EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0489

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 489/2014 tat- 12 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le

ĠU L 138, 13.5.2014, p. 80–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/489/oj

13.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/80


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 489/2014

tat-12 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-miżuri nżammu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001 (3) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 (4).

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 400/2010 (5), il-Kunsill estenda d-dazju tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament, ċerti produtturi esportaturi Koreani kienu eżentati minn dawn il-miżuri estiżi.

(3)

Il-miżuri li attwalment huma fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 (6) dwar importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif hu estiż, fost l-oħrajn, għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea sew jekk iddikjarati li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, kif emendat mir-Regolament ta' Implimenazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 558/2012 (7) (“il-miżuri fis-seħħ”).

B.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-bidu

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata minn Line Metal Co. Ltd (“Line Metal”), produttur fir-Repubblika tal-Korea, u kkonċernat il-possibbiltà li Line Metal tingħata eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ.

(5)

Wara li eżaminat l-evidenza ppreżentata minn Line Metal u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, u wara li l-industrija tal-Unjoni ngħatat l-opportunità li tikkummenta, fit-28 ta' Awwissu 2013 il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tar-rieżamipermezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 806/2013 (8) (“ir-Regolament tal-bidu”).

(6)

Ir-Regolament tal-bidu rrevoka d-dazju tal-anti-dumping impost permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 fir-rigward tal-importazjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea u prodott minn Line Metal. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-bidu wassal lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw tali importazzjonijiet skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

2.   Il-prodott rieżaminat

(7)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa ħbula u kejbils tal-azzar, inklużi ħbula koljaturi maqfulin, esklużi ħbula u kejbils tal-istainless steel, b'dimensjoni trasversali massima ta' aktar minn 3 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le (“il-prodott rieżaminat”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex7312 10 81, ex 7312 10 83, ex7312 10 85, ex7312 10 89 u ex7312 10 98 (kodiċi TARIC 7312108113, 7312108313, 7312108513, 7312108913 u 7312109813).

3.   Il-perjodu tar-rapportar

(8)

Il-perjodu tar-rapportar kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013. Id-dejta nġabret mill-2008 sat-tmiem tal-perjodu tar-rapportar biex tkun investigata kull bidla fix-xejra tal-kummerċ.

4.   L-investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lil-Line Metal kif ukoll lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Korea dwar il-bidu tar-rieżami. Il-partijiet interessati ġew imħeġġa biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu smigħ. Tali talba ma saritx.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil-Line Metal u rċeviet risposta fiż-żmien ta' skadenza stipulat. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għall-iskopijiet tar-rieżami. Iż-żjarat ta' verifika twettqu fil-bini tal-Line Metal.

C.   IS-SEJBIET

(11)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-Line Metal ma kienet relatata mal-ebda esportatur jew produttur Ċiniż soġġett għall-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ u li ma kinitx esportat il-prodott rieżaminat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għall-investigazzjoni kontra l-evażjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri l-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009. L-ewwel esportazzjonijiet tal-prodott tal-Line Metal li qed jiġi rieżaminat seħħew sussegwentement għall-estensjoni ta' miżuri għar-Repubblika tal-Korea.

(12)

L-attivitajiet ta' pproċessar tal-Line Metal jistgħu jiġu kkunsidrati bħala operazzjoni ta' tlestija u mmuntar skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Line Metal tixtri vireg tal-wajer tal-azzar prodott lokalment iżda timporta wkoll vireg tal-wajer tal-azzar mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiġu sussegwentement estrużi, mibrumin flimkien u miksija fil-bini tagħha fir-Repubblika tal-Korea. Il-prodott finali jinbiegħ lokalment u jiġi esportat lejn l-Unjoni.

(13)

Matul il-perjodu ta' rapportar, il-materja prima ta' oriġini Ċiniża kienet tikkostitwixxi aktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali. Għal din ir-raġuni kellu jitwettaq it-test tal-valur miżjud skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Dan it-test wera li l-valur miżjud mal-partijiet importati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul l-operazzjoni tal-immuntar u t-tlestija, huwa akbar minn 25 % tal-kostijiet tal-manifattura. Għalhekk, l-attivitajiet ta' produzzjoni tal-Line Metal ma nstabux li jinvolvu l-evażjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(14)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-Line Metal ma kinitx qed tixtri l-prodott finali rieżaminat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jerġa' jinbiegħ jew jiġi ttrażbordat għall-Unjoni u li l-kumpanija tista' tiġġustifika l-esportazzjonijiet kollha tagħha matul il-perjodu ta' rapportar.

(15)

Fid-dawl tas-sejbiet deskritti fil-premessi minn (11) sa (14), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Line Metal mhix qed tevadi l-miżuri fis-seħħ ta' antidumping fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż, fost l-oħrajn, għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinnati mir-Repubblika tal-Korea kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le.

(16)

Is-sejbiet ta' hawn fuq kienu żvelati lil-Line Metal u lill-Industrija tal-Unjoni, li ngħataw l-opportunità li jgħaddu xi kummenti. Il-kummenti milqugħa ġew ikkunsidrati fejn xieraq,

D.   MODIFIKA TAL-LISTA TA' KUMPANIJI LI JIBBENIFIKAW MINN EŻENZJONI MILL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(17)

Skont is-sejbiet ta' hawn fuq, il-kumpanija Line Metal għandha tiżdied mal-lista tal-kumpaniji li huma eżenti mid-dazju tal-anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012.

(18)

Kif stipulat fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 400/2010, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għandha tkun bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jiġu ppreżentati b'fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' dak ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tkun ippreżentata, id-dazju tal-anti-dumping għandu jibqa' japplika.

(19)

L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar prodotti minn Line Metal ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet tar-rieżami preżenti. L-eżenzjoni hija għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinnati mir-Repubblika tal-Korea u prodotti mill-entità ġuridika speċifika msemmija hawn fuq. Ħbula u kejbils tal-azzar importati, prodotti minn kull kumpanija li mhijiex imsemmija b'mod speċifiku fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012, kif emendat, bl-isem tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma għandhomx jibbenifikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwa kif imposta minn dak ir-Regolament.

(20)

Ir-rieżami intiż għall-parteċipanti l-ġodda għandu jintemm u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012, kif emendat, għandu jkun emendat biex jinkludi l-Line Metal fit-tabella stabbilita fl-Artikolu 1(4) tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella stabbilita fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 558/2012, hija mibdula mit-tabella li ġejja:

“Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi TARIC addizzjonali

Ir-Repubblika tal-Korea

Bosung Wire Rope Co., Ltd, 568,Yongdeok-ri, Hallim-myeon, Gimae-si, Gyeongsangnam-do, 621-872

A969

Chung Woo Rope Co., Ltd, 1682-4, Songjung-Dong, Gangseo-Gu, Busan

A969

CS Co., Ltd, 287-6 Soju-Dong Yangsan-City, Kyoungnam

A969

Cosmo Wire Ltd, 4-10, Koyeon-Ri, Woong Chon-Myon Ulju-Kun, Ulsan

A969

Dae Heung Industrial Co., Ltd, 185 Pyunglim — Ri, Daesan-Myun, Haman — Gun, Gyungnam

A969

DSR Wire Corp., 291, Seonpyong-Ri, Seo-Myon, Suncheon-City, Jeonnam

A969

Kiswire Ltd, 20th Fl. Jangkyo Bldg, 1, Jangkyo-Dong, Chung-Ku, Seoul

A969

Line Metal Co. Ltd, 1259 Boncho-ri, Daeji-Myeon, Changnyeong-gun, Gyeongnam

B926

Manho Rope & Wire Ltd, Dongho Bldg, 85-2 4 Street Joongang-Dong, Jong-gu, Busan

A969

Seil Wire and Cable, 47-4, Soju-Dong, Yangsan-Si, Kyungsangnamdo

A994

Shin Han Rope Co., Ltd, 715-8, Gojan-Dong, Namdong-gu, Incheon

A969

Ssang YONG Cable Mfg. Co., Ltd, 1559-4 Song-Jeong Dong, Gang-Seo Gu, Busan

A969

Young Heung Iron & Steel Co., Ltd, 71-1 Sin-Chon Dong,Changwon City, Gyungnam

A969 ”

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 806/2013. Ebda dazju tal-antidumping mhu se jinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati b'dan il-mod.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 tat-12 ta' Awwissu 1999 li jimponi dazju anti-dumping definittiv, u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, il-Messiku, il-Polonja, l-Afrika t'Isfel u mill-Ukraina u li jtemm il-proċeduri legali kontra anti-dumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001 tat-2 ta' Awwissu 2001 l-impożizzjoni ta' taxxa definittiva kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tat-taxxa proviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta' ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU L 211, 4.8.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 tat-8 ta' Novembru 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ħbula tal-azzaru kejbils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel u l-Ukraina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 400/2010 tas-26 ta' April 2010 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 fuq l-importazzjonijiet ta' ħbula tal-azzar u kejbils tal-azzar li ġejjin, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' ħbula tal-azzar u kejbils ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Malasja (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 tas-27 ta' Jannar 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Ukraina kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mibgħutin mill-Marokk, mill-Moldova u mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni tal-iskadenza li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li ġejjin mill-Afrika t'Isfel skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 36, 9.2.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 558/2012 tas-26 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li ġejjin mir-Repubblika tal-Korea sew jekk le (ĠU L 168, 28.6.2012, p. 3).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 806/2013 tas- 26 ta' Awwissu 2013 li jagħti bidu għal reviżjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif esstiż għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkunsinjati minn, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil esportatur Korean wieħed, u li jirrevoka d-dazju anti-dumping eżistenti dwar l-importazzjonijiet minn dak l-esportatur u li dawk l-importazzjonijiet jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjon (ĠU L 228, 27.8.2013, p. 1).


Top