Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0625

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 625/2014 tat- 13 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, mutwanti oriġinali u oriġinaturi marbuta ma' skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 174, 13.6.2014, p. 16–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/11/2023; Imħassar b' 32023R2175

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/625/oj

    13.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 174/16


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 625/2014

    tat-13 ta' Marzu 2014

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tal-istituzzjonijiet investituri, sponsors, mutwanti oriġinali u oriġinaturi marbuta ma' skoperturi għar-riskju tal-kreditu trasferit

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 410(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku għandha l-għan li tallinja interessi bejn il-partijiet billi rispettivament tittrasferixxi u tassumi r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati. Meta entità tittitolizza l-obbligazzjonijiet tagħha stess, l-allinjament tal-interessi huwa stabbilit awtomatikament, irrispettivament minn jekk id-debitur finali jikkollateralizzax id-dejn tiegħu. Meta jkun ċar li r-riskju ta' kreditu jibqa' mal-oriġinatur, ir-ritenzjoni tal-interess mill-oriġinatur mhijiex neċessarja u ma ttejjibx il-pożizzjoni pre-eżistenti.

    (2)

    Huwa xieraq li jiġi ċċarat meta l-iskopertura għal riskju ta' kreditu trasferit titqies li sseħħ f'relazzjoni ma' ċerti każijiet speċifiċi fejn l-istituzzjonijiet, għajr meta jaġixxu bħala oriġinaturi, sponsors jew mutwanti oriġinali, jistgħu jsiru esposti għar-risku tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni, inkluż meta jaġixxu bħala kontraparti għal strument derivattiv bit-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, bħala kontroparti ta' ħeġġ mat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, bħala fornitur ta' faċilità ta' likwidità għat-tranżazzjoni u fejn l-istituzzjonijiet ikollhom pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozju fil-kuntest ta' attivitajiet tal-ġenerazzjoni tas-suq.

    (3)

    Fi tranżazzjonijiet ta' rititolizzazzjoni, it-trasferiment ta' riskju tal-kreditu jseħħ fil-livell tal-ewwel titolizzazzjoni tal-assi u fit-tieni livell “ripakkeġġat” tat-tranżazzjoni. Iż-żewġ livelli tat-tranżazzjoni, u ż-żewġ każijiet ta' trasferiment korrispondenti tar-riskju tal-kreditu, huma indipendenti fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament. Ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku nett u d-diliġenza dovuta għandhom ikunu żgurati f'kull livell tat-tranżazzjoni mill-istituzzjonijiet li jsiru esposti għal riskju ta' kreditu trasferit f'dak il-livell partikolari. Għalhekk jekk istituzzjoni tiġi esposta biss għat-tieni livell ripakkeġġat tat-tranżazzjoni, ir-rekwiżiti marbuta mar-ritenzjoni ta' interess ekonomiku nett u d-diliġenza dovuta japplikaw biss għal dik l-istituzzjoni fir-rigward tat-tieni livell tat-tranżazzjoni. Fl-istess tranżazzjoni ta' rititolizzazzjoni, dawk l-istituzzjonijiet li saru esposti għall-ewwel livell ta' titolizzazzjoni tal-assi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-ritenzjoni u tad-diliġenza xierqa fir-rigward tal-ewwel livell ta' titolizzazzjoni fit-tranżazzjoni.

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi speċifikata f'aktar dettall l-applikazzjoni tal-impenn tar-ritenzjoni inkluża l-konformità meta jkun hemm oriġinaturi multipli, sponsors jew mutwanti oriġinali, dettalji dwar opzjonijiet differenti tar-ritenzjoni, dwar kif għandu jitkejjel ir-rekwiżit tar-ritenzjoni fl-oriġinazzjoni u fuq bażi kontinwa, u kif jiġu applikati l-eżenzjonijiet.

    (5)

    Il-Punti (a) sa (e) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxu diversi opzjonijiet skont liema r-ritenzjoni rekwiżita tal-interess tista' tiġi ssodisfata. Dan ir-Regolament, jiċċara fid-dettall il-modi biex jiġi rrispettat kull wieħed minn dawk l-opzjonijiet.

    (6)

    Ir-ritenzjoni ta' interess tista' tinkiseb permezz ta' forma ta' ritenzjoni sintetika jew kontinġenti, sakemm dawn il-metodi jkunu konformi bis-sħiħ ma' waħda mill-opzjonijiet stipulati fi-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li għalihom il-forma sintetika jew kontinġenti ta' ritenzjoni tista' tiġi egwaljata, u bil-kundizzjoni li l-konformità mar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni tkun żgurata.

    (7)

    L-iħħeġġjar jew il-bejgħ tal-interess ritenut huma pprojbiti fejn dawn it-tekniki jimminaw l-għan tar-rekwiżit tar-ritenzjoni, bl-implikazzjoni li dawn jistgħu jkunu permessi fejn ma jiħħeġġjawx ir-ritenitur kontra r-riskju tal-kreditu jew tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ritenuti jew tal-iskoperturi ritenuti.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata ż-żamma kontinwa tal-interess ekonomiku nett, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm xi mekkaniżmu inkorporat fl-istruttura ta' titolizzazzjoni li bih ir-rekwiżit ta' ritenzjoni minima fl-oriġini neċessarjament jonqos aktar malajr milli l-interess trasferit. Bl-istess mod, l-interess ritenut ma għandux jingħata prijorità f'termini ta' flussi ta' flus biex preferenzjalment jibbenefika minn ħlas lura jew amortizzament b'tali mod li jaqa' taħt il-5 % tal-valur nominali tas-segmenti mibjugħa jew tal-iskoperturi titolizzati. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-kreditu pprovdut lill-istituzzjoni jekk wieħed jassumi li dan ikun ġie espost għal xi pożizzjoni ta' titolizzazzjoni ma għandux jonqos b'mod sproporzjonat meta mqabbel mar-rata ta' ħlas lura fuq l-iskoperturi sottostanti.

    (9)

    L-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu minn mudelli finanzjarji żviluppati minn partijiet terzi, barra mill-ECAIs, sabiex jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta. L-istituzzjonijiet għandhom jużaw biss mudelli finanzjarji ta' parti terza ladarba jkunu ħadu ħsieb qabel ma jkunu investew, li jivvalidaw is-suppożizzjonijiet rilevanti, jagħtu struttura lill-mudelli u li jifhmu l-metodoloġija, is-suppożizzjonijiet u r-riżultati ta' dawn it-tip ta' mudelli.

    (10)

    Huwa essenzjali li jiġi speċifikat aktar kemm spiss l-istituzzjonijiet għandhom jirrieżaminaw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta, kif wieħed jivvaluta jekk huwiex xieraq jew le l-użu ta' politiki u proċeduri differenti għall-portafoll tan-negozjar u għall-portafoll mhux tan-negozjar, sabiex tiġi valutata l-konformità meta l-pożizzjonijiet jirrigwardaw il-korrelazzjoni tal-portafoll tan-negozju u jiġu ċċarati ċerti termini skont l-Artikolu 406, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, bħall-“karatteristiċi ta' riskju” u l-“karatteristiċi strutturali”.

    (11)

    Skont l-Artikolu 14(2)tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, entitajiet stabbiliti f'pajjiżi terzi li huma inklużi fil-konsolidazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, iżda li ma jaqgħux direttament fl-ambitu ta' applikazzjoni tal-ponderazzjonijiet ta' riskju addizzjonali, għandhom, f'ċirkostanzi limitati, bħal għal skoperturi miżmuma fil-portafoll tan-negozjar għall-finijiet ta' attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-swieq, ma jitqisux li jkunu qed jiksru l-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-istituzzjonijiet ma għandhomx jitqiesu li huma fi ksur ta' dak l-Artikolu fejn tali skoperturi jew pożizzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar ma jkunux materjali u ma jiffurmawx sehem sproporzjonat tal-attivitajiet tan-negozju, sakemm ikun hemm fehim sħiħ tal-iskoperturi jew pożizzjonijiet, u li jkunu ġew implimentati l-politiki u l-proċeduri formali li jkunu xierqa u proporzjonati ma' dik l-entità u għall-profil ġenerali tar-riskju tal-grupp.

    (12)

    Id-divulgazzjoni inizjali u kontinwa lill-investituri fil-livell tal-impenn tar-ritenzjoni u tad-dejta materjalment rilevanti kollha, inkluż dwar il-kwalità kreditizja u l-prestazzjoni tal-iskopertura sottostanti, hi neċessarja biex tiggarantixxi d-diliġenza dovuta fuq il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni. Id-dejta żvelata għandha tinkludi d-dettalji tal-identità tar-ritenitur, l-opzjoni tar-ritenzjoni magħżula u l-impenn oriġinali u kontinwu biex jiġi ritenut interess ekonomiku. Fejn eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 405(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huma applikabbli, għandu jkun hemm divulgazzjoni espliċita ta' skoperturi titolizzati fejn ir-rekwiżit ta' ritenzjoni ma japplikax u r-raġuni għan-nuqqas ta' applikazzjoni.

    (13)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati sottomessi mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) lill-Kummissjoni.

    (14)

    L-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DEFINIZZJONIJIET U SKOPERTURA GĦAR-RISKJU TA' TITOLIZZAZZJONI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “ritenitur” tfisser entità li taġixxi bħala oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali li żżomm interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni skont l-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    (b)

    “Forma sintetika ta' ritenzjoni” tfisser ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku permezz tal-użu ta' strumenti derivattivi.

    (c)

    “Forma kontinġenti ta' ritenzjoni” tfisser ir-ritenzjoni ta' interess ekonomiku permezz tal-użu tal-garanziji, ittra ta' krediti u forom simili oħra ta' appoġġ ta' kreditu li jiżguraw l-infurzar immedjat tar-ritenzjoni.

    (d)

    “Porzjon vertikali” tfisser porzjon li jesponi lid-detentur tiegħu għar-riskju tal-kreditu ta' kull porzjon maħruġ tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni fuq bażi prorata.

    KAPITOLU II

    SKOPERTURA GĦAR-RISKJU TAL-KREDITU TA' POŻIZZJONI TAT-TITOLIZZAZZJONI

    Artikolu 2

    Każijiet partikolari ta' skopertura għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni

    1.   Fejn istituzzjoni taġixxi bħala kontroparti tad-derivattivi tal-kreditu jew kontroparti li tipprovdi l-ħeġġ jew bħala fornitur ta' faċilità ta' likwidità għal tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, hija għandha titqies li tkun esposta għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni meta d-derivattiva, il-ħeġġ jew il-faċilità ta' likwidità tassumi r-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati jew il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni.

    2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 405 u 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fejn faċilità ta' likwidità tikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 255 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fornitur ta' likwidità ma għandux jitqies li jkun espost għar-riskju tal-kreditu ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni.

    3.   Fil-kuntest ta' rititolizzazzjoni b'aktar minn livell wieħed jew titolizzazzjoni b'diversi tranżazzjonijiet diskreti sottostanti, istituzzjoni titqies li tkun esposta għar-riskju tal-kreditu biss tal-pożizzjoni jew tranżazzjoni individwali ta' titolizzazzjoni li tkun qed tassumi skopertura għaliha.

    4.   L-istituzzjonijiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati li jkunu qed jiksru l-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-entità li żżomm pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni tkun stabbilita f'pajjiż terz u tkun inkluża fil-grupp konsolidat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (b)

    il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni jkunu ritenuti fil-portafoll tan-negozjar tal-entità msemmija fil-punt a) għall-finijiet ta' attivitajiet ta' ġenerazzjoni tas-suq;

    (c)

    il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ma jkunux materjali rigward il-profil tar-riskju globali tal-portafoll tan-negozjar tal-grupp imsemmi fil-punt a) u ma jiffurmawx sehem sproporzjonat tal-attivitajiet tan-negozju tal-grupp.

    KAPITOLU III

    RITENZJONI TA' INTERESS EKONOMIKU NETT

    Artikolu 3

    Ritenituri ta' interess ekonomiku materjali nett

    1.   L-interess materjali ekonomiku nett ritenut ma jinqasamx bejn tipi differenti ta' ritenitur. Ir-rekwiżit li jinżamm interess materjali ekonomiku nett għandu jiġi ssodisfat b'mod sħiħ minn xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-oriġinatur jew oriġinaturi multipli;

    (b)

    l-isponsor jew sponsors multipli;

    (c)

    il-mutwanti oriġinali jew il-mutwanti oriġinali multipli.

    2.   Fejn l-iskoperturi titolizzati jkunu maħluqa minn oriġinaturi multipli, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jiġi ssodisfat minn kull oriġinatur, fir-rigward tal-proporzjon tat-total tal-iskoperturi titolizzati li tagħhom ikun l-oriġinatur.

    3.   Meta l-iskoperturi titolizzati jinħolqu minn diversi mutwanti oriġinali, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jitwettaq minn kull mutwant oriġinali, fir-rigward tal-proporzjon tat-total tal-iskoperturi titolizzati kollha li tagħhom huwa l-mutwant oriġinali.

    4.   B'deroga mill-paragrafi 2 u 3, fejn l-iskoperturi titolizzati jinħolqu minn oriġinaturi multipli jew minn mutwanti oriġinali multipli, ir-rekwiżit ta' ritenzjoni jista' jiġi ssodisfat b'mod sħiħ minn oriġinatur wieħed jew mill-oriġinatur oriġinali sakemm tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-oriġinatur jew il-mutwant oriġinali jkun stabbilixxa u qed imexxi l-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni;

    (b)

    l-oriġinatur jew il-mutwanti oriġinali jkunu stabbilixxew il-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni u jkunu kkontribwixxew iktar minn 50 % tat-total tal-iskoperturi titolizzati.

    5.   Fejn l-iskoperturi titolizzati kienu sponsorjati minn diversi sponsors, ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jiġi ssodisfat minn jew:

    (a)

    l-isponsor li l-interess ekonomiku tiegħu huwa allinjat bl-aktar mod xieraq mal-investituri kif maqbul mill-isponsors multipli fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi inklużi l-istrutturi tal-miżati, l-involviment fl-istabbiliment u l-immaniġġar tal-programm jew l-iskema tat-titolizzazzjoni u l-iskopertura għar-riskju tal-kreditu tat-titolizzazzjonijiet;

    (b)

    minn kull wieħed mill-isponsors b'mod proporzjonali f'relazzjoni mal-għadd ta' sponsors.

    Artikolu 4

    L-issodisfar tar-rekwiżit tar-ritenzjoni permezz ta' forma sintetika jew kontinġenti ta' ritenzjoni

    1.   Ir-rekwiżit tar-ritenzjoni jista' jiġi ssodisfat b'mod ekwivalenti għal waħda mill-opzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 permezz ta' forma sintetika jew kontinġenti ta' ritenzjoni, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-ammont ritenut huwa mill-inqas ugwali għar-rekwiżit taħt l-opzjoni li għalih il-forma sintetika jew kontinġenti tar-ritenzjoni tista' tkun ekwata;

    (b)

    ir-ritenitur iddivulga espliċitament li se jżomm, fuq bażi kontinwa, interess materjali ekonomiku nett b'dak il-mod, inklużi d-dettalji tal-formola ta' ritenzjoni, il-metodoloġija użata fid-determinazzjoni tagħha u l-ekwivalenza ma' waħda minn dawk l-opzjonijiet.

    2.   Fejn entità oħra għajr istituzzjoni ta' kreditu kif definit fl-Artikolu 4(1) (1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 taġixxi bħala ritenitur permezz ta' forma ta' ritenzjoni sintetika jew kontinġenti, l-interess ritenut fuq bażi sintetika jew kontinġenti jkun kollateralizzat kompletament fi flus likwidi u jinżamm fuq bażi segregata bħala fondi tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 13(8) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    Artikolu 5

    L-opzjoni ta' ritenzjoni (a) ritenzjoni prorata f'kull wieħed mill-porzjonijiet mibjugħa jew trasferiti lill-investituri

    1.   Ritenzjoni ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta' kull segment mibjugħ jew trasferit kif imsemmi f'punt (a) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jista' wkoll jinkiseb permezz ta' dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-ritenzjoni ta' mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, sakemm ir-riskju tal-kreditu ta' tali skoperturi jkun kklassifikat pari passu jew ikun subordinat għal riskju tal-kreditu għall-istess skoperturi titolizzati. Fil-każ ta' titolizzazzjoni ċirkulanti, kif definita fl-Artikolu 242(13) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dan jista' jseħħ permezz ta' ritenzjoni tal-interess tal-oriġinatur jekk wieħed jassumi li l-interess tal-oriġinatur kien ta' mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati u kien ikklassifikat pari passu jew subordinat għar-riskju ta' kreditu li ġie titolizzat fir-rigward ta' dawk l-istess skoperturi;

    (b)

    il-provvediment, fil-kuntest ta' programm ABCP, ta' faċilità ta' likwidità li tista' tkun superjuri fil-waterfall kuntrattwali, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    il-faċilità tal-likwidità tkopri 100 % tar-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati;

    (ii)

    il-faċilità ta' likwidità tkopri r-riskju tal-kreditu sakemm ir-ritenitur jista' jżomm l-interess ekonomiku permezz ta' faċilità ta' likwidità għall-pożizzjoni rilevanti ta' titolizzazzjoni;

    (iii)

    il-faċilità ta' likwidità hija provvduta mill-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali fit-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni;

    (iv)

    l-istituzzjoni li ssir esposta għal titolizzazzjoni bħal din tkun ingħatat aċċess għal informazzjoni xierqa biex tkun tista' tivverifika li l-punti (i), (ii) u (iii) jkunu mħarsa.

    (c)

    Ritenzjoni ta' segment vertikali li għandu valur nominali ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali totali tal-porzjonijiet kollha maħruġa tan-noti.

    Artikolu 6

    L-opzjoni tar-ritenzjoni (b): ritenzjoni tal-interess tal-orġinatur għal skoperturi ċirkulanti

    Ritenzjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tista' tinkiseb billi jinżamm mill-inqas 5 % tal-valur nominali ta' kull waħda mill-iskoperturi titolizzati, sakemm ir-riskju tal-kreditu ritenut ta' tali skoperturi jkun ikkategorizzat pari passu jew subordinat għar-riskju tal-kreditu titolizzat għall-istess skoperturi.

    Artikolu 7

    Opzjoni ta' ritenzjoni (c): ritenzjoni ta' skoperturi magħżula b'mod aleatorju

    1.   Il-ġabra ta' mill-inqas 100 skopertura potenzjalment titolizzati li minnhom l-iskoperturi miżmuma u titolizzati għandhom ikunu magħżula b'mod aleatorju, imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikunu differenti biżżejjed biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-interess ritenut. Meta jkun qed iħejji l-proċess tal-għażla, ir-ritenitur jieħu kont tal-fatturi kwantitattivi u kwalitattivi sabiex jiżgura li d-distinzjoni bejn skoperturi ritenuti u titolizzati tkun ġenwinament aleatorja. Ir-ritenitur ta' skoperturi magħżula b'mod aleatorju jikkunsidra, fejn xieraq, fatturi bħall-epoka, il-prodott, il-ġeografija, id-data tal-oriġini, id-data tal-maturità, il-proporzjon tas-self mal-valur, it-tip ta' proprjetà, is-settur tal-industrija, u self pendenti tal-bilanċ meta jagħżel l-iskoperturi.

    2.   Ir-ritenitur ma jikklassifikax skoperturi individwali differenti bħala skoperturi ritenuti f'punti differenti fiż-żmien, sakemm dan mhuwiex meħtieġ biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tar-ritenzjoni fir-rigward ta' titolizzazzjoni fejn l-iskoperturi titolizzati jvarjaw matul iż-żmien, jew minħabba skoperturi ġodda miżjuda mat-titolizzazzjoni jew minħabba tibdil fil-livell ta' skoperturi titolizzati individwali.

    Artikolu 8

    Opzjoni ta' ritenzjoni (d): ritenzjoni tas-segment tal-ewwel telf

    1.   Ir-ritenzjoni tas-segment tal-ewwel telf skont il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tiġi ssodisfata jew minn pożizzjonijiet fil-karta bilanċjali jew minn pożizzjonijiet mhux fil-karta bilanċjali u tista' tiġi ssodisfata wkoll minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-forniment ta' forma kontinġenti ta' ritenzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c), jew ta' faċilità ta' likwidità fil-kuntest ta' programm ABCP, li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (i)

    tkopri mill-inqas 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati;

    (ii)

    tikkostitwixxi pożizzjoni tal-ewwel telf fir-rigward tat-titolizzazzjoni;

    (iii)

    tkopri r-riskju tal-kreditu għat-tul kollu tal-impenn ta' ritenzjoni;

    (iv)

    hija pprovduta mill-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali fit-titolizzazzjoni;

    (v)

    l-istituzzjoni li ssir esposta għal titolizzazzjoni bħal din tkun ingħatat aċċess għal informazzjoni xierqa biex tkun tista' tivverifika li l-punti (i), (ii), (iii) u (iv) jkunu mħarsa.

    (b)

    il-kollateralizzazzjoni żejda, bħala forma ta' tisħiħ tal-kreditu, jekk dik il-kollateralizzazzjoni żejda taġixxi bħala ritenzjoni tal-“ewwel telf” ta' mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali tas-segmenti maħruġa mit-titolizzazzjoni.

    2.   Fejn is-segment tal-ewwel telf jaqbeż il-5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati, ikun possibbli li r-ritenitur iżomm biss parti mit-tali porzjon tal-ewwel telf, fejn dan il-porzjoni huwa ekwivalenti għal mill-inqas 5 % tal-valur nominali tal-iskoperturi titolizzati.

    3.   Għat-twettiq tar-rekwiżit tar-retenzjoni tar-riskju fil-livell tal-iskema tat-titolizzazzjoni, l-istituzzjonijiet iqisu l-eżistenza ta' tranżazzjonijiet sottostanti li fihom l-oriġinaturi jew il-mutwanti oriġinali jirritjenu skopertura tal-ewwel telf fil-livell speċifiku għat-tranżazzjonijiet.

    Artikolu 9

    Opzjoni ta' ritenzjoni (e): ritenzjoni tal-ewwel telf f'kull skopertura titolizzata

    1.   Ir-ritenzjoni tal-iskopertura tal-ewwel telf fil-livell ta' kull skopertura titolizzata skont il-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tiġi applikata sabiex ir-riskju ta' kreditu ritenut ikun dejjem subordinat għar-riskju ta' kreditu li jkun ġie titolizzat fir-rigward ta' dawk l-istess skoperturi.

    2.   Ir-ritenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista' titwettaq permezz tal-bejgħ b'valur skontat tal-iskoperturi sottostanti mill-oriġinatur jew mil-mutwant oriġinali, fejn l-ammont tal-iskont ikun mhux inqas minn 5 % tal-valur nominali ta' kull skopertura fejn l-ammont tal-bejgħ bi skont ikun ripagabbli biss lill-oriġinatur jew lill-mutwant oriġinali, fejn mhux assorbit minn telf relatat mar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-iskoperturi titolizzati.

    Artikolu 10

    Il-kejl tal-livell ta' ritenzjoni

    1.   Fejn ikun qed jitkejjel il-livell ta' ritenzjoni ta' interess ekonomiku nett, ikunu applikabbli l-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-oriġinazzjoni titqies bħala l-mument li fih kienu titolizzati l-ewwel skoperturi;

    (b)

    il-kalkolu tal-livell ta' ritenzjoni jkun ibbażat fuq il-valuri nominali u l-prezz tal-akkwist ta' assi ma jitqiesx;

    (c)

    “marġni pożittiv” kif definit fl-Artikolu 242(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jitqiesx meta jiġi kkalkulat l-interess ekonomiku nett tar-ritenitur;

    (d)

    L-istess opzjoni u metodoloġija tar-ritenzjoni tintuża sabiex jiġi kkalkulat l-interess ekonomiku nett matul il-ħajja tat-tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jitolbux bidla u l-bidla ma tintużax bħala mezz sabiex jitnaqqas l-ammont tal-interess ritenut;

    2.   Flimkien mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx hemm mekkaniżmu inkorporat li bih l-interess ritenut fl-oriġinazzjoni jonqos aktar malajr mill-interess trasferit, l-issodisfar tar-rekwiżit ta' ritenzjoni ma jitqiesx bħala affettwat mill-amortizzament tar-ritenzjoni permezz tal-allokazzjoni ta' fluss ta' flus jew permezz tal-allokazzjoni ta' telf, li, effettivament inaqqas il-livell ta' ritenzjoni matul iż-żmien. Ritenitur ma jintalabx biex kontinwament jerġa' jimla jew jaġġusta mill-ġdid l-interess ritenut tiegħu għal mill-inqas 5 % hekk kif it-telf jiġi realizzat fuq l-iskoperturi jew allokat għall-pożizzjoni ritenuta tiegħu.

    Artikolu 11

    Kejl ta' ritenzjoni għal ammonti mhux użati fi skoperturi fil-forma ta' faċilitajiet ta' kreditu

    Il-kalkolu tal-interess ekonomiku nett li għandu jiġi ritenut għall-faċilitajiet ta' kreditu, inklużi karti ta' kreditu, ikun ibbażat biss fuq l-ammonti li diġà ġew miġbuda, realizzati jew riċevuti u jiġu aġġustati skont it-tibdiliet f'dawk l-ammonti.

    Artikolu 12

    Projbizzjoni tal-iħħeġġjar jew il-bejgħ tal-interess ritenut

    1.   L-obbligu fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li ma jkunx hemm assoġġettar tal-interess ekonomiku nett ritenut għal kwalunkwe mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu, pożizzjonijiet qosra, jew ħeġġ jew bejgħ ieħor, għandha tiġi applikata b'kunsiderazzjoni għall-għan tar-rekwiżit ta' ritenzjoni u bil-kunsiderazzjoni tas-sustanza ekonomika tat-tranżazzjoni. Ħeġġijiet tal-interess ekonomiku nett ma jitqiesux bħala ħeġġ għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jistgħu għaldaqstant ikunu permessi biss fejn dawn ma jiħħeġġjawx ir-ritenitur kontra r-riskju tal-kreditu jew tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ritenuti jew l-iskoperturi ritenuti.

    2.   Ir-ritenitur jista' juża kwalunkwe skopertura jew pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni ritenuti bħala kollateral għal skopijiet ta' finanzjament assigurat, sakemm dan l-użu ma jittrasferixxix ir-riskju ta' kreditu ta' dawn l-skoperturi ritenuti jew pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni lil parti terza.

    Artikolu 13

    Eżenzjonijiet għall-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

    It-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 405(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludu pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni, li huma strumenti ta' referenza li jissodisfaw il-kriterju fl-Artikolu 338(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew huma eliġibbli għall-inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni.

    Artikolu 14

    Ritenzjoni fuq bażi ta' konsolidament

    Istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' ritenzjoni fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-istituzzjoni ta' kreditu prinċipali relatata tal-UE, kumpanija azzjonarja finanzjarja tal-UE, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tal-UE skont l-Artikolu 405(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fil-każ li r-ritenitur ma jkunx għadu inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata, tiżgura li waħda jew aktar mill-entitajiet li jibqgħu li jkunu inklużi fl-ambitu tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata tassumi skopertura għat-titolizzazzjoni sabiex jiġi żgurat it-twettiq kurrenti tar-rekwiżit.

    KAPITOLU IV

    REKWIŻITI TA' DILIĠENZA DOVUTA GĦALL-ISTITUZZJONIJIET LI JSIRU ESPOSTI GĦAL POŻIZZJONI TA' TITOLIZZAZZJONI

    Artikolu 15

    L-esternalizzazzjoni u kunsiderazzjonijiet ġenerali oħrajn

    1.   Fejn ma hemm l-ebda informazzjoni oħra disponibbli dwar l-iskoperturi speċifiċi li jridu jiġu titolizzati, inkluż fejn skoperturi jakkumulaw qabel it-titolizzazzjoni tagħhom jew jekk ikunux jistgħu jiġu sostitwiti f'titolizzazzjoni ċirkolanti eżistenti, istituzzjoni tkun meqjusa li tissodisfa l-obbligi tagħha ta' diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għal kull waħda mill-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-kriterji ta' eliġibbiltà rilevanti għal dawn l-iskoperturi.

    2.   Meta jiġu esternalizzati ċerti kompiti tal-proċess għat-twettiq tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż iż-żamma tar-rekords, l-istituzzjonijiet li jsiru esposti għar-riskji ta' titolizzazzjoni jżommu kontroll sħiħ ta' dak il-proċess.

    Artikolu 16

    L-ispeċifikazzjoni ta' karatteristiki ta' riskju u karatteristiki strutturali

    1.   Il-karatteristiki tar-riskju tal-pożizzjoni individwali ta' titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludu l-karatteristiki l-aktar xierqa u materjali li ġejjin, bħal:

    (a)

    segment tal-livell ta' superjorità;

    (b)

    profil tal-fluss ta' flus;

    (c)

    kwalunkwe klassifikazzjoni eżistenti;

    (d)

    prestazzjoni storika ta' segmenti simili;

    (e)

    obbligazzjonijiet relatati mal-porzjonijiet inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni;

    (f)

    tisħiħ fil-kreditu.

    2.   Il-karatteristiċi tar-riskju tal-iskoperturi sottostanti għall-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jinkludu l-karatteristiċi l-aktar xierqa u materjali, inkluża l-informazzjoni tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 406(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' skoperturi għal ipoteki residenzjali. L-istituzzjonijiet jidentifikaw metriċi xierqa u komparabbli għall-analiżi tal-karatteristiki tar-riskju ta' klassijiet oħra tal-assi.

    3.   Karatteristiki strutturali addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 406(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jinkludu strumenti derivattivi, garanziji, ittra ta' krediti u forom simili oħra ta' appoġġ ta' kreditu.

    Artikolu 17

    Frekwenza tar-rieżami

    L-istituzzjonijiet jirrieżaminaw il-konformità tagħhom mal-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara li jkunu saru esposti għal pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss, hekk kif l-istituzzjonijiet isiru konxji minn ksur tal-obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni dwar it-titolizzazzjoni jew ta' bidla materjali f'xi wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    karatteristiki strutturali li jista' jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni;

    (b)

    il-karatteristiki tar-riskju tal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni u tal-iskoperturi sottostanti.

    Artikolu 18

    Testijiet tal-istress

    1.   It-testijiet tal-istress imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jinkludu l-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni kollha rilevanti u jiġu inkorporati fl-istrateġiji u l-proċessi tal-ittestjar tal-istress li l-istituzzjonijiet iwettqu skont il-proċess ta' valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali interna speċifikat fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    2.   Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-testijiet tal-istress imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw mudelli finanzjarji komparabbli żviluppati minn partijiet terzi, barra minn dawk żviluppati minn ECAIs, sakemm jistgħu juru, meta mitluba, li jkunu taw l-attenzjoni dovuta, qabel ma investew li jivvalidaw is-suppożizzjonijiet rilevanti u l-istrutturar tal-mudelli tagħhom u biex jifhmu l-metodoloġija, is-suppożizzjonijiet u r-riżultati.

    3.   Waqt it-twettiq tat-testijiet tal-istress imsemmija fl-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fi programm ABCP kif imsemmi fl-Artikolu 242(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li huwa appoġġat minn faċilità ta' likwidità li tkopri kompletament ir-riskju tal-kreditu tal-iskoperturi titolizzati, l-istituzzjonijiet jistgħu jwettqu test tal-istress dwar l-affidabbiltà kreditizja tal-fornitur tal-faċilità ta' likwidità aktar milli fuq l-iskoperturi titolizzati.

    Artikolu 19

    Skoperturi fil-portafoll tan-negozjar u l-portafoll mhux tan-negozjar

    1.   Iż-żamma ta' pożizzjoni ta' titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar jew fil-portafoll mhux tan-negozjar rispettivament ma jirrappreżentawx ġustifikazzjoni biżżejjed fiha nnifisha għall-applikazzjoni ta' politiki u proċeduri differenti jew ta' rieżami ta' intensità differenti biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Fid-determinazzjoni ta' jekk politiki u proċeduri differenti jew rieżami ta' intensità differenti għandhomx jiġu applikati, jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' kull wieħed mill-portafolli u tal-pożizzjonijiet rilevanti ta' titolizzazzjoni, inkluż id-daqs tal-pożizzjonijiet, l-impatt fuq il-bażi kapitali istituzzjonali matul perjodu ta' stress, u l-konċentrazzjoni ta' riskju fuq tranżazzjoni, emittent, jew klassi ta' assi waħda specifika.

    2.   L-istituzzjonijiet jiżguraw li kull bidla materjali li żżid il-profil ta' riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni fil-portafoll tan-negozjar u fil-portafoll mhux tan-negozjar tagħhom tkun riflessa b'mod xieraq b'bidla xierqa fil-proċeduri tagħhom ta' diliġenza dovuta fir-rigward ta' dawk il-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni. F'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet jidentifikaw fil-politiki u l-proċeduri formali tagħhom tal-portafoll tan-negozjar u tal-portafoll mhux tan-negozjar, iċ-ċirkostanzi li jiskattaw rieżami tal-obbligi ta' diliġenza dovuta.

    Artikolu 20

    Pożizzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni

    L-Artikolu 406 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitqies li jkun ġie rrispettat meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni jew huma miżmuma fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni, u huma strumenti ta' referenza kif imsemmi fl-Artikolu 338(1)(b) ta' dak ir-Regolament, jew huma eliġibbli għall-inklużjoni fil-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni;

    (b)

    l-istituzzjoni tikkonforma mal-Artikolu 377 ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-ikkalkular tar-rekwiżiti ta' fondi proprji fir-rigward tal-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni;

    (c)

    l-approċċ tal-istituzzjoni għall-kalkolu tal-fondi proprji fir-rigward tal-portafoll tan-negozjar tagħha tirriżulta f'fehim komprensiv u sħiħ tal-profil tar-riskju tal-investiment tagħha fil-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni;

    (d)

    l-istituzzjoni implimentat politiki u proċeduri formali xierqa għall-portafoll tan-negozjar ta' korrelazzjoni tagħha u b'mod proporzjonali mal-profil tar-riskju tal-investimenti tagħha fil-pożizzjonijiet titolizzati korrispondenti, għall-analiżi u r-reġistrazzjoni tal-informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 406(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

    KAPITOLU V

    REKWIŻITI GĦALL-ORIĠINATURI, L-ISPONSORS U L-MUTWANTI ORIĠINALI

    Artikolu 21

    Politiki għall-għoti ta' kreditu

    1.   It-twettiq tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 408 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 mill-istituzzjonijiet oriġinaturi jew sponsors ma jimplikax li t-tipi ta' min jissellef u prodotti ta' self għandhom ikunu l-istess għal skoperturi titolizzati u mhux titolizzati

    2.   Fejn l-istituzzjonijiet sponsor u oriġinatur ma jkunux involuti fl-għoti tal-kreditu oriġinali tal-skoperturi li jkunu se jiġu titolizzati, jew ma jkunux attivi fl-għoti tal-kreditu tat-tipi speċifiċi ta' skoperturi li jkunu se jiġu titolizzati, dawk l-istituzzjonijiet jiżguraw li huma jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivvalutaw jekk il-kriterji applikati fl-għoti ta' kreditu għal dawn l-iskoperturi humiex sodi u definiti sew bl-istess mod bħall-kriterji applikati għal skoperturi mhux titolizzati.

    Artikolu 22

    Divulgazzjoni tal-livell tal-impenn li jinżamm interess ekonomiku nett

    1.   Ir-ritenitur għandu, skont l-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiddivulga lill-investituri tal-anqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-livell tal-impenn tiegħu li jżomm interess ekonomiku nett fit-titolizzazzjoni:

    (a)

    il-konferma tal-identità tar-ritenitur u dwar jekk hux qiegħed jirritjeni bħala oriġinatur, sponsor jew muwanti oriġinali;

    (b)

    jekk il-modalitajiet previsti fil-punti (a), (b), (c), (d) jew (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikunux ġew applikati sabiex jinżamm interess ekonomiku nett;

    (c)

    kull bidla għall-modalità biex jinżamm interess ekonomiku nett kif imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 10(1)(d);

    (d)

    konferma tal-livell tar-ritenzjoni fl-oriġinazzjoni u tal-impenn biex issir ir-ritenzjoni fuq bażi kontinwa, li tirrelata biss mal-kontinwazzjoni tal-issodisfar tal-obbligu oriġinali u ma tirrikjedix dejta fuq il-valur nominali jew tas-suq, jew kwalunkwe indeboliment jew valwazzjoni 'l isfel fuq l-interess ritenut.

    2.   Fejn l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 405 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 japplikaw għal tranżazzjoni ta' titolizzazzjoni, l-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala oriġinatur, sponsor jew mutwant oriġinali jiżvelaw informazzjoni dwar l-eżenzjoni applikabbli għall-investituri.

    3.   Id-divulgazzjoni ddokumentata fil-paragrafi 1 u 2 tkun iddokumentata b'mod xieraq u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ħlief fi tranżazzjonijiet bilaterali jew privati fejn divulgazzjoni privata tkun meqjusa suffiċjenti mill-partijiet. L-inklużjoni ta' dikjarazzjoni dwar l-impenn tar-ritenzjoni fil-prospett għat-titoli maħruġa taħt il-programm ta' titolizzazzjoni titqies bħala mezz xieraq biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit.

    4.   Id-divulgazzjoni tiġi kkonfermata wkoll wara l-oriġinazzjoni bl-istess regolarità bħall-frekwenza tar-rappurtar tat-tranżazzjoni, mill-inqas kull sena u f'kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (a)

    fejn iseħħ ksur tal-impenn tar-ritenzjoni msemmi fl-Artikolu 405(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

    (b)

    fejn il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni jew il-karatteristiki tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti jinbidlu materjalment;

    (c)

    wara ksur ta' obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni;

    Artikolu 23

    Divulgazzjoni ta' dejta materjalment rilevanti

    1.   L-oriġinaturi, l-isponsors u l-mutwanti oriġinali jiżguraw li d-dejta materjalment rilevanti skont l-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tkun faċilment aċċessibbli għall-investituri, mingħajr piż amministrattiv eċċessiv.

    2.   Id-divulgazzjoni xierqa msemmija fl-Artikolu 409 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 issir mill-inqas kull sena u fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    fejn il-prestazzjoni tal-pożizzjoni ta' titolizzazzjoni jew il-karatteristiki tar-riskju tat-titolizzazzjoni jew tal-iskoperturi sottostanti jinbidlu materjalment;

    (b)

    wara ksur ta' obbligi inklużi fid-dokumentazzjoni relatata mat-titolizzazzjoni;

    (c)

    Sabiex id-dejta tiġi kkunsidrata bħala materjalment rilevanti fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti individwali, hija, b'mod ġenerali, tiġi pprovduta separatament għal kull self. Madankollu hemm każijiet fejn l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta fuq bażi aggregata. Fl-ivvalutar ta' jekk l-informazzjoni aggregata hijiex biżżejjed, il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu l-granularità tal-pool sottostanti u jekk l-immaniġġar tal-iskoperturi f'dak il-pool huwiex ibbażat fuq il-pool innifsu jew fuq bażi ta' self b'self.

    3.   L-obbligu tad-divulgazzjoni huwa suġġett għal kull rekwiżit ġuridiku u regolatorju ieħor applikabbli għar-ritenitur.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 24

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1

    (2)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (3)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


    Top