Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0560

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas- 6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130–151 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/11/2021; Imħassar b' 32021R2085

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/560/oj

    7.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 169/130


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 560/2014

    tas-6 ta’ Mejju 2014

    li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Billi

    (1)

    Inizjalment sħubiji pubbliċi-privati fil-għamla ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti kienu previsti fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE (3) identifikat sħubiji pubbliċi-privati speċifiċi li għandhom ikunu appoġġati.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxa Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“Orizzont 2020”). Orizzont 2020 għandu l-għan li jkollu impatt akbar fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jikkombina Orizzont 2020 u l-fondi tas-settur privat fi sħubiji pubbliċi-privati f’oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet usa’ fil-kompetittività tal-Unjoni, jistimolaw l-investiment privat, u jgħinu biex jingħelbu sfidi soċjetali. Dawn is-sħubiji għandhom ikunu bbażati fuq impenn fit-tul, inkluża kontribuzzjoni bilanċjata mis-sħab kollha, ikunu responsabbli għall-kisba tal-miri tagħhom u jkunu allinjati mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Il-governanza u l-funzjonament ta’ dawn is-sħubiji għandhom ikunu miftuħa, trasparenti, effettivi u effiċjenti u jagħtu l-opportunità li tipparteċipa firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati attivi fl-oqsma speċifiċi tagħhom. Skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, l-involviment tal-Unjoni f’dawk is-sħubiji jista’ jieħu l-għamla ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji lil impriżi konġunti stabbiliti abbażi tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.

    (4)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (5), jista’ jingħata appoġġ lill-impriżi konġunti stabbiliti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 taħt il-kondizzjonijiet speċifikati f’dik id-Deċiżjoni.

    (5)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ tenfasizza (l-“Istrateġija Ewropa 2020”), approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, l-ħtieġa li jiġu żviluppati kondizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni.

    (6)

    Il-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika (il-“BIC”) żviluppa dokument ta’ viżjoni u Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni u r-Riċerka abbażi ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati pubbliċi u privati. L-Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni u r-Riċerka tiddeskrivi l-isfidi teknoloġiċi u tal-innovazzjoni ewlenin li jeħtieġ li jiġu megħluba sabiex jiġu żviluppati industriji b’bażi bijoloġika sostenibbli u kompetittivi fl-Ewropa u tidentifika attivitajiet ta’ riċerka, dimostrazzjoni u mobilizzazzjoni li għandhom jitwettqu minn Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar l-Industriji b’bażi bijoloġika (l-“Inizjattiva BBI”).

    (7)

    Il-BIC huwa organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li twaqqfet biex tirrappreżenta l-grupp industrijali li jappoġġa l-Inizjattiva TBBI. Il-membri tiegħu jkopru l-katina ta’ valur b’bażi bijoloġika kollha u jikkonsistu minn industriji kbar, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), raggruppamenti reġjonali, assoċjazzjonijiet Ewropej tal-kummerċ, u Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija. L-għan tal-BIC huwa li jiżgura u jippromwovi l-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku tal-industriji b’bażi bijoloġika fl-Ewropa. Kwalunkwe parti interessata tul il-katina ta’ valur b’bażi bijoloġika tista’ tapplika għas-sħubija. Huwa japplika l-prinċipji ġenerali ta’ ftuħ u trasparenza fir-rigward tas-sħubija li jiżguraw involviment industrijali wiesa’.

    (8)

    Kwalunkwe istituzzjoni eliġibbli tista’ ssir parteċipant jew koordinatur fil-proġetti magħżula.

    (9)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa” u b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, titlob sħubija pubblika-privata biex tappoġġa l-istabbiliment ta’ industriji u katini ta’ valur b’bażi bijoloġika sostenibbli u kompetittivi fl-Ewropa. Fid-dawl tal-mixja lejn soċjetà fejn nifirxu lil hinn mill-użu taż-żejt, il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tintegra aħjar is-setturi tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-bijomassa sabiex tirrikonċilja s-sigurtà tal-ikel u l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u l-għanijiet ambjentali bil-użu tal-bijomassa għal għanijiet industrijali u tal-enerġija.

    (10)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” tikkonferma l-importanza strateġika tal-industriji b’bażi bijoloġika għall-kompetittività futura tal-Ewropa, kif identifikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2007 bit-titolu “Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa” u tenfasizza l-ħtieġa għall-Inizjattiva BBI.

    (11)

    L-Industriji b’bażi Bijoloġika u l-katini ta’ valur tagħhom qed jaffaċċjaw sfidi teknoloġiċi u tal-innovazzjoni kumplessi u sostanzjali. Bħala settur ġdid, l-industriji b’bażi bijoloġika qed jkollhom jegħlbu t-tixrid tal-kompetenzi tekniċi u d-data disponibbli pubblikament limitata dwar id-disponibbiltà tar-riżorsi reali sabiex jibnu katini ta’ valur sostenibbli u kompetittivi. Sabiex dawk l-isfidi jiġu indirizzati, trid tinkiseb massa kritika b’mod iffukat u koerenti fil-livell Ewropew f’termini tal-iskala tal-attività, l-eċċellenza u l-potenzjal għall-innovazzjoni.

    (12)

    L-Inizjattiva BBI għandha tnaqqas it-tipi differenti ta’ fallimenti tas-suq li jiskoraġġixxu l-investiment privat f’attivitajiet prekompetittivi ta’ riċerka, dimostrazzjoni u mobilizzazzjoni għall-industriji b’bażi bijoloġika fl-Ewropa. B’mod partikolari, għandha taċċerta d-disponibbiltà tal-provvista ta’ bijomassa affidabbli, filwaqt li tqis domandi soċjali u ambjentali oħrajn li qed jikkompetu, u tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-ipproċessar avvanzati, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u strumenti ta’ politika fuq skala kbira, u b’hekk tnaqqas ir-riskju għall-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta’ prodotti b’bażi bijoloġika u bijofjuwils sostenibbli u kompetittivi.

    (13)

    L-Inizjattiva BBI għandha tkun sħubija pubblika-privata bil-għan li iżżid l-investiment fl-iżvilupp ta’ settur sostenibbli tal-industriji b’bażi bijoloġika fl-Ewropa. Għandha tipprovdi benefiċċji ambjentali u soċjoekonomiċi għaċ-ċittadini Ewropej, iżżid il-kompetittività fl-Ewropa u tikkontribwixxi sabiex l-Ewropa tiġi stabbilita bħala attur ewlieni fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ prodotti b’bażi bijoloġika u bijofjuwils avvanzati.

    (14)

    L-għan tal-Inizjattiva BBI huwa li timplimenta programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa li jivvaluta d-disponibbiltà ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ materjali b’bażi bijoloġika u abbażi ta’ hekk tappoġġa l-istabbiliment ta’ katini ta’ valur b’bażi bijoloġika sostenibbli. Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu b’kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati tul il-katini ta’ valur b’bażi bijoloġika kollha, inkluż l-industriji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar ewlenin, il-marki tal-konsumaturi, l-SMEs, iċ-ċentri u l-universitajiet għat-teknoloġija u r-riċerka.

    (15)

    L-ambizzjoni u l-ambitu tal-għanijiet tal-Inizjattiva BBI, l-iskala tar-riżorsi finanzjarji u tekniċi li jeħtieġ li jiġu mobilizzati, u l-ħtieġa li tinkiseb il-koordinazzjoni effettiva u sinerġija tar-riżorsi u l-finanzjament, jeħtieġ l-involviment tal-Unjoni. Għalhekk Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar l-Industriji b’bażi bijoloġika (l-“Impriża Konġunta BBI”) għandha tiġi stabbilita bħala entità legali.

    (16)

    L-għan tal-Impriża Konġunta BBI għandu jinkiseb permezz tal-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u bl-użu ta’ riżorsi mis-setturi pubbliċi u dawk privati. Għal dan il-fini, l-Impriża Konġunta BBI għandha torganizza sejħiet għal proposti għall-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ riċerka, dimostrazzjoni u mobilizzazzjoni.

    (17)

    Sabiex tikseb l-impatt massimu, l-Impriża Konġunta BBI għandha tiżviluppa sinerġiji mill-qrib ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-ambjent, il-kompetittività u l-SMEs, u mal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-Politika ta’ Żvilupp Rurali, li jistgħu jgħinu speċifikament fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

    (18)

    L-Orizzont 2020 għandu jikkontribwixxi għall-għeluq tad-distakk fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni permezz tal-promozzjoni tas-sinerġiji mal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF). Għalhekk l-Impriża Konġunta BBI (Industriji b’bażi bijoloġika) għandha tara li tiżviluppa interazzjonijiet mill-qrib mal-ESIF, li speċifikament jistgħu jgħinu biex isaħħu kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni lokali, reġjonali u nazzjonali fil-qasam tal-Impriża Konġunta BBI u jsostnu l-isforzi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

    (19)

    Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta BBI għandhom ikunu l-Unjoni u l-BIC.

    (20)

    Ir-regoli għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Impriża Konġunta BBI għandhom jiġu stabbiliti fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta BBI bħala parti minn dan ir-Regolament.

    (21)

    Il-BIC esprima, bil-miktub, il-qbil tiegħu li jwettaq l-attivitajiet ta’ riċerka fil-qasam tal-Impriża Konġinta BBI fi ħdan struttura adattata sew għan-natura ta’ sħubija pubblika-privata. Huwa adatt li l-BIC jaderixxi għall-Istatuti stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament billi jiffirma ittra ta’ approvazzjoni.

    (22)

    Biex tikseb l-għanijiet tagħha, l-Impriża Konġunta BBI għandha tipprovdi l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-azzjonijiet permezz ta’ proċeduri miftuħa u trasparenti prinċipalment fl-għamla ta’ għotjiet lill-parteċipanti wara sejħiet miftuħa u kompetittivi.

    (23)

    Il-kontribuzzjonijiet mill-Membri li mhumiex l-Unjoni ma għandhomx ikunu limitati għall-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta BBI u mal-kofinanzjament meħtieġ biex jitwettqu azzjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni appoġġati mill-Impriża Konġunta BBI. Il-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom ikopru wkoll attivitajiet addizzjonali li għandhom jitwettqu mill-Membri li mhumiex l-Unjoni, kif speċifikat fi pjan ta’ attivitajiet addizzjonali. Sabiex ikollhom perspettiva ġenerali adatta tal-effett ta’ ingranaġġ ta’ dawk l-attivitajiet addizzjonali, dawn għandhom jirrappreżentaw il-kontribuzzjonijiet lill-Inizjattiva BBI.

    (24)

    Il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta BBI għandha tkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta BBI għandha tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawn ir-regoli bbażati fuq miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni.

    (25)

    L-Impriża Konġunta BBI għandha tuża wkoll mezzi elettroniċi ġestiti mill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati l-ftuħ, it-trasparenza u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni. Għalhekk, is-sejħiet għal proposti li tnedew mill-Impriża Konġunta BBIgħandhom jiġu ppubblikati wkoll fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi oħra tad-disseminazzjoni tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, data rilevanti fost l-oħrajn dwar proposti, applikanti, għotjiet u parteċipanti għandha tkun disponibbli mill-Impriża Konġunta BBI għall-inklużjoni fis-sistemi elettroniċi tar-rappurtar u d-disseminazzjoni ta’ Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni, f’format adatt u bil-perjodiċità li tikkorrispondi għall-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni.

    (26)

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta BBI għandha tiġi ġestita skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u bir-regoli rilevanti dwar ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament Idddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (8).

    (27)

    Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, il-piż amministrattiv għandu jitnaqqas għall-partijiet kollha. Awditi doppji u ammonti ta’ dokumentazzjoni u rappurtar sproporzjonati għandhom jiġu evitati. L-awditi ta’ riċevituri tal-fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandhom isiru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

    (28)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta BBI għandhom ikunu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inkluż il-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkuprar ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod inkorrett, u fejn adatt, penali amministrattivi u finanzjarji adatti skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    (29)

    L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-Impriża Konġunta BBI bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

    (30)

    Fid-dawl tan-natura speċifika u l-istatus attwali tal-impriżi konġunti, u biex tiġi żgurata l-kontinwità mas-Seba’ Programm Qafas, l-impriżi konġunti għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għal kwittanza separata. B’deroga mill-Artikolu 60(7) u l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta BBI għandha għalhekk tingħata mill-Parlament Ewropew wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ma għandhomx japplikaw għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta BBI iżda huma għandhom ikunu allinjati sa fejn hu possibbli ma’ dawk previsti għal korpi taħt l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-awditjar tal-kontijiet u tal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti għandu jsir mill-Qorti tal-Awdituri.

    (31)

    L-Impriża Konġunta BBI għandha topera b’mod miftuħ u trasparenti waqt li tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha fil-ħin lill-korpi adatti tagħha kif ukoll tippromwovi l-attivitajiet tagħha, inkluż attivitajiet ta’ informazzjoni u disseminazzjoni lill-pubbliku ġenerali. Ir-regoli ta’ proċedura tal-korpi tal-Impriża Konġunta BBI għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

    (32)

    Sabiex tiffaċilita l-istabbiliment tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-istabbiliment u t-tħaddim inizjali tal-Impriża Konġunta BBI sakemm din ikollha l-kapaċità operattiva biex timplimenta l-baġit proprju.

    (33)

    Minħabba l-għan ta’ Orizzont 2020 li jinkisbu aktar simplifikazzjoni u koerenza, is-sejħiet kollha għal proposti mill-Impriża Konġunta BBI għandhom iqisu d-durata ta’ Orizzont 2020.

    (34)

    Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali madwar l-Unjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta BBI mill-Impriża Konġunta BBI, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda tista’, għar-raġuni li tiġi evitata d-duplikazzjoni, tinżamm il-massa kritika u jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku jintuża b’mod ottimali, tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Stabbiliment

    1.   Għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (l-“Inizjattiva BBI”), għandha tiġi stabbilita impriża konġunta skont it-tifsira tal-Artikolu 187 TFUE (l-“Impriża Konġunta BBI”), sal-31 ta’ Diċembru 2024. Sabiex jittieħed kont tad-durata ta’ Orizzont 2020, is-sejħiet għal proposti mill-Impriża Konġunta BBI għandhom jitnedew l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2020. F’każijiet debitament iġġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    2.   L-Impriża Konġunta BBI għandha tkun korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    3.   L-Impriża Konġunta BBI għandu jkollha personalità ġuridika. F’kull Stat Membru, hija għandha tgawdi mill-aktar kapaċità legali estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri. Tista’, b’ mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli, u tista’ tkun parti fi proċedimenti legali.

    4.   Is-sede tal-Impriża Konġunta BBI għandha tkun fi Brussell, il-Belġju.

    5.   L-Istatuti tal-Impriża Konġunta BBI (“l-Istatuti”) huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Għanijiet

    L-Impriża Konġunta BBI għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u b’mod partikolari l-Parti III tad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

    (b)

    tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Inizjattiva BBI ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju li hija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli u żżid it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, b’mod partikolari f’żoni rurali, permezz tal-iżvilupp ta’ industriji b’bażi bijoloġika sostenibbli u kompetittivi fl-Ewropa, ibbażati fuq bijoraffineriji li jiksbu l-bijomassa tagħhom b’mod sostenibbli, u b’mod partikoli li:

    (i)

    turi teknoloġiji li jippermettu moduli kimiċi ġodda, materjali ġodda, u prodotti ġodda għall-konsumatur minn bijomassa Ewropea li jissostitwixxu l-ħtieġa għal inputs b’bażi ta’ fossili;

    (ii)

    tiżviluppa mudelli ta’ negozju li jintegraw l-atturi ekonomiċi tul il-katina ta’ valur kollha mill-provvista tal-bijomassa għall-bijoraffineriji għall-konsumaturi ta’ materjali, kimiċi u fjuwils b’bażi bijoloġika, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ interkonnessjonijiet transsettorjali ġodda u l-appoġġ għal raggruppamenti transindustrijali; u

    (iii)

    tistabbilixxi bijoraffineriji ewlenin li jużaw it-teknoloġiji u l-mudelli ta’ negozju għal materjali, kimiċi u fjuwils b’bażi bijoloġika u li juru titjib fin-nefqa u l-prestazzjoni li jilħaq livelli li huma kompetittivi mal-alternattivi b’bażi ta’ fossili.

    Artikolu 3

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta BBI, inkluż l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, sabiex tkopri l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operattivi għandha tkun sa massimu ta’ EUR 975 000 000. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokat lill-Programm Speċifiku Orizzont 2020, stabbiliti bid-Deċiżjoni 743/2013/UE, skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 58(1) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għall-korpi msemmija fl-Artikolu 209 ta’ dak ir-Regolament.

    2.   L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu stabbiliti fi ftehim ta’ delega u ftehimiet ta’ trasferiment annwali ta’ fondi li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Impriża Konġunta BBI.

    3.   Il-ftehim ta’ delega msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jindirizza l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 58(3) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fl-Artikolu 40 tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 1268/2012, u, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta BBI rigward l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti msemmijin fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

    (b)

    ir-rekwiżiti għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta BBI fid-dawl tal-monitoraġġ imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni 2013/743/UE;

    (c)

    l-indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi relatati mal-funzjonament tal-Impriża Konġunta BBI;

    (d)

    l-arranġamenti rigward il-forniment ta’ data neċessarja biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tista’ tilħaq l-obbligi tagħha ta’ disseminazzjoni u rappurtar inkluż fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni;

    (e)

    dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti tal-Impriża Konġunta BBI anke fuq il-portal waħdieni għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni;

    (f)

    l-użu ta’ riżorsi umani u l-bidliet fihom, b’mod partikolari r-reklutaġġ skont il-grupp, il-grad u l-kategorija ta’ funzjoni, l-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni u kwalunkwe bidla għall-għadd ta’ membri tal-persunal.

    Artikolu 4

    Kontribuzzjonijiet tal-membri li mhumiex l-Unjoni

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta BBI li mhumiex l-Unjoni għandhom jagħmlu, jew jiftiehmu sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jagħmlu, kontribuzzjoni totali ta’ mill-anqas EUR 2 730 000 000 matul il-perijodu definit fl-Artikolu 1.

    2.   Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

    (a)

    il-kontribuzzjonijiet għall-Impriża Konġunta BBI kif stabbilit fl-Artikolu 12(2), il-punt (b) tal-Artikolu 12(3) u l-punt (c) tal-Artikolu 12(3) tal-Istatuti.

    (b)

    kontribuzzjonijiet in-natura ta’ mill-anqas EUR 1 755 000 000 matul il-perijodu definit fl-Artikolu 1 mill-membri li mhumiex l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom li jikkonsistu mill-ispejjeż li huma ġarrbu fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali mhux inklużi fil-pjan ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta BBI li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Inizjattiva BBI. Programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni oħrajn jistgħu jappoġġaw dawk l-ispejjeż f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli. F’każijiet bħal dawn, il-finanzjament tal-Unjoni ma għandux ikun sostitut għall-kontribuzzjonijiet in-natura mill-membri li mhumiex l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom.

    L-ispejjeż imsemmija fil-punt (b) ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Impriża Konġunta BBI. L-attivitajiet korrispondenti għandhom ikunu stabbiliti fi pjan ta’ attivitajiet addizzjonali annwali li għandu jindika l-valur stmat ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet.

    3.   Il-Membri tal-Impriża Konġunta BBI li mhumiex l-Unjoni għandhom jirrappurtaw kull sena sal-31 ta’ Jannar lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI rigward il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 li saru matul kull sena finanzjarja preċedenti. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu wkoll jiġi informat b’dan fil-waqt.

    4.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-punt (c) tal-Artikolu 12(3) tal-Istatuti, l-ispejjeż għandhom ikunu ddeterminati skont il-prattiki normali tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-entitajiet ikkonċernati, skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-pajjiż fejn hija stabbilita l-entità, u skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju. L-ispejjeż għandhom ikunu ċċertifikati minn awditur estern indipendenti maħtur mill-entità kkonċernata. Il-metodu tal-valutazzjoni jista’ jiġi vverifikat mill-Impriża Konġunta BBI jekk miċ-ċertifikazzjoni tirriżulta kwalunkwe inċertezza. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż imġarrba f’attivitajiet addizzjonali ma għandhomx jiġu awditjati mill-Impriża Konġunta BBI jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni.

    5.   Il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Impriża Konġunta BBI jew tiskatta l-proċedura tal-proċess ta’ stralċ imsemmi fl-Artikolu 20(2) tal-Istatuti jekk dawk il-membri jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment biss jew jikkontribwixxu tard fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex timpedixxi r-rimborż ta’ spejjeż eliġibbli li jkunu diġà ġġarrbu mill-membri sa meta ssir in-notifika tad-deċiżjoni lill-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 5

    Regoli finanzjarji

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, l-Impriża Konġunta BBI għandha tadotta r-regoli finanzjarji speċifiċi tagħha f’konformità mal-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 (9).

    Artikolu 6

    Persunal

    1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KESE) Nru 259/68 (10) (“Regolamenti tal-Persunal” u “Kondizzjonijiet tal-Impjieg”) u r-regoli adottati b’mod konġunt bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Impriża Konġunta BBI.

    2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta BBI, is-setgħat mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal dwar l-Awtorità tal-Ħatra u s-setgħat konferiti mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg fuq l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti (is-“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”).

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, jadotta deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li tiddelega s-setgħat rilevanti ta’ awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dik id-delega tista’ tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv huwa awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat

    Meta ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu hekk, il-Bord ta’ Tmexxija jista’, b’deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega minn dan tal-aħħar. F’dan il-każ, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeżerċita huwa stess is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal tal-Impriża Konġunta BBI minbarra d-Direttur Eżekuttiv

    3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli ta’ implimentazzjoni adatti fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg, f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    4.   Ir-riżorsi tal-persunal għandhom jiġu determinati fil-pjan tal-istabbiliment tal-persunal tal-Impriża Konġunta BBI u dan għandu jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji bil-grupp tal-funzjoni u bil-grad u l-għadd ta’ persunal kuntrattwali espress f’ekwivalenti full-time, skont il-baġit annwali tiegħu.

    5.   Il-persunal tal-Impriża Konġunta BBI għandu jkun magħmul minn persunal temporanju u persunal kuntrattwali.

    6.   L-Impriża Konġunta BBI għandha ġġarrab l-ispejjeż kollha relatati mal-persunal.

    Artikolu 7

    Esperti nazzjonali sekondati u persuni li qed jitħarrġu

    1.   L-Impriża Konġunta BBI tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati u persuni li qed jitħarrġu li mhumiex impjegati mill-Impriża Konġunta BBI. L-għadd ta’ esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti full-time għandu jiżdied mal-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 6(4) skont il-baġit annwali.

    2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Impriża Konġunta BBI u dwar l-użu ta’ persuni li qed jitħarrġu.

    Artikolu 8

    Privileġġi u Immunitajiet

    Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, għandu japplika għall-Impriża Konġunta BBI u l-persunal tagħha.

    Artikolu 9

    Responsabbiltà tal-Impriża Konġunta BBI

    1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Impriża Konġunta BBI għandha tiġi ggvernata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-ftehim, deċiżjoni jew kuntratt inkwistjoni.

    2.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Impriża Konġunta BBI, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għad-danni kollha kkawżati mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom.

    3.   Kull pagament mill-Impriża Konġunta BBI fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-ispejjeż u n-nefqa mġarrba b’rabta magħhom għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-Impriża Konġunta BBI u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi tagħha.

    4.   L-Impriża Konġunta BBI għandha tkun unikament responsabbli biex tissodisfa l-obbligi tagħha.

    Artikolu 10

    Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-liġi applikabbli

    1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni:

    (a)

    bis-saħħa ta’ kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fi ftehimiet jew kuntratti konklużi mill-Impriża Konġunta BBI, jew fid-deċiżjonijiet tagħha;

    (b)

    f’tilwim relatat mal-kumpens għal danni kkawżati mill-persunal tal-Impriża Konġunta BBI waqt il-qadi ta’ dmirijiethom;

    (c)

    fi kwalunkwe tilwima bejn l-Impriża Konġunta BBI u l-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

    2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat fejn tinsab is-sede tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 11

    Evalwazzjoni

    (1)   Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta BBI. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni, li għandu jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta BBI għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni dettaljata u fl-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

    2.   Abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi f’konformità mal-Artikolu 4(5) jew tieħu kwalunkwe azzjoni adatta oħra.

    3.   Fi żmien sitt xhur wara l-proċess ta’ stralċ tal-Impriża Konġunta BBI, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara l-iskattar tal-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 20 tal-Istatuti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Impriża Konġunta BBI. Ir-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Artikolu 12

    Kwittanza

    B’deroga mill-Artikolu 60(7) u l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta BBI għandha tingħata mill-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-proċedura prevista fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 13

    Awditi ex post

    1.   L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta BBI skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 bħala parti mill-azzjonijiet indiretti ta’ Orizzont 2020.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq hija stess l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’tali każijiet, hija għandha tagħmel dan f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012, (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

    Artikolu 14

    Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-membri

    1.   L-Impriża Konġunta BBI għandha tagħti aċċess lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Impriża Konġunta BBI jew mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri, għas-siti u l-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa biex iwettqu l-awditi tagħhom.

    2.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) u fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim, deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, l-Impriża Konġunta BBI, il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    4.   L-Impriża Konġunta BBI għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jitħarsu b’mod adegwat billi twettaq jew tikkummissjona kontrolli interni u esterni adatti.

    5.   L-Impriża Konġunta BBI għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13). L-Impriża Konġunta BBI għandha tadotta l-miżuri meħtieġa biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet interni mwettqa mill-OLAF.

    Artikolu 15

    Kunfidenzjalità

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, l-Impriża Konġunta BBI għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tippreġudika l-interessi tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 16

    Trasparenza

    1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), għandu japplika għal dokumenti miżmuma mill-Impriża Konġunta BBI.

    2.   Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI jista’ jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, deċiżjonijiet meħuda mill-Impriża Konġunta BBI skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 228 TFUE.

    Artikolu 17

    Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

    Ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 għandu japplika għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta BBI. Skont dak ir-Regolament, l-Impriża Konġunta BBI għandha titqies bħala korp li jiffinanzja u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti kif stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Istatuti.

    Artikolu 18

    Appoġġ mill-Istat ospitanti

    Jista’ jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn l-Impriża Konġunta BBI u l-Istat fejn hija lokalizzata s-sede tagħha dwar privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jiġi pprovdut minn dak l-Istat lill-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 19

    Azzjonijiet inizjali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim inizjali tal-Impriża Konġunta BBI sakemm din ikollha l-kapaċità operattiva biex timplimenta l-baġit tagħha stess. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, għandha twettaq l-azzjonijiet kollha meħtieġa f’kollaborazzjoni mal-membri l-oħra bl-involviment tal-korpi kompetenti tal-Impriża Konġunta BBI.

    2.   Għall-fini msemmi fil-paragrafu 1:

    (a)

    sakemm id-Direttur Eżekuttiv jassumi d-doveri tiegħu wara l-ħatra tiegħu/tagħha mill-Bord ta’ Tmexxija skont l-Artikolu 8 tal-Istatuti, il-Kummissjoni tista’ taħtar aġent tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv li jista’ jiġi assistit minn għadd limitat ta’ aġenti tal-Kummissjoni:

    (b)

    b’deroga mill-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament, id-Direttur interim għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità li taħtar;

    (c)

    il-Kummissjoni tista’ tassenja għadd limitat ta’ uffiċjali tagħha fuq bażi interim.

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet ipprovduti fil-baġit annwali tal-Impriża Konġunta BBI malli jkunu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija, u jista’ jikkonkludi ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal tal-Impriża Konġunta BBI.

    4.   Id-Direttur Eżekuttiv interim għandu, bil-qbil tad-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta BBI u soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, jiddetermina d-data li fiha l-Impriża Konġunta BBI ikollha l-kapaċità timplimenta l-baġit tagħha. Minn dik id-data, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tagħmel impenji u teżegwixxi pagamenti għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. STOURNARAS


    (1)  Opinjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 [Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

    (2)  Deċiżjoni (KE) Nru 1882/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku ‘Kooperazzjoni’ li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86).

    (4)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 (2014-2020) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

    (6)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

    (7)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (8)  Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (9)  Regolament Iddelegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta’ sħubija pubblika-privata imsemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2).

    (10)  Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistipula ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol għal impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej u jistabbilixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

    (11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (12)  Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

    (14)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    ANNESS

    STATUTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA DWAR L-INDUSTRIJI B’BAŻI BIJOLOĠIKA

    Artikolu 1

    Kompiti

    L-Impriża Konġunta BBI għandha twettaq dawn il-kompiti:

    (a)

    tiżgura l-istabbiliment u l-ġestjoni sostenibbli tal-Inizjattiva BBI;

    (b)

    timmobilizza r-riżorsi meħtieġa tas-settur pubbliku u privat;

    (c)

    tistabbilixxi u tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u fit-tul bejn l-Unjoni, l-industrija u l-partijiet interessati l-oħra;

    (d)

    tiżgura l-effiċjenza tal-Inizjattiva BBI;

    (e)

    tilħaq il-massa kritika tal-isforz tar-riċerka sabiex tidħol għal programm fit-tul;

    (f)

    timmonitorja l-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Impriża Konġunta BBI;

    (g)

    tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti ta’ riċerka u innovazzjoni prinċipalment permezz ta’ għotjiet;

    (h)

    twettaq attivitajiet ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, sfruttament u disseminazzjoni permezz ta’ applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, inkluż li l-informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tas-sejħiet għal proposti tkun disponibbli u aċċessibbli f’bażi ta’ data elettronika komuni ta’ Orizzont 2020;

    (i)

    tikkoordina ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati inklużi organizzazzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet;

    (j)

    kwalunkwe kompitu ieħor meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Membri

    1.

    Il-membri tal-Impriża Konġunta BBI għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    wara l-aċċettazzjoni ta’ dawn l-Istatuti, permezz ta’ ittra ta’ approvazzjoni, il-Konsorzju tal-Industriji b’bażi Bijoloġika Aisbl (il-“BIC”), organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita taħt il-liġi Belġjana, bl-uffiċju permanenti tagħha fi Brussell, il-Belġju.

    2.

    ‘Entitajiet kostitwenti’ huma l-entitajiet li jikkostitwixxu kull membru tal-Impriża Konġunta li mhuwiex l-Unjoni, skont l-Istatuti ta’ dak il-membru.

    Artikolu 3

    Bidliet fil-membri

    1.

    Sakemm tikkontribwixxi għall-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 12 biex jinkisbu l-għanijiet tal-Impriża Konġunta BBI stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u taċċetta l-Istatuti tal-Impriża Konġunta BBI, kwalunkwe entità legali li direttament jew indirettament tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat ma’ Orizzont 2020 tista’ tapplika biex issir membru tal-Impriża Konġunta BBI.

    2.

    Kwalunkwe applikazzjoni għal adeżjoni mal-Impriża Konġunta BBI għandha tiġi indirizzata lill-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI, akkumpanjata minn proposta biex tiġi adattata l-kompożizzjoni ta’ dak il-Bord ta’ Tmexxija.

    3.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jevalwa l-applikazzjoni b’kont meħud tar-rilevanza u l-potenzjal tal-valur miżjud tal-applikant fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet tal-Impriża Konġunta BBI u għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

    4.

    Kwalunkwe membru jista’ jtemm l-adeżjoni tiegħu mal-Impriża Konġunta BBI. It- għandha ssir effettiva u irrevokabbli sitt xhur wara n-notifika lill-membri l-oħra. Mid-data tat-terminazzjoni, l-ex-membru għandu jkun meħlus minn kwalunkwe obbligu minbarra dawk approvati jew imġarrba mill-Impriża Konġunta BBI qabel it-terminazzjoni tas-sħubija.

    5.

    Is-sħubija tal-Impriża Konġunta BBI ma tistax tkun trasferita għal parti terza mingħajr il-qbil minn qabel tal-Bord ta’ Tmexxija.

    6.

    Meta ssir xi bidla fil-membri skont dan l-Artikolu, l-Impriża Konġunta BBI għandha minnufih tippubblika lista aġġornata tal-membri tagħha fis-sit elettroniku tagħha, flimkien mad-data ta’ tali bidla.

    Artikolu 4

    Korpi tal-Impriża Konġunta BBI

    1.

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta BBI għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-Kumitat Xjentifiku;

    (d)

    il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati.

    2.

    Il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandhom ikunu korpi konsultattivi tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 5

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    ħames rappreżentanti tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni; u

    (b)

    ħames rappreżentanti tal-membri li mhumiex l-Unjoni, li mill-anqas wieħed minnhom għandu jkun rappreżentant tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs).

    Artikolu 6

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.

    L-Unjoni għandha żżomm 50 % tad-drittijiet tal-vot. Id-drittijiet ta’ vot tal-Unjoni għandhom ikun indiviżibbli. Il-membri li mhumiex l-Unjoni għandu jkollhom numru ugwali ta’ voti. Il-Membri għandhom jagħmlu l-aqwa sforz tagħhom biex jiksbu kunsens. Jekk ma jintlaħaqx kunsens, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ mill-anqas 75 % tal-voti kollha, inklużi l-voti ta’ dawk li huma assenti.

    2.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar il-president tiegħu għal perijodu ta’ sentejn.

    3.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jsejjaħ il-laqgħat ordinarji tiegħu darbtejn fis-sena. Huwa jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-membri li mhumiex l-Unjoni jew fuq talba tal-president. Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-president tiegħu u għandhom normalment isiru fis-sede tal-Impriża Konġunta BBI.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot.

    Il-president tal-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati għandu jkollu d-dritt jattendi għal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservatur u jieħu parti fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda mingħajr drittijiet għal vot.

    Il-president tal-Kumitat Xjentifiku għandu jkollu d-dritt, kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompiti tiegħu, jattendi l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservatur u jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tiegħu, iżda mingħajr drittijiet għal vot.

    Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden, fuq bażi ta’ każ b’każ, persuni oħrajn biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, b’mod partikolari rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali fl-Unjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

    4.

    Ir-rappreżentanti tal-Membri ma għandhomx ikunu responsabbli personalment għal azzjonijiet li jkunu ħadu fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti fuq il-Bord ta’ Tmexxija.

    5.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 7

    Kompiti tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà globali għall-orjentazzjoni strateġika u l-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta BBI u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu.

    2.

    Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha fil-Bord tat-Tmexxija, għandha tara li tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta BBI u l-attivitajiet rilevanti tal-Orizzont 2020 bil-ħsieb li jiġu promossi sinerġiji meta jiġu identifikati prijoritajiet koperti mir-riċerka kollaborattiva.

    3.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jwettaq, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jevalwa, jaċċetta jew jiċħad applikazzjonijiet għal adeżjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dawn l-Istatuti;

    (b)

    jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni tas-sħubija fl-Impriza Konġunta BBI ta’ kwalunkwe membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu;

    (c)

    jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta BBI skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    jadotta l-baġit annwali tal-Impriża Konġunta BBI, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal korrispondenti li jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u l-grad kif ukoll l-għadd ta’ persunal kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti full-time;

    (e)

    jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra fir-rigward tal-persunal, skont l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament;

    (f)

    jaħtar, ikeċċi, jestendi t-terminu tal-uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv, jaġixxi ta’ gwida għalih u jimmonitorja l-prestazzjoni tiegħu;

    (g)

    japprova l-istruttura organizzazzjonali tal-Uffiċċju tal-Programm fuq rakkomandazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

    (h)

    jadotta l-pjan ta’ ħidma annwali u l-istimi ta’ nefqa korrispondenti, kif proposti mid-Direttur Eżekuttiv wara li jkun ikkonsulta mal-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati;

    (i)

    japprova l-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali annwali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament abbażi ta’ proposta mill-membri li mhumiex l-Unjoni u wara li jkun ikkonsulta, fejn adatt, grupp konsultattiv ad hoc;

    (j)

    japprova r-rapport annwali tal-attività, inkluż in-nefqa korrispondenti;

    (k)

    jagħmel l-arranġamenti kif adatt għall-istabbiliment ta’ kapaċità tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta BBI;

    (l)

    japprova s-sejħiet kif ukoll, fejn adatt, ir-regoli relatati għall-preżentazzjoni, l-evalwazzjoni, l-għażla, l-għotjiet u l-proċeduri ta’ reviżjoni;

    (m)

    japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għall-finanzjament abbażi tal-lista ta’ klassifika maħruġa minn grupp ta’ esperti indipendenti;

    (n)

    jistabbilixxi l-politika ta’ komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta BBI fuq rakkomandazzjoni mid-Direttur Eżekuttiv;

    (o)

    fejn adatt, jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament;

    (p)

    fejn adatt, jistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali lill-Impriża Konġunta BBI u dwar l-użu ta’ persuni li qed jitħarrġu skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

    (q)

    fejn adatt, jistabbilixxi gruppi konsultattivi minbarra l-korpi tal-Impriża Konġunta BBI;

    (r)

    fejn adatt, jippreżenta lill-Kummissjoni talba biex ikun emendat dan ir-Regolament proposta minn membru tal-Impriża Konġunta BBI;

    (s)

    ikun responsabbli minn kwalunkwe kompitu li mhuwiex speċifikament allokat lil korp partikolari tal-Impriża Konġunta BBI li huwa jista’ jassenja lil kwalunkwe wieħed minn dawk il-korpi;

    Artikolu 8

    Ħatra, tkeċċija jew estensjoni tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv

    1.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija minn lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni, wara proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tassoċja r-rappreżentazzjoni mill-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta BBI fil-proċedura ta’ għażla kif adatt.

    B’mod partikolari, għandha tiġi żgurata rappreżentazzjoni adatta mill-membri l-oħra tal-Impriża Konġunta BBI fl-istadju ta’ qabel l-għażla tal-proċedura tal-għażla. Għal dak il-għan, il-membri li mhumiex l-Unjoni, bi qbil komuni, għandhom jaħtru rappreżentant kif ukoll osservatur f’isem il-Bord ta’ Tmexxija.

    2.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Impriża Konġunta BBI taħt punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg.

    Bil-għan li jiġi konkluż il-kuntratt tad-Direttur Eżekuttiv, l-Impriża Konġunta BBI għandha tkun irrappreżentata mill-President tal-Bord ta’ Tmexxija.

    3.

    Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ tliet snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni, li tassoċja l-membri li mhumiex l-Unjoni kif adatt, għandha tagħmel evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Impriża Konġunta BBI.

    4.

    Il-Bord ta’ Tmexxija, fuq proposta tal-Kummissjoni li tieħu kont tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba, għal perijodu ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

    5.

    Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura ta’ għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu globali.

    6.

    Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitkeċċa biss b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni li tassoċja l-membri li mhumiex l-Unjoni kif adatt.

    Artikolu 9

    Kompiti tad-Direttur Eżekuttiv

    1.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli mit-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta BBI skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

    2.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Impriża Konġunta BBI. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrispondi lejn il-Bord ta’ Tmexxija.

    3.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Impriża Konġunta BBI.

    4.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu b’mod partikolari jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin b’mod indipendenti:

    (a)

    jipprepara u jippreżenta għall-adozzjoni l-abbozz tal-baġit annwali lill-Bord ta’ Tmexxija, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal relatat li jindika l-għadd ta’ postijiet temporanji f’kull grad u grupp ta’ funzjoni u l-għadd ta’ persunal kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti full-time;

    (b)

    jipprepara u jippreżenta għall-adozzjoni l-pjan ta’ ħidma annwali u l-estimi tan-nefqa relatati lill-Bord ta’ Tmexxija;

    (c)

    jippreżenta għall-opinjoni l-kontijiet annwali lill-Bord ta’ Tmexxija;

    (d)

    jipprepara u jippreżenta għall-approvazzjoni r-rapport annwali tal-attività, inkluż l-informazzjoni dwar in-nefqa relatata lill-Bord ta’ Tmexxija;

    (e)

    jippreżenta għall-approvazzjoni l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għall-finanzjament lill-Bord ta’ Tmexxija;

    (f)

    jinforma lill-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati u l-Kumitat Xjentifiku regolarment dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għar-rwol konsultattiv tagħhom;

    (g)

    jiffirma ftehimiet u deċiżjonijiet individwali;

    (h)

    jiffirma kuntratti ta’ akkwist;

    (i)

    jimplimenta l-politika ta’ komunikazzjoni tal-Impriża Konġunta BBI;

    (j)

    jorganizza, jidderieġi u jissorvelja l-operazzjonijiet u l-persunal tal-Impriża Konġunta BBI fil-limiti tad-delega mill-Bord ta’ Tmexxija kif previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament;

    (k)

    jistabbilixxi u jiżgura t-tħaddim ta’ sistema ta’ kontroll interna effettiva u effiċjenti u jirrapporta kwalunkwe bidla sinifikanti li ssirilha lill-Bord ta’ Tmexxija;

    (l)

    jiżgura li jitwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju;

    (m)

    jieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta BBI lejn l-ilħuq tal-għanijiet tagħha;

    (n)

    iwettaq kull kompitu ieħor fdat jew iddelegat lid-Direttur Eżekuttiv mill-Bord ta’ Tmexxija.

    5.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi Uffiċċju tal-Programm għall-eżekuzzjoni, taħt ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha, ta’ kull kompitu ta’ appoġġ li joħroġ minn dan ir-Regolament. L-Uffiċċju tal-Programm għandu jkun magħmul mill-persunal tal-Impriża Konġunta BBI u għandu b’mod partikolari jwettaq dawn il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi appoġġ għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ sistema ta’ kontabbiltà adatta skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta BBI;

    (b)

    jimmaniġġja s-sejħiet kif previst fil-pjan ta’ ħidma annwali u l-amministrazzjoni tal-ftehimiet u id-deċiżjonijiet, inkluż il-koordinazzjoni tagħhom;

    (c)

    jipprovdi lill-Membri u lill-korpi l-oħra tal-Impriża Konġunta BBI l-informazzjoni rilevanti kollha u l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex iwettqu dmirijiethom kif ukoll iwieġeb għat-talbiet speċifiċi tagħhom;

    (d)

    jaġixxi bħala s-segretarjat tal-korpi tal-Impriża Konġunta BBI u jipprovdi appoġġ lill-korpi konsultattivi stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija.

    Artikolu 10

    Kumitat Xjentifiku

    1.

    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn ħmistax-il membru. Huwa għandu jaħtar president minn fost il-membri tiegħu.

    2.

    Il-membri għandhom jirriflettu rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ esperti rikonoxxuti mad-dinja kollha mill-akkademja, l-industrija, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet non-governattivi u l-korpi regolatorji. Kollettivament, il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandu jkollhom il-kompetenzi xjentifiċi u l-għarfien meħtieġa li jkopru d-dominju tekniku meħtieġ biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza lill-Impriża Konġunta BBI.

    3.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla għall-kompożizzjoni tal-Kumitat Xjentifiku u għandu jaħtar il-membri tiegħu. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu f’kunsiderazzjoni l-kandidati potenzjali proposti mill-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati tal-BBI.

    4.

    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jagħti pariri dwar il-prijoritajiet xjentifiċi li għandhom ikunu indirizzati fil-pjani ta’ ħidma annwali;

    (b)

    jagħti pariri dwar il-kisbiet xjentifiċi spjegati fir-rapport annwali tal-attività.

    5.

    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena. Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President tiegħu.

    6.

    Bi qbil mal-President, il-Kumitat Xjentifiku jista’ jistieden persuni oħrajn jattendu l-laqgħat tiegħu.

    7.

    Il-Kumitat Xjentifiku għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    Artikolu 11

    Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati

    1.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu jkun magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru u ta’ kull pajjiż assoċjat ma’ Orizzont 2020. Huwa għandu jaħtar president minn fost il-membri tiegħu.

    2.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu jiltaqa’ mill-anqas darbtejn fis-sena. Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Id-Direttur Eżekuttiv u l-President tal-Bord ta’ Tmexxija u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jattendu l-laqgħat.

    Il-President tal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati jista’ jistieden persuni oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, b’mod partikolari rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali fl-Unjoni, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs.

    3.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu jiġi kkonsultat u, b’mod partikolari, jeżamina l-informazzjoni u jipprovdi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    progress tal-programm tal-Impriża Konġunta BBI u l-ksib tal-għanijiet tiegħu inkluż il-proċess tal-evalwazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u l-proposti;

    (b)

    aġġornament tal-orjentazzjoni strateġika;

    (c)

    rabtiet ma’ Orizzont 2020;

    (d)

    pjanijiet ta’ ħidma annwali;

    (e)

    involviment tal-SMEs.

    4.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu wkoll jipprovdi informazzjoni lill-Impriża Konġunta BBI u jaġixxi bħala interfaċċa fi ħdanha dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-istatus ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali rilevanti u l-identifikazzjoni ta’ oqsma potenzjali ta’ kooperazzjoni, inkluż il-mobilizzazzjoni ta’ teknoloġiji rilevanti, sabiex jippermettu s-sinerġiji u jevitaw sovrappożizzjonijiet;

    (b)

    miżuri speċifiċi meħuda fil-livell nazzjonali jew reġjonali fir-rigward ta’ avvenimenti ta’ disseminazzjoni, sessjonijiet ta’ ħidma tekniċi dedikati u attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

    (c)

    miżuri speċifiċi meħuda fil-livell nazzjonali jew reġjonali fir-rigward tal-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni fir-rigward tal-Inizjattiva BBI.

    5.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati jista’ joħroġ, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, rakkomandazzjonijiet jew proposti lill-Bord ta’ Tmexxija dwar kwistjonijiet tekniċi maniġerjali u finanzjarji kif ukoll dwar pjanijiet annwali, b’mod partikolari meta dawk il-kwistjonijiet jaffettwaw interessi nazzjonali jew reġjonali.

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jinforma mingħajr dewmien bla bżonn lill-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati bis-segwitu li jkun ta lil tali rakkomandazzjonijiet jew proposti, jew għandu jagħti r-raġunijiet fil-każ li ma jkunx ingħata segwitu għalihom.

    6.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu jirċievi informazzjoni b’mod regolari, fost l-oħrajn dwar il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta BBI, dwar l-eżitu ta’ kull sejħa għall-proposti u implimentazzjoni tal-proġetti, dwar sinerġiji ma’ programmi oħrajn rilevanti tal-Unjoni, u dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-BBI.

    7.

    Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    Artikolu 12

    Sorsi ta’ finanzjament

    1.

    L-Impriża Konġunta BBI għandha tiġi ffinanzjata b’mod konġunt mill-Unjoni u l-membri li mhumiex l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa f’installazzjonijiet u kontribuzzjonijiet li jikkonsistu mill-ispejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indirettu li mhumiex rimborżati mill-Impriża Konġunta BBI.

    2.

    L-ispejjeż amministrattivi tal-Impriża Konġunta BBI ma għandhomx jeċċedu l-EUR 58 500 000 u għandhom ikunu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji kondiviżi b’mod ugwali fuq bażi annwali bejn l-Unjoni u l-membri li mhumiex l-Unjoni. Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż amministrattivi ma tintużax, tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex tkopri l-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta BBI.

    3.

    L-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta BBI għandhom jiġu koperti permezz ta’:

    (a)

    kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

    (b)

    kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri li mhumiex l-Unjoni;

    (c)

    kontribuzzjonijiet in natura mill-membri li mhumiex l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti tagħhom li jikkonsistu mill-ispejjeż imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti li minnhom titnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta BBI u kwalunkwe kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk l-ispejjeż.

    4.

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-membri li mhumiex l-Unjoni l-Unjoni għall-ispejjeż operattivi msemmija fil-paragrafu 3(b) għandha tkun mill-anqas EUR 182 500 000 matul il-perijodu previst fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    5.

    Ir-riżorsi tal-Impriża Konġunta BBI imdaħħla fil-baġit tagħha għandhom ikunu magħmula mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż amministrattivi;

    (b)

    kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-ispejjeż operattivi;

    (c)

    kwalunkwe dħul iġġenerat mill-Impriża Konġunta BBI;

    (d)

    kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja, riżors u dħul ieħor.

    Kwalunkwe interess miġbur mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Impriża Konġunta BBI mill-membri tagħha għandu jitqies bħala d-dħul tagħha.

    6.

    Ir-riżorsi kollha tal-Impriża Konġunta BBI u l-attivitajiet tagħha għandhom ikunu ddedikati għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

    7.

    L-Impriża Konġunta BBI għandu jkollha s-sjieda tal-assi kollha ġġenerati minnha jew trasferiti lilha sabiex jinkisbu l-għanijiet tagħha.

    8.

    Ħlief meta l-Impriża Konġunta BBI tgħaddi minn proċess ta’ stralċ, kwalunkwe dħul żejjed fuq l-infiq ma għandux jitħallas lill-membri tal-Impriża Konġunta BBI.

    Artikolu 13

    Impenji finanzjarji

    L-impenji finanzjarji tal-Impriża Konġunta BBI ma għandhomx jeċċedu l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit mill-membri tagħha.

    Artikolu 14

    Sena finanzjarja

    Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

    Artikolu 15

    Ippjanar operattiv u finanzjarju

    1.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta għall-adozzjoni abozz ta’ pjan ta’ ħidma annwali lill-Bord ta’ Tmexxija, li għandu jinkludi pjan dettaljat tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, l-attivitajiet amministrattivi u l-l-estimi tan-nefqa relatati għas-sena li jmiss. L-abbozz ta’ pjan ta’ ħidma għandu jinkludi wkoll il-valur stmat tal-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru skont il-punt (c) tal-Artikolu 12(3) tal-Istatuti.

    2.

    Il-programm ta’ ħidma annwali għal sena partikolari għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena preċedenti. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun disponibbli pubblikament.

    3.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-abbozz tal-baġit annwali għas-sena segwenti u jippreżentah lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni.

    4.

    Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija sa tmiem is-sena preċedenti.

    5.

    Il-baġit annwali għandu jkun adattat biex jittieħed kont tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilit fil-baġit tal-Unjoni.

    Artikolu 16

    Rappurtar operattiv u finanzjarju

    1.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta kull sena lill-Bord ta’ Tmexxija dwar il-qadi tad-dmirijiet tad- Direttur Eżekuttiv skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta BBI.

    Fi żmien xahrejn mill-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni rapport annwali tal-attività dwar il-progress li jkun sar mill-Impriża Konġunta BBI fis-sena kalendarja preċedenti, b’mod partikolari b’rabta mal-pjan ta’ ħidma annwali għal dik is-sena. Ir-rapport annwali tal-attività għandu jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    riċerka, innovazzjoni u azzjonijiet oħra mwettqa u n-nefqa relatata;

    (b)

    l-azzjonijiet ippreżentati, inkluż analiżi skont it-tip ta’ parteċipant, inklużi l-SMEs, u skont il-pajjiż;

    (c)

    l-azzjonijiet magħżula għall-finanzjament, inkluż analiżi skont it-tip ta’ parteċipant, inklużi l-SMEs, u skont il-pajjiż u li tindika l-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta BBI lill-parteċipanti u l-azzjonijiet individwali.

    2.

    Meta jkun approvat mill-Bord ta’ Tmexxija, ir-rapport annwali tal-attività għandu jkun disponibbli pubblikament.

    3.

    Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabbltà tal-Impriża Konġunta BBI għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

    Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Impriża Konġunta BBI għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

    Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Impriża Konġunta BBI skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Impriża Konġunta BBI għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta BBI u d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

    Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Impriża Konġunta BBI.

    Sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja suċċessiva, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

    Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena finanzjarja suċċessiva.

    Sat-30 ta’ Settembru, id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet li jkunu saru fir-rapport annwali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu wkoll jippreżenta dik it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija.

    Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, f’konformità mal-Artikolu 165(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

    Artikolu 17

    Awditu intern

    L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-Impriża Konġunta BBI bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni.

    Artikolu 18

    Responsabbiltà tal-membri u assigurazzjoni

    1.

    Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-Impriża Konġunta BBI għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom li huma jkunu diġà għamlu għall-ispejjeż amministrattivi.

    2.

    L-Impriża Konġunta BBI għandha tieħu u żżomm assigurazzjoni adatta.

    Artikolu 19

    Kunflitt ta’ interess

    1.

    L-Impriża Konġunta BBI, il-korpi u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.

    2.

    Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta BBI għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri, il-korpi u l-persunal tagħha. Dawk ir-regoli għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi biex jiġi evitat xi kunflitt ta’ interess fir-rigward tar-rappreżentanti tal-membri li jservu fil-Bord ta’ Tmexxija.

    Artikolu 20

    Proċess ta’ stralċ

    1.

    Il-proċess ta’ stralċ tal-Impriża Konġunta BBI għandu jsir fi tmiem il-perijodu stipulat fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    2.

    Minbarra l-paragrafu 1, il-proċedura tal-proċess ta’ stralċ għandha tiskatta awtomatikament jekk l-Unjoni jew il-membri kollha li mhumiex l-Unjoni jirtiraw mill-Impriża Konġunta BBI.

    3.

    Bil-għan li jitmexxew il-proċeduri biex jinbeda l-proċess ta’ stralċ tal-Impriża Konġunta BBI, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandhom ikunu konformi mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

    4.

    Meta l-Impriża Konġunta BBI tkun għaddejja mill-proċess ta’ stralċ, l-assi tagħha għandhom jintużaw biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħha u n-nefqa relatata mal-proċess ta’ stralċ. Kwalunkwe eċċess għandu jitqassam fost il-membri fiż-żmien tal-proċess ta’ stralċ b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-Impriża Konġunta BBI. Kwalunkwe eċċess bħal dan imqassam lill-Unjoni għandu jitreġġa’ lura lill-baġit tal-Unjoni.

    5.

    Għandha tiġi stabbilita proċedura ad hoc li tiżgura l-ġestjoni adatta ta’ kwalunkwe ftehim konkluż jew deċiżjoni adottata mill-Impriża Konġunta BBI kif ukoll kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist li jkollu durata itwal mid-durata tal-Impriża Konġunta BBI.


    Top