Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0656

    Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/656/oj

    27.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 189/93


    REGOLAMENT (UE) Nru 656/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta’ Mejju 2014

    li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    L-għan ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam tal-fruntieri esterni tal-Unjoni huwa li jkun żgurat monitoraġġ effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni inkluż permezz tas-sorveljanza fuq il-fruntiera, filwaqt li jingħata kontribut biex jiġu żgurati l-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet. L-għan tas-sorveljanza fuq il-fruntiera huwa li tipprevjeni qsim mhux awtorizzat fil-fruntieri, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jinqabdu jew jittieħdu miżuri oħra kontra dawk il-persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod irregolari. Is-sorveljanza fuq il-fruntiera għandha tkun effettiva fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ persuni milli jevadu l-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Għal dan il-għan, is-sorveljanza fuq il-fruntiera mhix limitata għall-identifikazzjoni tat-tentattivi ta’ qsim tal-fruntieri mhux awtorizzat iżda testendi ugwalment għal passi bħall-interċettazzjoni ta’ bastimenti suspettati li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni mingħajr ma jgħaddu mill-kontrolli fil-fruntieri, kif ukoll arranġamenti maħsuba biex jindirizzaw sitwazzjonijiet bħat-tfittxija u s-salvataġġ li jista’ jkun hemm bżonn waqt operazzjoni ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera fuq il-baħar u arranġamenti maħsuba biex jikkonkludu b’suċċess tali operazzjoni.

    (2)

    Il-politiki tal-Unjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri taħt l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Kull fejn meħtieġ, atti tal-Unjoni adottati fil-qafas ta’ dawk il-politiki għandu jkollhom miżuri adatti biex ikun effettiv dak il-prinċipju u jiġi promoss il-qsim tal-piżijiet inkluż permezz tat-trasferiment, fuq bażi volontarja, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

    (3)

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri li jsiru mill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-baħar tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (‘l-Aġenzija’) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (2). Il-miżuri investigattivi u punittivi huma regolati mil-liġijiet kriminali nazzjonali u mill-istrumenti eżistenti tal-assistenza legali reċiproka fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni.

    (4)

    L-Aġenzija hija responsabbli mill-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inkluż fir-rigward tas-sorveljanza fuq il-fruntieri. L-Aġenzija hija responsabbli wkoll biex tassisti lill-Istati Membri f’ċirkustanzi li jeħtieġu aktar assistenza teknika fil-fruntieri esterni, b’kont meħud tal-fatt li xi sitwazzjonijiet jistgħu jinvolvu emerġenzi umanitarji u salvataġġ fuq il-baħar. Huma meħtieġa regoli speċifiċi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera li jsiru mill-unitajiet marittimi, tal-art u tal-ajru ta’ Stat Membru fil-fruntieri marittimi ta’ Stati Membri oħra jew fl-ibħra internazzjonali fil-kuntest ta’ kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija biex tkompli tissaħħaħ tali kooperazzjoni.

    (5)

    Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi ġirien hija kruċjali biex jiġi evitat il-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri, biex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u jiġi evitat it-telf tal-ħajja fuq il-baħar. F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 u sa fejn jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-migranti, l-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi tar-riskju u t-taħriġ, u għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Meta l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi sseħħ fit-territorju jew fl-ibħra territorjali ta’ dawk il-pajjiżi, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw man-normi u l-istandards li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni.

    (6)

    Is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha ssaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u mal-Aġenzija. Dak għandu jiżgura li l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tal-Istati Membri jitjiebu b’mod konsiderevoli, anke bl-appoġġ tal-Aġenzija, għall-iskopijiet tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u l-kriminalità transkonfinali u għall-kontribuzzjoni biex jiġu żgurati l-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti mal-fruntieri esterni tagħhom. Meta tikkoordina operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera, l-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’informazzjoni u analiżi dwar dawk l-operazzjonijiet f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

    (7)

    Dan ir-Regolament jissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE (4) li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti’) bis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża C-355/10.

    F’dik is-sentenza, il-Qorti żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/252/UE sad-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda. Għaldaqstant, mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dik id-Deċiżjoni m’għandhiex tibqa’ effettiva.

    (8)

    Waqt l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntiera fuq il-baħar, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, b’mod partikolari skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u strumenti internazzjonali rilevanti oħrajn.

    (9)

    Meta tikkoordina l-operazzjonijiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri fuq il-baħar, l-Aġenzija għandha tissodisfa l-kompiti tagħha f’konformità sħiħa mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (‘il-Karta’) u l-liġi internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari dik imsemmija fil-premessa (8).

    (10)

    F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, kwalunkwe miżura li tittieħed waqt l-operazzjoni ta’ sorveljanza għandha tkun proporzjonata mal-għanijiet segwiti, ma tkunx diskriminatorja u tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tar-refuġjati u ta’ dawk li jfittxu asil, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement. L-Istati Membri u l-Aġenzija huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-acquis dwar l-asil, u b’mod partikolari d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jsiru fit-territorju, inkluż fil-fruntiera, fl-ibħra territorjali jew f’żoni ta’ tranżitu tal-Istati Membri.

    (11)

    L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), b’mod partikolari fir-rigward tal-assistenza li għandha tingħata lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

    (12)

    Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ non-refoulement kif definit fil-Karta u kif interpretat bil-każistika tal-Qorti u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    F’konformità ma’ dak il-prinċipju, ebda persuna m’għandha tiżbarka fi, tkun sfurzata tidħol, titwassal sa jew inkella tingħata lill-awtoritajiet ta’ pajjiż fejn, inter alia, ikun hemm riskju serju li din tkun soġġetta għal piena tal-mewt, tortura, persekuzzjoni jew trattament jew kastig inuman jew degradanti ieħor, jew fejn il-ħajja jew il-libertà tagħha jkunu mhedda minħabba r-razza, reliġjon, nazzjonalità, orjentazzjoni sesswali, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, jew li minn liema pajjiż hemm riskju serju ta’ espulsjoni, tneħħija jew estradizzjoni lejn pajjiż ieħor bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    (13)

    L-eżistenza possibbli ta’ arranġament bejn Stat Membru u pajjiż terz ma jeħlisx lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni u l-liġi internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement, kull meta jkunu konxji jew għandhom ikunu konxji li nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ dawk li jfittxu asil f’dak il-pajjiż terz jammontaw għal raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li min ifittex asil jiffaċċja riskju reali li jkun soġġett għal trattament inuman jew degradanti jew fejn ikunu konxji jew għandhom ikunu konxji li dak il-pajjiż terz huwa involut fi prattiki bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    (14)

    Waqt operazzjoni tas-sorveljanza fuq il-fruntiera fil-baħar, tista’ tinqala’ sitwazzjoni fejn ikun meħtieġ li tingħata assistenza lil persuni li jinsabu f’diffikultà. F’konformità mal-liġi internazzjonali, kull Stat għandu jobbliga lill-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sa fejn ikun jista’ jagħmel dan mingħajr periklu serju għall-bastiment, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri, biex jagħti assistenza bla dewmien lil kwalunkwe persuna li tinstab fil-baħar f’periklu li tintilef u li jipproċedi malajr kemm jista’ jkun biex isalva lill-persuni f’diffikultà. Tali assistenza għandha tingħata tkun xi tkun in-nazzjonalità jew l-istatus tal-persuni li għandhom jingħataw l-assistenza jew taċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom. Il-kaptan tal-bastiment u l-ekwipaġġ m’għandhomx jiffaċċjaw penali kriminali għall-unika raġuni li jkunu salvaw persuna f’diffikultà fuq il-baħar u ħaduha f’post sigur.

    (15)

    L-obbligu li tingħata assistenza lil persuni li jinsabu f’diffikultà għandu jitwettaq mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istrumenti internazzjonali li jirregolaw is-sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u f’konformità mar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet tat-tfittxija u s-salvataġġ inkluż biex jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni jsiru b’tali mod li l-persuni salvati jkunu jistgħu jitwasslu f’post sigur.

    (16)

    Meta ż-żona operazzjonali ta’ operazzjoni fuq il-baħar tinkludi r-reġjun ta’ tfittxija u s-salvataġġ ta’ pajjiż terz, għandu jkun hemm l-istabbiliment ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet ta’ tfittxija u salvataġġ ta’ dak il-pajjiż terz fl-ippjanar ta’ operazzjoni fuq il-baħar, biex b’hekk jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu iwieġbu għall-każijiet ta’ tfittxija u salvataġġ li jiżviluppaw fir-reġjun ta’ tfittxija u salvataġġ tagħhom.

    (17)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, l-operazzjonijiet tas-sorveljanza fuq il-fruntiera kkoordinati mill-Aġenzija jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali. Bl-istess mod, fir-rigward tal-operazzjonijiet fuq il-baħar, il-pjan operazzjonali għandu jinkludi informazzjoni speċifika dwar l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni u l-leġislazzjoni rilevanti fiż-żona ġeografika fejn issir l-operazzjoni konġunta, il-proġett pilota jew l-intervent rapidu, inkluż referenzi għal-liġi tal-Unjoni u għal-liġi internazzjonalidwar l-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark. Il-pjan operazzjonali għandu jkun stabbilit f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jirregola l-interċettazzjoni, is-salvataġġ fuq il-baħar u l-iżbark fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera fuq il-baħar ikkoordinati mill-Aġenzija u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi partikolari tal-operazzjoni kkonċernata.

    Il-pjan operazzjonali għandu jinkludi proċeduri li jiżguraw li l-persuni bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-minorenni mhux akkumpanjati u persuni vulnerabbli oħra jiġu identifikati u jingħataw l-assistenza adatta, inkluż l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali.

    (18)

    Il-prassi taħt ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 hija li għal kull operazzjoni fuq il-baħar, tkun stabbilita struttura ta’ koordinazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, magħmula minn uffiċjali mill-Istat Membru ospitanti, uffiċjali mistiedna u rappreżentanti tal-Aġenzija, inkluż l-Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni tal-Aġenzija. Din l-istruttura ta’ koordinazzjoni, li normalment tissejjaħ iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, għandha tintuża bħala mezz ta’ komunikazzjoni bejn l-uffiċjali involuti fl-operazzjoni fuq il-baħar u l-awtoritajiet ikkonċernati.

    (19)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mill-Karta, b’mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti, il-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-asil u l-protezzjoni mit-tneħħija u t-tkeċċija, il-prinċipju ta’ non-refoulement u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u d-drittijiet tat-tfal. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri u mill-Aġenzija f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

    (20)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi għas-sorveljanza fuq il-fruntiera tal-baħar mill-gwardji tal-fruntieri li joperaw taħt il-koordinazzjoni tal-Aġenzija, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba d-differenzi fil-liġijiet u l-prassi tagħhom, iżda jista’, minħabba n-natura multinazzjonali tal-operazzjonijiet, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (21)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan ir-Regolament jibbaża fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (22)

    Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

    (23)

    Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11)

    (24)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12), li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13).

    (25)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (14); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (26)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (15). Għaldaqstant, l-Irlanda mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu japplika għal operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera li jsiru mill-Istati Membri mal-fruntieri esterni fl-ibħra tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali koordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (1)

    ‘Aġenzija’ tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

    (2)

    ‘operazzjoni fuq il-baħar’ tfisser operazzjoni konġunta, proġett pilota jew intervent rapidu li jsir mill-Istati Membri għas-sorveljanza fuq il-fruntieri esterni fl-ibħra tagħhom bil-koordinazzjoni tal-Aġenzija;

    (3)

    ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser Stat Membru li fih isseħħ operazzjoni fuq il-baħar jew li minnu tiġi varata;

    (4)

    ‘Stat Membru parteċipanti’ tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’operazzjoni fuq il-baħar billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntiera skjerati bħala parti mit-Timijiet ta’ Gwardji tal-Fruntiera Ewropea jew persunal rilevanti ieħor iżda li mhuwiex Stat Membru ospitanti;

    (5)

    ‘unità parteċipanti’ tfisser unità marittima, tal-art jew tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru parteċipanti li jieħu sehem f’operazzjoni fuq il-baħar;

    (6)

    ‘Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni’ tfisser l-istruttura ta’ koordinazzjoni stabbilita fl-Istat Membru għall-koordinazzjoni ta’ operazzjoni fuq il-baħar;

    (7)

    ‘Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni’ tfisser iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni stabbilit għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1052/2013;

    (8)

    ‘pjan operazzjonali’ tfisser il-pjan operazzjonali msemmi fl-Artikoli 3a jew l-Artikolu 8e tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

    (9)

    ‘bastiment’ tfisser kwalunkwe tip ta’ inġenju tal-ilma, inklużi d-dgħajjes, id-dingis, il-pjattaformi li jżommu fil-wiċċ, l-inġenju ma jiċċaqlaqx u l-idroplani, li jintużaw jew li jistgħu jintużaw fuq il-baħar;

    (10)

    ‘bastiment apolidi’ tfisser bastiment mingħajr nazzjonalità jew assimilat ma’ bastiment mingħajr nazzjonalità meta l-bastiment ma jkunx ingħata id-dritt minn xi Stat li jtajjar il-bandiera tiegħu jew meta jkun qed ibaħħar bil-bnadar ta’ żewġ Stati jew aktar, u jużahom skont il-konvenjenza;

    (11)

    ‘Protokoll kontra t-Traffikar tal-Immigranti’ tfisser il-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ffirmata f’Palermo, l-Italja f’Diċembru 2000;

    (12)

    ‘post ta’ sikurezza’ tfisser post fejn l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jitqiesu li jitterminaw u fejn is-sikurezza tal-ħajja ta’ min isalva mhix mhedda, fejn jistgħu jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi umani tagħhom u minn fejn jistgħu jsiru l-arranġamenti għat-trasportazzjoni għad-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali għal min isalva, b’kont meħud tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement;

    (13)

    ‘Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ’ tfisser unità responsabbli għall-promozzjoni ta’ organizzazzjoni effiċjenti ta’ servizzi ta’ tfittxija u salvataġġ u għall-koordinazzjoni tat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ f’reġjun ta’ tfittxija u salvataġġ kif definit fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979;

    (14)

    ‘żona kontigwa’ tfisser żona kontigwa għall-ibħra territorjali kif definita fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, fejn ipprokklamata formalment;

    (15)

    ‘Stat Membru kostali’ tfisser Stat Membru li fl-ibħra territorjali jew fiż-żona kontigwa tiegħu isseħħ interċezzjoni.

    KAPITOLU II

    REGOLI ĠENERALI

    Artikolu 3

    Sikurezza fuq il-baħar

    Il-miżuri meħuda għall-fini ta’ operazzjoni fuq il-baħar għandhom isiru b’tali mod li, f’kull ċirkostanza, jiżguraw is-sikurezza tal-persuni interċettati jew salvati, is-sikurezza tal-unitajiet parteċipanti jew dik tal-partijiet terzi.

    Artikolu 4

    Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ non-refoulement

    1.   Ebda persuna m’għandha, bi ksur tal-prinċipju tan-nonrefoulement, tiżbarka fi, tkun sfurzata tidħol, titwassal sa jew inkella tingħata lill-awtoritajiet ta’ pajjiż fejn, inter alia, ikun hemm riskju serju li hu jew hi jkunu soġġetti għal piena tal-mewt, tortura, persekuzzjoni jew trattament jew kastig inuman jew degradanti ieħor, jew fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu jew tagħha jkunu mhedda minħabba r-razza, reliġjon, nazzjonalità, orjentazzjoni sesswali, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika tiegħu jew tagħha; jew li minnu hemm riskju serju ta’ espulsjoni, tneħħija jew estradizzjoni lejn pajjiż ieħor bi ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    2.   Meta jikkunsidra l-possibbiltà ta’ żbark f’pajjiż terz, fil-kuntest tal-ippjanar ta’ operazzjoni fuq il-baħar, l-Istat Membru ospitanti, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti u l-Aġenzija, għandu jieħu kont tas-sitwazzjoni ġenerali f’dak il-pajjiż terz.

    Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali f’pajjiż terz għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni derivata minn firxa wiesgħa ta’ sorsi, li jistgħu jinkludi Stati Membri oħra, korpi tal-Unjoni, uffiċċji u aġenziji oħra, u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u tista’ tieħu kont li jeżistu ftehimiet u proġetti dwar il-migrazzjoni u l-asil li jkunu saru f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u permezz ta’ fondi tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tkun parti mill-pjan operazzjonali u għandha tingħata lill-unitajiet parteċipanti. Dik il-valutazzjoni għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ.

    Persuni interċettati jew salvati ma għandhomx jitniżżlu, jiġu mġiegħla jidħlu, immexxija lejn jew inkella mogħtija lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz meta l-Istat Membru ospitanti jew l-Istati Membri parteċipanti jkunu konxji jew għandhom ikunu konxji li dak il-pajjiż terz huwa involut fi prattiki kif deskritt fil-paragrafu 1.

    3.   Waqt operazzjoni fuq il-baħar, qabel ma l-persuni interċettati jew salvati jitniżżlu fi, ikunu mġiegħla jidħlu, imwassla sa jew b’xi mod ieħor mogħtija lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz u b’kont meħud tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali f’dak il-pajjiż terz f’konformità mal-paragrafu 2, l-unitajiet parteċipanti għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, jużaw il-mezzi kollha biex jidentifikaw il-persuni interċettati jew salvati, jivvalutaw iċ-ċirkostanzi personali tagħhom, jinfurmawhom bid-destinazzjoni tagħhom b’mod li dawk il-persuni jifhmu jew jista’ b’mod raġonevoli jidhru li jifhmu u jagħtuhom l-opportunità li jesprimu kwalunkwe raġuni għalxiex jaħsbu li l-fatt li tniżżlu fil-post propost jikser il-prinċipju ta’ non-refoulement.

    Għal dawk l-iskopijiet għandhom jingħataw aktar dettalji fil-pjan operazzjonali inkluż, fejn meħtieġ, id-disponibbiltà ta’ persunal mediku, interpreti, konsulenti legali u esperti rilevanti oħra bbażati fuq ix-xatt tal-Istati Membri ospitanti u parteċipanti. Kull unità parteċipanti għandha tinkludi mill-inqas persuna waħda b’taħriġ bażiku tal-ewwel għajnuna.

    Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13 għandu, ibbażati fuq l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri ospitanti u parteċipanti, inklużi aktar dettalji dwar każijiet ta’ żbark f’pajjiżi terzi u kif kull element tal-proċeduri mniżżla fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ġie applikat mill-unitajiet parteċipanti biex tiżgura l-konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement.

    4.   Matul operazzjoni fuq il-baħar, l-unitajiet parteċipanti għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċjali tat-tfal, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati, tal-vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin, il-persuni li jkollhom bżonn urġenti ta’ assistenza medika, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali u persuni oħrajn li jkunu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli.

    5.   Kwalunkwe skambju ma’ pajjiżi terzi ta’ data personali miksuba matul operazzjoni fuq il-baħar għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandha tkun strettament limitata għal dak li huwa assulutament meħtieġ u għandhom isiru f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (17) u d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data.

    L-iskambju bejn pajjiżi terzi ta’ data personali dwar persuni interċettati jew salvati miksuba matul operazzjoni fuq il-baħar għandu jkun ipprojbit fejn ikun hemm riskju serju ta’ ksur tal-prinċipji ta’ non-refoulement.

    6.   Meta jkunu qed jaqdu dmirijiethom, l-unitajiet parteċipanti għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem.

    7.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-miżuri kollha mittieħda minn Stati Membri jew mill-Aġenzija f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    8.   Il-gwardjani tal-fruntiera u persunal ieħor li jipparteċipaw fl-operazzjoni fuq il-baħar għandhom jitħarrġu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ drittijiet fundamentali, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-iskema legali internazzjonali dwar it-tfittxija u s-salvataġġ f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

    KAPITOLU III

    REGOLI SPEĊIFIĊI

    Artikolu 5

    Identifikazzjoni

    1.   Hekk kif jiġi misjub, l-unitajiet parteċipanti għandhom jersqu lejn bastiment issuspettat li jkun qed iġorr persuni li qed jevadu jew għandhom l-intenzjoni li jevadu kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntiera jew li jkunu involuti fit-traffikar ta’ migranti bil-baħar sabiex josservaw l-identità u n-nazzjonalità tiegħu u, sakemm jittieħdu miżuri oħrajn, għandhom jissorveljaw dak il-bastiment minn distanza prudenti filwaqt li jieħdu l-prekwazjonijiet kollha meħtieġa. L-unitajiet parteċipanti għandhom jiġbru u immedjatament jirrapportaw l-informazzjoni dwar dak il-bastiment liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, inkluż, fejn possibbli, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persuni abbord, partikolarment jekk ikunx hemm riskju imminenti għal ħajjithom jew jekk ikunx hemm persuni li jeħtieġu assistenza medika b’mod urġenti. Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jibgħat dik l-informazzjoni liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

    2.   Fejn bastiment ikun ser jidħol jew ikun daħal fl-ibħra territorjali jew fiż-żona kontigwa ta’ Stat Membru li ma jkunx parteċipanti fl-operazzjoni fuq il-baħar, l-unitajiet parteċipanti għandhom jiġbru u jirrapportaw l-informazzjoni dwar dak il-bastiment liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li għandu jibgħat dik l-informazzjoni liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    3.   L-unitajiet parteċipanti għandhom jiġbru u jirrapportaw l-informazzjoni dwar kwalunkwe bastiment issuspettat li jkun involut f’attivitajiet illegali fuq il-baħar, li jkunu barra mill-ambitu tal-operazzjoni fuq il-baħar, liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li għandu jibgħat dik l-informazzjoni liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 6

    Interċettazzjoni fl-ibħra territorjali

    1.   Fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti ġar, dak l-Istat Membru għandu jawtorizza lill-unitajiet parteċipanti biex jieħdu waħda mill-miżuri li ġejjin jew aktar fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex jissusspettaw li bastiment jista’ jkun qed iġorr persuni li għandhom l-intenzjoni li jevadu kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri jew ikun involut fit-traffikar ta’ migranti fuq il-baħar:

    (a)

    jitolbu informazzjoni u dokumentazzjoni dwar is-sjieda, ir-reġistrazzjoni u l-elementi relatati mal-vjaġġ tal-bastiment, u dwar l-identità, in-nazzjonalità u data oħra rilevanti dwar il-persuni abbord, inkluż jekk ikunx hemm persuni li jeħtieġu assistenza medika b’mod urġenti, u jagħmlu lill-persuni abbord konxji li jistgħu ma jkunux awtorizzati jaqsmu l-fruntiera;

    (b)

    iwaqqfu, jitilgħu abbord u jfittxu l-bastiment, il-merkanzija tiegħu u l-persuni abbord, u jinterrogaw lill-persuni abbord u jinfurmawhom li l-persuni li qed jidderieġu l-bastiment jistgħu jiffaċċaw pieni talli ffaċilitaw il-vjaġġ.

    2.   Jekk tinstab evidenza li tikkonferma dak is-suspett, dak l-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti ġar jista’ jawtorizza lill-unitajiet parteċipanti biex jieħdu waħda mill-miżuri li ġejjin jew aktar:

    (a)

    il-bastiment jiġi kkonfiskat u l-persuni abbord jiġu arrestati;

    (b)

    jagħtu ordni biex il-bastiment jibdel ir-rotta tiegħu ‘l barra minn jew lejn destinazzjoni barra mill-ibħra territorjali jew iż-żona kontigwa, u jeskortaw jew isegwu mill-qrib il-bastiment sakemm jiġi kkonfermat li l-bastiment ikun qed iżomm ma’ dik ir-rotta partikolari mogħtija;

    (c)

    imexxu lill-bastiment jew lill-persuni abbord lejn l-Istat Membru kostali f’konformità mal-pjan operazzjonali.

    3.   Kwalunkwe miżura li tittieħed f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 għandha tkun proporzjonata u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan l-Artikolu.

    4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni kif adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    L-unità parteċipanti għandha tinforma lill-Istat Membru ospitanti, permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, kull meta l-kaptan tal-bastiment jitlob li jiġi nnotifikat aġent diplomatiku jew uffiċjal tal-konsulat tal-Istat tal-bandiera.

    5.   Fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex jiġi ssuspettat li bastiment apolidi ikun qed iġorr persuni bil-ħsieb li jevadu l-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri jew ikun involut fit-traffikar ta’ persuni bil-baħar, l-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru parteċipanti ġar li dak il-bastiment apolidi ġie interċettat fl-ibħra territorjali tiegħu għandu jawtorizza waħda mill-miżuri jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 1 u jista’ jawtorizza waħda mill-miżuri jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 2. L-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni b’mod adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    6.   Kwalunkwe attività operazzjonali fl-ibħra territorjali ta’ Stat Membru li ma jkunx qed jipparteċipa fl-operazzjoni fuq il-baħar għandha titwettaq f’konformità mal-awtorizzazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni ibbażata fuq l-azzjoni awtorizzata minn dak l-Istat Membru.

    Artikolu 7

    Interċettazzjoni fl-ibħra internazzjonali

    1.   Fl-ibħra internazzjonali, fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li bastiment huwa involut fit-traffikar ta’ migranti bil-baħar, l-unitajiet parteċipanti għandhom jieħdu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Istat tal-bandiera f’konformità mal-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Migranti, u fejn rilevanti, mal-liġi nazzjonali u l-liġi internazzjonali:

    (a)

    jitolbu informazzjoni u dokumentazzjoni dwar is-sjieda, ir-reġistrazzjoni u l-elementi relatati mal-vjaġġ tal-bastiment, u dwar l-identità, in-nazzjonalità u data oħra rilevanti dwar il-persuni abbord, inkluż jekk ikunx hemm persuni li jeħtieġu assistenza medika b’mod urġenti;

    (b)

    iwaqqfu, jitilgħu abbord u jfittxu l-bastiment, il-merkanzija tiegħu u l-persuni abbord, u jinterrogaw lill-persuni abbord u jinfurmawhom li l-persuni li qed jidderieġu l-bastiment jistgħu jiffaċċaw pieni talli ffaċilitaw il-vjaġġ.

    2.   Jekk tinstab evidenza li tikkonferma dak is-suspett, l-unitajiet parteċipanti jistgħu jieħdu waħda mill-miżuri li ġejjin jew aktar, soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-Istat tal-bandiera, f’konformità mal-Protokoll kontra t-Traffikar tal-Migranti, u fejn rilevanti, il-liġi nazzjonali u l-liġi internazzjonali:

    (a)

    il-bastiment jiġi kkonfiskat u l-persuni abbord jiġu arrestati;

    (b)

    iwissu u jordnaw lill-bastiment ma jidħolx fl-ibħra territorjali jew iż-żona kontigwa, u fejn meħtieġ jitolbu biex il-bastiment jibdel ir-rotta tiegħu lejn destinazzjoni differenti mill-ibħra territorjali jew iż-żona kontigwa;

    (c)

    jikkonduċu lill-bastiment jew il-persuni abbord lejn pajjiż terz jew inkella jgħaddu l-bastiment jew lill-persuni abbord f’idejn l-awtoritajiet ta’ pajjiż terz;

    (d)

    jikkonduċu lill-bastiment jew il-persuni abbord lejn l-Istat Membru ospitanti jew lejn Stat Membru parteċipanti ġar.

    3.   Kwalunkwe miżura li tittieħed f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 għandha tkun proporzjonata u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan l-Artikolu.

    4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni kif adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    5.   Fejn il-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistrazzjoni tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru parteċipanti, dak l-Istat Membru, wara li jikkonferma n-nazzjonalità tal-bastiment, jista’ jawtorizza waħda mill-miżuri jew aktar stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Wara, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni b’mod adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    6.   Fejn il-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera jew juri l-marki tar-reġistrazzjoni ta’ Stat Membru li ma jkunx parteċipanti fl-operazzjoni fuq il-baħar jew ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti, skont liema unità parteċipanti tinterċetta dak il-bastiment, għandu jinnotifika lill-Istat tal-bandiera, għandu jitlob konferma tar-reġistrazzjoni u, jekk in-nazzjonalità tiġi kkonfermata, huwa għandu jitlob li l-Istat tal-bandiera jieħu azzjoni biex iwaqqaf il-bastiment tiegħu milli jintuża għat-traffikar ta’ migranti. Jekk l-Istat tal-bandiera ma jkunx irid jew ma jkunx jista’ jagħmel dan direttament jew bl-assistenza tal-Istat Membru li għandu l-unità parteċipanti, dak l-Istat Membru għandu jitlob awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera biex jieħu kwalunkwe miżura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2. L-Istat Membru ospitanti jew l-Istat Membru parteċipanti għandu jinforma liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni bi kwalunkwe komunikazzjoni mal-Istat tal-bandiera u bl-azzjonijiet maħsuba jew bil-miżuri awtorizzati mill-Istat tal-bandiera. Wara, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni b’mod adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    7.   Fejn, minkejja li jkun qed itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera tiegħu, ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-bastiment ikun, fil-verità, tal-istess nazzjonalità tal-unità parteċipanti, dik l-unità parteċipanti għandha tivverifika d-dritt tal-bastiment li jtajjar il-bandiera tagħha. Għal dak il-għan, hija tista’ tavviċina l-bastiment issuspettat. Jekk jibqa’ s-suspett, hija għandha tipproċedi b’aktar eżami abbord il-bastiment, li għandu jsir bil-kunsiderazzjoni kollha possibbli.

    8.   Fejn, minkejja li jkun qed itajjar bandiera barranija jew jirrifjuta li juri l-bandiera tiegħu, ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-bastiment ikun, fil-verità, tal-istess nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru parteċipanti, l-unità parteċipanti għandha tivverifika d-dritt tal-bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu.

    9.   Fejn, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 7 jew 8, hemm xiehda li tikkonferma li s-suspett dwar in-nazzjonalità tal-bastiment ikollhom bażi, dak l-Istat Membru ospitanti jew dak l-Istat Membru parteċipanti jista’ jawtorizza waħda mill-miżura jew iktar stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Wara, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti ordni b’mod adatt lill-unità parteċipanti permezz taċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

    10.   Sa meta toħroġ awtorizzazzjoni jew fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat tal-bandiera, il-bastiment għandu jiġi ssorveljat minn distanza prudenti. Ma għandha tittieħed l-ebda miżura oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-Istat tal-bandiera, minbarra dawk meħtieġa biex jitneħħa periklu imminenti għal ħajjet il-persuni jew dawk il-miżuri li jirriżultaw minn ftehimiet bilaterali jew multilaterali rilevanti.

    11.   Fejn ikun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jissuspetta li bastiment apolidi jkun involut fit-traffikar ta’ migranti bil-baħar, l-unità parteċipanti tista’ titla’ abbord u tagħmel tfittxija fil-bastiment bil-ħsieb li tivverifika li huwa apolidi. Jekk tinstab evidenza li tikkonferma dak is-suspett, l-unità parteċipanti għandha tinforma lill-Istat Membru ospitanti li jista’, direttament jew bl-assistenza tal-Istat Membru li għandu l-unità parteċipanti, jieħu aktar miżuri adatti kif stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 f’konformità mal-liġi nazzjonali u l-liġi internazzjonali.

    12.   Stat Membru li l-unità parteċipanti tiegħu tkun ħadet kwalunkwe miżura f’konformità mal-paragrafu 1 għandu jinforma minnufih lill-Istat tal-bandiera bir-riżultat ta’ dik il-miżura.

    13.   L-uffiċjal nazzjonali li jirrappreżenta lill-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru parteċipanti fiċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għall-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dak l-Istat Membru kkonċernat meta jitlob l-awtorizzazzjoni biex jivverifika d-dritt tal-bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jew li jieħu kwalunkwe miżura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2.

    14.   Fejn jirriżulta li r-raġunijiet biex wieħed jissuspetta li bastiment ikun involut fit-traffikar tal-migranti fl-ibħra internazzjonali jkunu bla bażi jew fejn l-unità parteċipanti ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex taġixxi, iżda jibqa’ suspett raġonevoli li l-bastiment ikun qed iġorr persuni bil-ħsieb li jilħqu l-fruntiera ta’ Stat Membru u li jevadu l-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri, dak il-bastiment għandu jkompli jiġi ssorveljat. Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jikkomunika l-informazzjoni dwar dak il-bastiment liċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tal-Istati Membri li jkun dirett lejhom.

    Artikolu 8

    Interċettazzjoni fiż-żona kontigwa

    1.   Fiż-żona kontigwa tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru parteċipanti ġar, il-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6 għandhom jittieħdu f’konformità ma’ dawk il-paragrafi u mal-paragrafi 3 u 4. Kwalunkwe awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tista’ tingħata biss għal miżuri li jkunu meħtieġa biex jiġi evitat il-ksur tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti fit-territorju jew fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru.

    2.   Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 6(1) u (2) ma għandhomx jittieħdu fiż-żona kontigwa ta’ Stat Membru li ma jkunx parteċipanti fl-operazzjoni fuq il-baħar mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe komunikazzjoni ma’ dak l-Istat Membru u bl-azzjoni sussegwenti awtorizzata minn dak l-Istat Membru. Jekk dak l-Istat Membru ma jagħtix awtorizzazzjoni u fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li l-bastiment ikun qed iġorr persuni bil-ħsieb li jilħqu l-fruntiera ta’ Stat Membru, għandu japplika l-Artikolu 7(14).

    3.   Fejn bastiment apolidi jgħaddi miż-żona kontigwa, għandu japplika l-Artikolu 7(11).

    Artikolu 9

    Sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ

    1.   L-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligu tagħhom li jagħtu l-assistenza lil kwalunkwe bastiment jew persuna li tinsab f’diffikultà u matul operazzjoni fuq il-baħar, huma għandhom jiżguraw li l-unitajiet parteċipanti tagħhom ikunu konformi ma’ dak l-obbligu, f’konformità mal-liġi internazzjonali u fir- rispett tad-drittijiet fundamentali. Huma għandhom jagħmlu dan tkun xi tkun in-nazzjonalità jew l-istatus ta’ tali persuna jew taċ-ċirkustanzi li tinstab fihom.

    2.   Għall-fini li jiġu ttrattati sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ matul operazzjoni fuq il-baħar, il-pjan operazzjonali għandu jkun fih, f’konformità mal-liġi internazzjonali rilevanti inkluż dik dwar it-tfittxija u s-salvataġġ, tal-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Meta, waqt l-operazzjoni fuq il-baħar, l-unitajiet parteċipanti jkollhom raġuni għaliex jaħsbu li qed jiffaċċaw fażi ta’ inċertezza, twissija jew diffikultà fir-rigward ta’ bastiment jew kwalunkwe persuna abbord, huma għandhom immedjatament jibagħtu l-informazzjoni kollha disponibbli liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli għar-reġjun tat-tfittxija u s-salvataġġ li fih tinqala’ s-sitwazzjoni u huma għandhom ikunu disponibbli għal dak iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ.

    (b)

    L-unitajiet parteċipanti għandhom jinfurmaw liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni mill-aktar fis possibbli bi kwalunkwe kuntatt maċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ u bl-azzjoni li tittieħed minnhom.

    (c)

    Bastiment jew il-persuni abbord għandhom jitqiesu li huma f’fażi ta’ inċertezza b’mod partikolari:

    (i)

    meta persuna tkun ġiet irrapportata nieqsa jew bastiment suppost ikun ilu li wasal; jew

    (ii)

    meta persuna jew bastiment ikun naqas milli jagħmel pożizzjoni mistennija jew rapport dwar is-sigurtà.

    (d)

    Bastiment jew il-persuni abbord għandhom jitqiesu li huma f’fażi ta’ twissija b’mod partikolari:

    (i)

    meta, wara fażi ta’ inċertezza, jipprovaw jistabbilixxu kuntatt ma’ persuna jew bastiment u ma jirnexxilhomx u l-inkjesti indirizzati lil sorsi adatti oħra ma kinux ta’ suċċess; jew

    (ii)

    meta tasal informazzjoni li tindika li l-effiċjenza operazzjonali ta’ bastiment tkun iddgħajfet iżda mhux b’tali mod li tkun probabbli sitwazzjoni ta’ diffikultà.

    (e)

    Bastiment jew il-persuni abbord għandhom jitqiesu li huma f’fażi ta’ diffikultà b’mod partikolari:

    (i)

    meta tasal informazzjoni pożittiva li persuna jew bastiment huwa fil-periklu u għandu bżonn assistenza immedjata;

    (ii)

    meta, wara fażi ta’ twissija, tentattivi ulterjuri mingħajr suċċess biex jiġi stabbilit kuntatt ma’ persuna jew bastiment u aktar inkjesti mifruxa mingħajr suċċess jimmiraw lejn il-probabbiltà li teżisti sitwazzjoni ta’ diffikultà; jew

    (iii)

    meta tasal informazzjoni li tindika li l-effiċjenza operazzjonali ta’ bastiment tkun iddgħajfet b’tali mod li tkun probabbli sitwazzjoni ta’ diffikultà.

    (f)

    L-unitajiet parteċipanti għandhom, għall-iskop li jikkunsidraw jekk il-bastiment huwiex f’fażi ta’ inċertezza, twissija jew diffikultà, jikkunsidraw u jibagħtu l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet rilevanti kollha liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli inklużi dawk dwar:

    (i)

    l-eżistenza ta’ talba għall-assistenza, minkejja li tali talba ma tkunx l-unika fattur biex tiġi determinata sitwazzjoni ta’ diffikultà;

    (ii)

    kemm il-bastiment ikun tajjeb għall-baħar u jekk hux probabbli li l-bastiment ma jasalx fid-destinazzjoni aħħarija tiegħu;

    (iii)

    in-numru ta’ persuni abbord meta mqabbel mat-tip u l-kundizzjoni tal-bastiment;

    (iv)

    id-disponibbiltà tal-provvisti meħtieġa, bħall-karburant, l-ilma u l-ikel biex jasal sax-xatt;

    (v)

    il-preżenza ta’ ekwipaġġ u kmand ikkwalifikat tal-bastiment;

    (vi)

    id-disponibbiltà u l-abbiltà ta’ tagħmir ta’ sikurezza, navigazzjoni u komunikazzjoni;

    (vii)

    il-preżenza ta’ persuni abbord li jeħtieġu assistenza medika b’mod urġenti;

    (viii)

    il-preżenza ta’ persuni abbord mejtin;

    (ix)

    il-preżenza ta’ nisa tqal jew ta’ tfal abbord;

    (x)

    il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-baħar, inkluż tbassir tat-temp u tal-baħar.

    (g)

    Filwaqt li jistennew struzzjonijiet miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ, l-unitajiet parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri kollha adatti biex jiżguraw is-sikurezza tal-persuni kkonċernati.

    (h)

    Fejn bastiment jiġi kkunsidrat li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, twissija jew diffikultà iżda l-persuni abbord jirrifjutaw li jaċċettaw l-assistenza, l-unità parteċipanti għandha tinforma liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli u ssegwi l-istruzzjonijiet tiegħu. L-unità parteċipanti għandha tkompli tissodisfa d-dover ta’ kura billi tissorvelja l-bastiment u billi tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa fir-rigward tas-sikurezza tal-persuni kkonċernati, filwaqt li tevita li tieħu azzjoni li tista’ taggrava s-sitwazzjoni jew iżżid iċ-ċansijiet li xi ħadd iweġġa’ jew jitlef ħajtu.

    (i)

    Fejn iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ pajjiż terz responsabbli mir-reġjun tat-tfittxija u s-salvataġġ ma jweġibx għall-informazzjoni mibgħuta mill-unità parteċipanti, din tal-aħħar għandha tikkuntattja liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ tal-Istat Membru ospitanti sakemm dik l-unità parteċipanti ma tqisx li Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ieħorrikonoxxut internazzjonalment ikun f’pożizzjoni aħjar li jieħu f’idejh il-koordinazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ.

    Il-pjan operazzjonali jista’ jinkludi dettalji adattati għaċ-ċirkostanzi tal-operazzjoni fuq il-baħar ikkonċernata.

    3.   Fejn is-sitwazzjoni tat-tfittxija u s-salvataġġ tkun ġiet konkluża, l-unità parteċipanti għandha, b’konsultazzjoni maċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni, tissokta bl-operazzjoni fuq il-baħar.

    Artikolu 10

    Żbark

    1.   F’konformità mal-liġi internazzjonali u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-pjan operazzjonali għandu jkun fih, tal-inqas il-modalitajiet li ġejjin biex isir l-iżbark tal-persuni interċettati jew salvati fl-operazzjoni fuq il-baħar:

    (a)

    fil-każ ta’ interċettazzjoni fl-ibħra territorjali jew iż-żona kontigwa kif stabbilit fl-Artikolu 6(1), (2) jew (6) jew fl-Artikolu 8(1) jew (2), l-iżbark għandu jsir fl-Istat Membru kostali, mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 6(2);

    (b)

    fil-każ ta’ interċettazzjoni fl-ibħra internazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 7, jista’ jseħħ żbark fil-pajjiż terz minn fejn ikun ġie assunt li telaq il-bastiment. Jekk dan ma jkunx possibbli, l-iżbark għandu jseħħ fl-Istat Membru ospitanti;

    (c)

    fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ kif stabbilit fl-Artikolu 9 u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ l-Istat Membru ospitanti u l-Istati Membri parteċipanti għandhom jikkooperaw maċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli biex jidentifikaw post ta’ sikurezza u, meta ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ responsabbli jagħżel tali post, huma għandhom jiżguraw li l-iżbark tal-persuni salvati jsir b’mod rapidu u effettiv.

    Jekk ma jkunx possibbli li l-unità parteċipanti tinħeles mill-obbligu tagħha, imsemmi fl-Artikolu 9(1), malajr kemm jista’ jkun raġonevolment prattiku, filwaqt li jittieħed kont tas-sikurezza tal-persuni salvati u dik tal-unità parteċipanti nnifisha, hija għandha tkun awtorizzata tiżbarka l-persuni salvati fl-Istat Membru ospitanti.

    Dawk il-modalitajiet għall-iżbark ma għandhomx ikollhom l-effett li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri li ma jkunux parteċipanti fl-operazzjoni fuq il-baħar sakemm huma ma jipprovdux espressament l-awtorizzazzjoni biex jittieħdu miżuri fl-ibħra territorjali tagħhom jew fiż-żona kontigwa tagħhom f’konformità mal-Artikolu 6(6) jew l-Artikolu 8(2).

    Il-pjan operazzjonali jista’ jkun fih dettalji adattati skont iċ-ċirkostanzi tal-operazzjoni fuq il-baħar ikkonċernata.

    2.   L-unitajiet parteċipanti għandhom jinfurmaw liċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni bil-preżenza ta’ kwalunkwe persuna fis-sens tal-Artikolu 4, u ċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jibgħat dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-pajjiż fejn isir l-iżbark.

    Il-pjan operazzjonali għandu jkun fih id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li għandhom jieħdu miżuri adatti ta’ segwitu.

    Artikolu 11

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004

    Fl-Artikoli 3a(1) u 8e(1) tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, fl-aħħar tal-punt (j) rispettivament, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “F’dak ir-rigward il-pjan operazzjonali għandu jiġi stabbilit f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

    Artikolu 12

    Mekkaniżmi ta’ solidarjetà

    1.   Stat Membru li jkun qed jiffaċċa sitwazzjoni ta’ pressjoni urġenti u eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tiegħu għandu jkun jista’ jitlob:

    (a)

    l-iskjerament tat-Timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntieri f’konformità mal-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 biex tingħata assistenza operazzjonali rapida lil dak l-Istat Membru;

    (b)

    l-assistenza teknika u operazzjonali lill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004 biex jikseb assistenza fil-qasam ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u/jew l-iskjerament ta’ esperti biex jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

    (c)

    assistenza ta’ emerġenza skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u speċifiċi f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza.

    2.   Stat Membru soġġett għal pressjoni migratorja qawwija li tikkawża talbiet urġenti fuq il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u fuq is-sistemi tal-asil tiegħu jista’ jitlob:

    (a)

    lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil għall-iskjerament ta’ tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-asil f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) sabiex jipprovdi għarfien espert, bħal fil-qasam ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni, mal-informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini u għarfien dwar it-trattament u l-ġestjoni tal-fajls tal-asil;

    (b)

    assistenza ta’ emerġenza f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u speċifiċi f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza;

    Artikolu 13

    Rapport

    1.   L-Aġenzija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament sat-18 ta' Lulju 2015 u kull sena wara dan.

    2.   Ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni tal-proċeduri implimentati mill-Aġenzija biex tapplika dan ir-Regolament matul operazzjonijiet fuq il-baħar u informazzjoni dwar l-applikazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dettaljata dwar il-konformità mad-drittijiet fundamentali u l-impatt ta’ dawk id-drittijiet, u kwalunkwe inċident li seta’ seħħ.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 14

    Effetti tad-Deċiżjoni 2010/252/UE

    Id-Deċiżjoni 2010/252/UE għandha tieqaf milli jkollha effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2014.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE tas-26 ta’ April 2010 li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 111, 4.5.2010, p. 20).

    (5)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

    (6)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

    (7)  Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

    (8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

    (14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (16)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (17)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

    (18)  Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall- fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

    (19)  Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

    (20)  Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).


    Top