Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0505

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2014 tal- 15 ta' Mejju 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kuluri tal-karamella (E 150a-d) fil-birra u fix-xarbiet tax-xgħir Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 145, 16.5.2014, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/505/oj

    16.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/32


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 505/2014

    tal-15 ta' Mejju 2014

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kuluri tal-karamella (E 150a-d) fil-birra u fix-xarbiet tax-xgħir

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Din il-lista tista' tiġi emendata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir talba għal dan.

    (3)

    Il-kuluri tal-karamella huma kuluri tal-ikel li fil-preżent huma approvati għall-użu u elenkati fl-Anness II tar- Regolament (KE) Nru 1333/2008. Din l-approvazzjoni tikkunsidra d-Dożi Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel fl-1987, 1990 u 1996.

    (4)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tat opinjoni fit-3 ta' Frar 2011 fir-rigward tar-rievalwazzjoni tas-sikurezza tal-kuluri tal-karamella bħala addittivi tal-ikel (3). F'din l-opinjoni l-Awtorità stabbiliet grupp ADI ta' 300 mg/kg piż tal-ġisem/kuljum. F'dan il-grupp ADI, ġiet stabbilita ADI individwali ta' 100 mg/kg piż tal-ġisem/kuljum għal E 150c karamella tal-ammonja. L-Awtorità kkonkludiet li l-esponiment antiċipat fid-dieta tat-tfal u tal-adulti jista' jaqbeż l-ADIs għall-karamella ordinarja (E 150a), karamella tal-ammonja (E 150c) u karamella tal-ammonja tas-sulfit (E 150d).

    (5)

    Fit-3 ta' Diċembru 2012, l-Awtorità ħarġet dikjarazzjoni fejn fiha pprovdiet valutazzjoni aktar fil-fond dwar l-esponiment għall-kuluri tal-karamella E 150a, E 150c u E 150d u kkonkludiet li l-esponiment antiċipat fid-dieta kien konsiderevolment inqas minn dak stmat fl-opinjoni preċedenti (4). Madankollu, l-Awtorità kkonkludiet li t-trabi li telqu jimxu u l-adulti xorta waħda setgħu jaqbżu l-ADI għall-karamella tal-ammonja (E 150c). Filwaqt li l-ADI nqabeż biss fi ftit (6 %) fil-livelli għolja fi trabi li telqu jimxu fi Stat Membru wieħed, fl-adulti, l-ADI nqabeż b'5-51 % f'ħames Stati Membri. Wara li kkunsidraw l-informazzjoni nazzjonali aktar fid-dettall dwar l-użi reali tal-karamella tal-ammonja (E 150c), l-Istati Membri kkonċernati wrew li l-konsum attwali huwa inqas b'mod sinifikanti. Madankollu, peress li l-birra hija l-kontributur ewlieni tal-esponiment fl-adulti, huwa xieraq li l-kundizzjonijiet tal-użu jiġu emendati u jiġu stabbiliti l-livelli massimi tal-użu għall-karamella tal-ammonja (E 150c) fis-subkategorija tal-ikel 14.2.1 “Birra u xarbiet tax-xgħir” sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

    (6)

    Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-livelli massimi għall-kuluri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet tal-prinċipju koloranti li jinsabu fil-preparazzjoni koloranti sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor. Madankollu, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-kuluri tal-karamella fil-prodotti tal-ikel minħabba n-natura kumplessa u l-għarfien limitat tal-kompożizzjoni kimika tagħhom. Għaldaqstant, huma u jwettqu l-kontrolli uffiċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaħsbu biex jivverifikaw ukoll il-livell ta' 2-acetil- 4-tetraidrossi-butilimidażol, jiġifieri l-impurità li tista' tiġi ddeterminata b'mod analtiku u li ġiet ikkunsidrata meta ġiet stabbilita ADI individwali għall-karamella tal-ammonja (E 150c).

    (7)

    Fl-4 ta' Ġunju 2013 saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-kuluri tal-karamella (E 150a-d) fix-xarbiet tax-xgħir u din saret disponibbli għall-Istati Membri, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (8)

    Il-birra mhijiex definita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u d-definizzjonijiet nazzjonali jvarjaw fost l-Istati Membri. Konsegwentement, prodott partikolari kklassifikat bħala birra fi Stat Membru wieħed jista' jkun ikklassifikat bħala xarba tax-xgħir fi Stat Membru ieħor. Billi hemm bżonn teknoloġiku għall-kuluri tal-karamella (E 150a-d) fix-xarbiet tax-xgħir u l-użu tal-kuluri tal-karamella huwa awtorizzat biss fil-birra, is-sitwazzjoni attwali għandha impatt negattiv fuq is-suq intern u qed tfixkel il-moviment ħieles ta' dawn il-prodotti. Għaldaqstant, huwa xieraq li din is-sitwazzjoni titranġa.

    (9)

    Il-karatteristika komuni tax-xarbiet tax-xgħir hija n-nuqqas tax-xgħir bħala tali fil-prodott finali u s-similaritajiet li hemm mal-birer f'dak li jikkonċerna t-teknoloġija u l-bżonn tal-addittivi tal-ikel. Hemm bżonn li l-kuluri tal-karamella jerġgħu jġibu lura kulur konsistenti liema ġie affettwat mill-proċessi tal-produzzjoni, u/jew jgħinu biex ix-xarbiet tax-xgħir magħmula minn xgħir jiġbdu aktar l'għajn. Ix-xgħir inkaljat ma jistax jintuża biex jipprovdi l-kulur skur minħabba li dan jagħti togħma qawwija li mhijiex adegwata għal dawn il-prodotti.

    (10)

    Ix-xarbiet tax-xgħir huma prodotti niċċa li jipprovdu alternattiva għall-prodotti li fihom l-użu tal-kuluri huwa fil-preżent awtorizzat (jiġifieri birer u xarbiet aromatizzanti). Għaldaqstant, mhuwiex mistenni li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-kuluri tal-karamella fix-xarbiet tax-xgħir ikollha impatt sinifikanti fuq l-esponiment totali għall-kuluri tal-karamella.

    (11)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta tali aġġornament ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-estensjoni tal-użu tal-kuluri tal-karamella (E 150a-d) fix-xarbiet tax-xgħir tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma tħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità.

    (12)

    Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  EFSA Journal 2011; 9(3):2004.

    (4)  EFSA Journal 2012; 10(12):3030.


    ANNESS

    Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fis-subkategorija tal-ikel 14.2.1 “Birra u xarbiet tax-xgħir”, l-annotazzjoni għal E 150a-d hija sostitwita b'dan li ġej:

     

    “E 150a,b,d

    Karamella ordinarja, karamella tas-sulfit kawstiku u karamella tal-ammonja tas-sulfit

    quantum satis

     

     

     

    E 150c

    Karamella tal-ammonja

    6 000

     

     

     

    E 150c

    Karamella tal-ammonja

    9 500

     

    ‘Bière de table/Tafelbier/Table beer’ (b'kontenut oriġinali ta' estratt tax-xgħir inqas minn 6 %) biss; Brown ale, porter, stout u old ale”


    Top