aħħar data ta’ rieżami tal-pjan(ijiet) ta’ spezzjoni:

L-awtoritajiet involuti fl-ispezzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet:

Indika l-persuni jew il-korpi li lilhom jistgħu jiġu rappurtati tħassib jew irregolaritajiet:’;

(c)

tiddaħħal it-taqsima li ġejja li tirrigwarda l-Artikolu 50 (2) u (2a):

‘Il-link fejn l-informazzjoni magħmula pubblikament disponibbli mill-Istati Membri permezz tal-Internet skont l-Artikolu 51(2) tkun aċċessibbli elettronikament:’;

(11)

fl-Anness IX, Tabella 5, l-intestatura tal-aħħar kolonna hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Miżuri li ttieħdu, inklużi penali imposti’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

Minkejja it-tieni paragrafu, il-punt (4) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(4)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(5)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top