Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0456

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 456/2014 tad- 29 ta' April 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 133, 6.5.2014, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/456/oj

    6.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 133/33


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 456/2014

    tad-29 ta' April 2014

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikati fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2014.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Prodott (l-hekk imsejjaħ “sett ta' sokit ikkontrollat b'mod remot”) f'pakkett li għandu żewġ swiċċijiet b'kontroll remot u apparat ta' kontroll mill-bogħod.

    Kull swiċċ ikkontrollat b'mod remot jinsab f'qafas individwali li jikkonsisti minn plakka, sokit, buttuna għat-tagħlim, swiċċ u riċevitur tar-radju u huwa mfassal għal vultaġġ ta' 230 V u kurrent massimu ta' 10 A.

    Il-buttuna għat-tagħlim tintuża għall-identifikazzjoni bejn is-swiċċ u l-kontroll mill-bogħod. Tista' wkoll tintuża bħala swiċċ manwali.

    L-apparat ta' kontroll remot jaħdem f'medda ta' frekwenza ta' trażmissjoni ta' 433,05–434,79 MHz fuq distanza ta' madwar 30 m u jikkontrolla ż-żewġ swiċċijiet b'mod indipendenti minn xulxin.

    Il-prodott jintuża biex tagħmir mqabbad mas-sokit jixgħel u jintefa b'kontroll remot.

    8536 50 80

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċi 8536 , 8536 50 u 8536 50 80 .

    L-apparat ta' kontroll remot jikkontrolla l-iswiċċijiet b'mod indipendenti minn xulxin. Konsegwentament, il-prodott ma jistax jitqies bħala unità funzjonali fit-tifsira tan-nota 4 għat-Taqsima XVI peress li l-komponenti individwali ma jikkontribwixxux flimkien għal funzjoni definita b'mod ċar.

    Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-funzjoni tal-prodott hija biex biex tagħmir mqabbad mas-sokit jixgħel u jintefa b'kontroll remot. Klassifikazzjoni skont it-titlu 8526 bħala apparat ta' kontroll remot hija b'hekk eskluża.

    Peress li l-prodott jintuża bħala swiċċijiet kkontrollati b'mod remot, il-plakka u s-sokit jitqiesu komponenti inerenti meħtieġa għat-tħaddim tiegħu. Konsegwentament il-klassifikazzjoni taħt is-sottointestatura 8536 69 90 bħala plakek u sokits hija eskluża.

    Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8536 50 80 bħala swiċċijiet għal vultaġġ li jaqbeż 60 V.


    Top