Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0571

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 571/2014 tas- 26 ta' Mejju 2014 li japprova s-sustanza attiva ipkonażol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 157, 27.5.2014, p. 96–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/05/2023; Imħassar b' 32023R0939

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/571/oj

    27.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 157/96


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 571/2014

    tas-26 ta' Mejju 2014

    li japprova s-sustanza attiva ipkonażol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) ta' dik id-Direttiva qabel l-14 ta' Ġunju 2011. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/20/KE tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-ipkonażol (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fil-30 ta' Marzu 2007, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand Kureha GmbH għall-inklużjoni tas-sustanza attiva ipkonażol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2008/20/KE kkonfermat li d-dossier kien “komplut” fis-sens li seta' jitqies bħala wieħed li fil-prinċipju jissodisfa r-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (3)

    Għal dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. Fit-22 ta' Mejju 2008, ir-relatur maħtur mill-Istat Membru, ir-Renju Unit, ippreżenta abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni. Fl-20 ta' Mejju 2011, l-applikant intalab iressaq informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 (4). Il-valutazzjoni tad-dejta addizzjonali mir-Renju Unit ġiet ippreżentata fil-format ta' abbozz aġġornat tar-rapport ta' valutazzjoni f'Novembru 2011.

    (4)

    L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”). Fit-2 ta' April 2013, l-Awtorità ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (5) dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva ipkonażol. L-abbozz tar-rapport ta' valutazzjoni u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew evalwati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u ġew iffinalizzati fl-20 ta' Marzu 2014 fil-format ta' rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni għall-ipkonażol.

    (5)

    Minn bosta eżamijiet li saru deher li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-ipkonażol mistennija jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li s-sustanza ipkonażol tiġi approvata.

    (6)

    Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, hemm bżonn li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari, jixraq li tintalab aktar informazzjoni ta' konferma.

    (7)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel l-approvazzjoni, biex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-approvazzjoni.

    (8)

    Madankollu, mingħajr ħsara għall-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala konsegwenza tal-approvazzjoni, u meta titqies is-sitwazzjoni speċifika li nħolqot bit-tranżizzjoni mid-Direttiva 91/414/KEE għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu japplika dan li ġej. L-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta' sitt xhur wara l-approvazzjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ipkonażol. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet kif xieraq. B'deroga minn dik l-iskadenza, għandu jingħata perjodu itwal għas-sottomissjoni u għall-valutazzjoni tad-dossier komplut tal-Anness III, kif stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, ta' kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu maħsub skont il-prinċipji uniformi.

    (9)

    L-esperjenza miksuba mill-inklużjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta' sustanzi attivi evalwati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (6) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti fir-rigward tal-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li hemm bżonn li jiġu ċċarati d-dmirijiet tal-Istati Membri, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur tal-awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta' dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri jew fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li ġew adottati s'issa li jemendaw l-Anness I ta' dik id-Direttiva jew ir-Regolamenti li japprovaw is-sustanzi attivi.

    (10)

    B'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (7) għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta' sustanza attiva

    Is-sustanza attiva ipkonażol, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Valutazzjoni mill-ġdid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    1.   B'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ipkonażol bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2015.

    Sa dik id-data, huma għandhom jivverifikaw b'mod partikolari li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, għajr dawk identifikati fil-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' dak l-Anness, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu dossier, jew għandu aċċess għal dossier, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) sa (4) ta' dik id-Direttiva u l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li fih l-ipkonażol bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li lkoll ġew elenkati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 sa mhux iktar tard mill-31 ta' Awwissu 2014, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, abbażi ta' dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE u billi jqisu l-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I ta' dan ir-Regolament. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni, dawn għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    Wara li dan jiġi stabbilit, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta' prodott li jkun fih l-ipkonażol bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mid-29 ta' Frar 2016; jew

    (b)

    fil-każ ta' prodott li fih l-ipkonażol bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sad-29 ta' Frar 2016 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew għal dan l-irtirar fl-att jew l-atti rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jew li approvaw dik is-sustanza jew sustanzi, skont liema minnhom tkun l-iktar riċenti.

    Artikolu 3

    Emendi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta' Settembru 2014.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/20/KE tal- 20 ta' Diċembru 2007 li tagħraf fil-prinċipju l-kompletezza tad-dokumenti sottomessi għal eżaminazzjoni dettaljata fid-dawl tal-possibbiltà ta' inklużjoni tal- ipconazole u l-maltodextrin f'Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 1, 4.1.2008, p. 5).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 tal-25 ta' Frar 2011 jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-proċedura għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li ma kinux fis-suq sentejn wara d-data ta' notifika ta' dik id-Direttiva (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 51).

    (5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ipconazole. EFSA Journal 2013;11(4):3181. [76 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2013.3181. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal.

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta' xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li jittratta t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10).

    (7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Ipkonażol

    Nru tas-CAS

    125225-28-7 (taħlita ta' dijasterjoisomeri)

    115850-69-6 (ipkonażol cc, isomeru cis)

    115937-89-8 (ipkonażol ct, trans isomeru)

    Nru CIPAC 798

    (1RS,2SR,5RS;1RS,2SR,5SR)-2-(4-klorobenżil)-5-iżopropil-1-(1H-1,2,4-trijażol-1-ilmetil) ċiklopentanol

    ≥ 955 g/kg

    Ipkonażol cc: 875 – 930 g/kg

    Ipkonażol ct: 65-95 g/kg

    L-1 ta' Settembru 2014

    Il-31 ta' Awwissu 2024

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar l-ipkonażol, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-20 ta' Marzu 2014.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    1.

    lir-riskju għal għasafar granivori;

    2.

    lill-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-operaturi;

    3.

    lir-riskju għall-ħut.Meta xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni ta' konferma dwar:

    (a)

    l-aċċettabbiltà tar-riskju fuq terminu twil għall-għasafar granivori;

    (b)

    l-aċċettabbiltà tar-riskju għall-makroorganiżmi li jinsabu fil-ħamrija;

    (c)

    ir-riskju ta' metabolizzazzjoni jew ta' degradazzjoni enantjoselettiva;

    (d)

    il-karatteristiki potenzjali tal-ipkonażol li jikkawżaw tħarbit endokrinali fl-għasafar u l-ħut.L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sal-31 ta' Awwissu 2016. L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) għandha tiġi mressqa fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tad-dokument ta' gwida rilevanti dwar il-valutazzjoni tat-taħlitiet ta' isomeri, filwaqt li l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) għandha tiġi mressqa fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tal-linji gwida ta' ttestjar tal-OECD dwar it-tħarbit endokrinali jew, alternattivament, ta' linji gwida ta' ttestjar li jkun sar qbil dwarhom fil-livell tal-UE.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    ANNESS II

    Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, għandha tiġi miżjuda l-annotazzjoni li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “73

    Ipkonażol

    Nru tas-CAS

    125225-28-7 (taħlita ta' dijasterjoisomeri)

    115850-69-6 (ipkonażol cc, isomeru cis)

    115937-89-8 (ipkonażol ct, trans isomeru)

    Nru CIPAC 798

    (1RS,2SR,5RS;1RS,2SR,5SR)-2-(4-klorobenżil)-5-iżopropil-1-(1H-1,2,4-trijażol-1-ilmetil) ċiklopentanol

    ≥ 955 g/kg

    Ipkonażol cc: 875–930 g/kg

    Ipkonażol ct: 65-95 g/kg

    L-1 ta' Settembru 2014

    Il-31 ta' Awwissu 2024

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar l-ipkonażol, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-20 ta' Marzu 2014.

    F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:

    1.

    lir-riskju għal għasafar granivori;

    2.

    lill-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-operaturi;

    3.

    lir-riskju għall-ħut.Meta xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni ta' konferma dwar:

    (a)

    l-aċċettabbiltà tar-riskju fuq terminu twil għall-għasafar granivori;

    (b)

    l-aċċettabbiltà tar-riskju għall-makroorganiżmi li jinsabu fil-ħamrija;

    (c)

    ir-riskju ta' metabolizzazzjoni jew ta' degradazzjoni enantjoselettiva;

    (d)

    il-proprjetajiet potenzjali tal-ipkonażol li jikkawżaw tħarbit endokrinali fl-għasafar u l-ħut.L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sal-31 ta' Awwissu 2016. L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) għandha tiġi mressqa fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tad-dokument ta' gwida rilevanti dwar il-valutazzjoni tat-taħlitiet ta' isomeri, filwaqt li l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) għandha tiġi mressqa fi żmien sentejn wara l-adozzjoni tal-linji gwida ta' ttestjar tal-OECD dwar it-tħarbit endokrinali jew, alternattivament, ta' linji gwida ta' ttestjar li jkun sar qbil dwarhom fil-livell tal-UE.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    Top