EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0523

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 523/2014 tat- 12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' x'jikkostitwixxi l-korrispondenza mill-qrib bejn il-valur tal-bonds koperti ta' istituzzjoni u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 148, 20.5.2014, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/523/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/4


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 523/2014

tat-12 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni ta' x'jikkostitwixxi l-korrispondenza mill-qrib bejn il-valur tal-bonds koperti ta' istituzzjoni u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Qligħ jew telf fuq obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni li jirriżultaw minn bidliet fir-riskju tal-kreditu proprju, ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu inklużi bħala element tal-fondi proprji. Madankollu, f'mudelli kummerċjali bbażati fuq il-prinċipju tal-finanzjament bi tqabbil stretta jew tal-bilanċ, dik ir-regola ma tiġix applikata, fuq il-premessa li tnaqqis jew żieda fil-valur ta' obbligazzjoni hija paċuta kompletament bi tnaqqis jew żieda li jikkorrispondu magħhom fil-valur tal-assi, li miegħu dik l-obbligazzjoni hija kompletament imqabbla.

(2)

Huwa importanti li wieħed jistabbilixxi r-rekwiżiti biex jiġi ddeterminat jekk teżistix korrispondenza mill-qrib bejn obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni li tikkonsisti f'bond kopert kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-valur tal-assi tal-istituzzjoni sottostanti l-bonds koperti.

(3)

Għandha tkun riflessa korrispondenza mill-qrib fit-trattament fil-kontabilità ta' dawk il-bonds u s-self ipotekarju sottostanti, li mingħajrha, ma jkunx prudenti li jiġu rikonoxxuti qligħ u telf li jirriżultaw minn bidliet fir-riskju tal-kreditu proprju.

(4)

Opzjoni ta' konsenja tippermetti lill-mutwatarju jixtri lura l-bond koperta speċifika li tiffinanzja s-self epotekarju fis-suq u jwassal il-bond koperta lill-bank bħala prepagament bikri tas-self ipotekarju. B'konsegwenza tad-disponibbiltà ta' dik l-opzjoni għall-mutwatarju, il-valur ġust tas-self ipotekarju għandu dejjem ikun daqs il-valur ġust tal-bonds koperti li jiffinanzjaw dawk l-ipoteki. Dan jimplika li l-kalkolu tal-valur ġust tas-self ipotekarju għandu jinkludi l-valwazzjoni ġusta tal-opzjoni tal-konsenja integrata skont il-prassi stabbilita tas-suq.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(6)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bond koperta” tfisser bond kif imsemmija fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE.

(2)

“l-għażla tal-konsenja” tfisser il-possibilità li jinfeda s-self b'ipoteka billi jinxtara lura l-bond kopert bil-prezz tas-suq jew bil-valur nominali f'konformità mal-Artikolu 33(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Korrispondenza mill-Qrib

1.   Korrispondenza mill-qrib bejn il-valur ta' bond kopert u l-valur ta' assi tal-istituzzjoni għandha titqies li teżisti meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ġew issodisfati:

(a)

kwalunkwe bidla fil-valur ġust ta' bonds koperti maħruġa mill-istituzzjoni f'kull każ tirriżulta f'bidliet ugwali fil-valur ġust tal-assi sottostanti l-bonds koperti. Il-valur ġust għandu jiġi determinat skont il-qafas tal-kontabilità applikabbli kif definit fl-Artikolu 4(1)(77) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

is-self ipotekarju sottostanti l-bonds koperti maħruġa mill-istituzzjoni biex tiffinanzja s-self jista' fi kwalunkwe ħin jinfeda billi jinxtraw lura l-bonds koperti bil-prezz tas-suq jew bil-valur nominali bl-eżerċizzju tal-għażla tal-konsenja.

(c)

hemm mekkaniżmu trasparenti biex jiġi determinat il-valur ġust tas-self ipotekarju u tal-bonds koperti. Id-determinazzjoni tal-valur tas-self ipotekarju għandha tinkludi l-kalkolu tal-valur ġust tal-għażla tal-konsenja.

2.   Ma teżistix korrispondenza mill-qrib meta jirriżulta qligħ jew telf nett minn bidliet fil-valur, determinat skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kemm tal-bonds koperti kif ukoll tas-self b'ipoteka sottostanti bl-għażla tal-konsenja inkorporata.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(3)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top