EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0452

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad- 29 ta' April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/04/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/452/oj

6.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 452/2014

tad-29 ta' April 2014

li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-operaturi ta' pajjiżi terzi involuti fl-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru ta' inġenji tal-ajru għandhom ikunu konformi mal-istandards rilevanti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 ma japplikax għal operaturi ta' pajjiżi terzi li jtiru fuq territorju li huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeħtieġ li sal-punt li ma jkunx hemm standards ICAO rilevanti, l-operaturi ta' pajjiżi terzi jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Annessi I, III, IV u, jekk ikun applikabbli, fl-Anness Vb tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, sakemm dawn ir-rekwiżiti ma jkunux f'kunflitt mad-drittijiet tal-pajjiżi terzi skont il-konvenzjonijiet internazzjonali.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jitlob li Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn 'il quddiem tissejjaħ “l-Aġenzija”) toħroġ awtorizzazzjonijiet u tissorvelja kontinwament l-awtorizzazzjonijiet li tkun ħarġet. L-awtorizzazzjoni hija prerekwiżit fil-proċess tal-kisba ta' permess ta' operat jew dokument ekwivalenti mill-Istat Membru tal-UE rispettiv skont il-Ftehimiet tas-Servizzi tal-Ajru bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi.

(5)

Għall-fini tal-awtorizzazzjonijiet inizjali u tal-monitoraġġ kontinwu, l-Aġenzija għandha twettaq valutazzjonijiet u għandha tieħu kull miżura biex tevita l-kontinwazzjoni ta' ksur.

(6)

Il-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-operaturi ta' pajjiżi terzi għandu jkun sempliċi, proporzjonat, kosteffikaċi, effiċjenti u jqis ir-riżultati tal-Programm Universali tal-Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza tal-ICAO, l-ispezzjonijiet tar-rampa u informazzjoni oħra rikonoxxuta dwar l-aspetti tas-sikurezza fir-rigward tal-operaturi ta' pajjiżi terzi.

(7)

Il-valutazzjonijiet tal-operaturi ta' pajjiżi terzi għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistgħu jinkludu awditjar fuq il-post tal-bini tal-operatur. Għall-fini li titneħħa s-sospensjoni ta' awtorizzazzjoni, l-Aġenzija tista' tikkunsidra li twettaq awditjar tal-operatur ta' pajjiż terz.

(8)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u livell għoli ta' sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni Ewropea, il-miżuri ta' implimentazzjoni għandhom jikkunsidraw il-prattiki ta' rakkomandazzjoni u d-dokumenti gwida miftiehma taħt il-patroċinju tal-ICAO.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi pprovdut żmien suffiċjenti għall-industrija tal-ajrunawtika u l-amministrazzjoni tal-Aġenzija biex tadatta għal qafas regolatorju ġdid u biex taħt ċerti kundizzjonijiet tirrikonoxxi l-permessi ta' operat jew id-dokumenti ekwivalenti maħruġa minn Stat Membru biex jaħdem lejn, ġewwa jew barra t-territorju tiegħu.

(10)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ħejjiet abbozz ta' regoli ta' implimentazzjoni u ressqithom bħala opinjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma kompatibbli mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Ir-Regolament stabbilixxa regoli ddettaljati għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta' pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 involuti f'operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn, ġewwa jew barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inkluż il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emenda, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom, il-privileġġi u r-responsabbilitajiet tad-detenturi tal-awtoritazzazzjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom l-operazzjonijiet għandhom jiġu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1.

“Mezzi ta' konformità alternattivi” huma dawk li jipproponu alternattiva għal Mezz Aċċettabbli ta' Konformità jew dawk li jipproponu mezzi ġodda biex tiġi stabbilita konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regoli ta' Implimentazzjoni li għalihom l-Aġenzija ma tkun adottat l-ebda Mezz Aċċettabbli ta' Konformità assoċjat.

2.

“Operazzjoni tat-trasport kummerċjali bl-ajru (CAT)” tfisser operazzjoni b'inġenju tal-ajru biex jiġu ttrasportati passiġġieri, merkanzija jew posta bi ħlas jew għal oġġett ta' valur.

3.

“Titjira” tfisser tluq minn ajrudrom speċifikat lejn ajrudrom ta' destinazzjoni speċifikat.

4.

“Operatur ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe operatur li jkollu ċertifikat tal-operatur tal-ajru maħruġ minn pajjiż terz.

Artikolu 3

Awtorizzazzjonijiet

L-operaturi ta' pajjiżi terzi għandhom iwettqu biss operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn, ġewwa jew barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jekk ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 1 u jekk ikollhom awtorizzazzjoni maħruġa mill-Aġenzija skont l-Anness 2 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri li mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament qed joħorġu permessi ta' operat jew dokumenti ekwivalenti lil operaturi ta' pajjiżi terzi skont il-liġi nazzjonali tagħhom għandhom ikomplu jagħmlu dan. L-operaturi tal-pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw mal-kamp ta' applikazzjoni u mal-privileġġi ddefiniti fil-permess jew fid-dokument ekwivalenti mogħti mill-Istat Membru sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni skont l-Anness 2 ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija dwar il-ħruġ ta' tali permessi ta' operat jew ta' dokumenti ekwivalenti.

Wara d-data, li fiha l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni għall-operatur ta' pajjiż terz rilevanti, jew wara perjodu massimu ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, liema minnhom tiġi qabel, l-Istat Membru ma għandux jibqa' jwettaq valutazzjoni tas-sikurezza ta' dak l-operatur ta' pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali tagħhom meta joħroġ permessi ta' operat.

3.   L-operaturi ta' pajjiżi terzi li fid-data tad-dħul fis-seħħ ikollhom permess ta' operat jew dokument ekwivalenti, għandhom jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-Aġenzija sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. L-applikazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar kwalunkwe permess ta' operat mogħti minn Stat Membru.

4.   Meta tirċievi applikazzjoni, l-Aġenzija għandha tivvaluta l-konformità tal-operatur minn pajjiż terz mar-rekwiżiti applikabbli. Il-valutazzjoni għandha titlesta sa mhux aktar tard minn tletin xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta l-14 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' lista komunitarja ta' kumpanniji ta l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta' operar fil-komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15).


ANNESS 1

PARTI-TCO

OPERATURI TA' PAJJIŻI TERZI

TAQSIMA I

Rekwiżiti ġenerali

TCO.100   Kamp ta' applikazzjoni

Dan l-Anness (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ “Parti-TCO”) jistabbilixxi rekwiżiti li għandhom jiġu segwiti minn operatur ta' pajjiż terz li jwettaq operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn, ġewwa jew barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

TCO.105   Mezzi ta' konformità

(a)

Jistgħu jintużaw mezzi ta' konformità alternattivi għall-Mezz Aċċettabbli ta' Konformità adottati mill-Aġenzija minn operatur ta' pajjiż terz biex tiġi stabbilita konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 (1) u mal-Parti-TCO.

(b)

Meta operatur ta' pajjiż terz soġġett għal awtorizzazzjoni jkun jixtieq juża mezz ta' konformità alternattiv għall-Mezz Aċċettabbli ta' Konformità adottat mill-Aġenzija biex tiġi stabbilita konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mal-Parti-TCO, qabel ma jimplimentah, huwa għandu jipprovdi lill-Aġenzija deskrizzjoni sħiħa tal-mezz ta' konformità alternattiv. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi kwalunkwe reviżjoni fil-manwali jew fil-proċeduri li jistgħu jkunu rilevanti, kif ukoll valutazzjoni li turi li r-Regoli ta' Implimentazzjoni ġew issodisfati.

L-operatur ta' pajjiż terz jista' jimplimenta dawn il-mezzi ta' konformità alternattivi soġġett għall-approvazzjoni minn qabel mill-Aġenzija u mal-wasla tan-notifika kif preskritt f'ART.105 fl-Anness 2 (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ “Parti-ART”).

TCO.110   Miżuri ta' mitigazzjoni

(a)

Meta l-Istat tal-operatur jew l-Istat tar-reġistrazzjoni jkunu nnotifikaw id-differenzi fir-rigward tal-istandards tal-ICAO li jkunu ġew identifikati mill-Aġenzija skont ART.200(d) fil-Parti-ART, l-operatur ta' pajjiż terz jista' jipproponi miżuri ta' mitigazzjoni biex jistabbilixxi konformità mal-Parti-TCO.

(b)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu juri lill-Aġenzija li dawn il-miżuri jiżguraw livell ekwivalenti ta' sikurezza bħal dak milħuq mill-istandard li fir-rigward tiegħu jkunu ġew innotifikati d-differenzi.

TCO.115   Aċċess

(a)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li kwalunkwe persuna awtorizzata mill-Aġenzija jew l-Istat Membru li fih wieħed mill-inġenji tal-ajru tiegħu jkun wettaq inżul, tingħata permess biex titla' abbord inġenju tal-ajru bħal dan, fi kwalunkwe ħin, b'notifika minn qabel jew anki mingħajrha biex:

(1)

tispezzjona d-dokumenti u l-manwali li għandhom jinġarru abbord u twettaq spezzjonijiet biex tiżgura l-konformità mal-Parti-TCO; jew

(2)

twettaq spezzjoni tar-rampa kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (2).

(b)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li kwalunkwe persuna awtorizzata mill-Aġenzija tingħata aċċess għal kwalunkwe waħda mill-faċilitajiet jew dokumenti relatati mal-attivitajiet tiegħu, inklużi attivitajiet sottokuntrattati, biex jistabbilixxi konformità mal-Parti-TCO.

TAQSIMA II

Operazzjonijiet bl-ajru

TCO.200   Rekwiżiti ġenerali

(a)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jikkonforma ma':

(1)

l-istandards applikabbli li huma inklużi fl-Annessi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Avjazzjoni Ċivili, b'mod partikolari l-Annessi 1 (Għoti tal-liċenzji tal-persunal), 2 (Regoli tal-Ajru), 6 (Operat tal-Inġenji tal-Ajru, il-Parti I (Trasport Kummerċjali Internazzjonali bl-Ajru — Ajruplani) jew il-Parti III (Operazzjonijiet Internazzjonali — Ħelikopters)) skont kif ikun applikabbli, 8 (Ajrunavigabbiltà tal-Inġenji tal-Ajru), 18 (Oġġetti Perikolużi) u 19 (Ġestjoni tas-Sikurezza);

(2)

il-miżuri ta' mitigazzjoni aċċettati mill-Aġenzija skont ART.200(d);

(3)

ir-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-TCO; kif ukoll

(4)

ir-regoli applikabbli tal-UE dwar l-ajru.

(b)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li inġenju tal-ajru li jkun operat lejn, ġewwa jew barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jitħaddem skont:

(1)

iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tiegħu (air operator certificate — AOC) u l-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet assoċjati; kif ukoll

(2)

l-awtorizzazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament u l-kamp ta' applikazzjoni u l-privileġġi ddefiniti fl-ispeċifikazzjonijiet marbuta miegħu.

(c)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li inġenju tal-ajru operat lejn, ġewwa jew barra mill-UE jkollu ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà (CofA) maħruġ jew ivvalidat minn:

(1)

l-Istat tar-reġistrazzjoni; jew

(2)

l-Istat tal-operatur, sakemm l-Istat tal-operatur u l-Istat tar-reġistrazzjoni jkunu daħlu fi ftehim skont l-Artikolu 83bis tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħruġ taċ-ċertifikat CofA.

(d)

L-operatur ta' pajjiż terz għandu, mat-talba, jipprovdi lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-verifika tal-konformità mal-Parti-TCO.

(e)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-operatur ta' pajjiż terz għandu mingħajr dewmien mhux dovut jirrapporta lill-Aġenzija dwar kwalunkwe aċċident kif iddefinit fl-Anness 13 tal-ICAO, li jinvolvi inġenji tal-ajru użati skont iċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tiegħu.

TCO.205   Tagħmir tan-navigazzjoni, tal-komunikazzjoni u tas-sorveljanza

Meta jwettaq titjiriet fi ħdan l-ispazju tal-ajru 'l fuq mit-territorju li għalih japplika t-Trattat, l-operatur ta' pajjiż terz għandu jarma l-inġenju tal-ajru tiegħu b'dan it-tagħmir tan-navigazzjoni, tal-komunikazzjoni u tas-sorveljanza u għandu jħaddmu kif meħtieġ f'dak l-ispazju tal-ajru

TCO.210   Dokumenti, manwali u rekords li għandhom jinġarru

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li d-dokumenti, il-manwali u r-rekords kollha li huma meħtieġa li jinġarru abbord ikunu validi u aġġornati.

TCO.215   Produzzjoni ta' dokumentazzjoni, manwali u rekords

Fi żmien raġonevoli mit-talba biex jagħmel hekk minn persuna awtorizzata mill-Aġenzija jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun wettaq l-inżul l-inġenju tal-ajru, il-bdot fil-kmand għandu jipproduċi lil dik il-persuna d-dokumentazzjoni, il-manwali u r-rekords meħtieġa li jinġarru abbord.

TAQSIMA III

Awtorizzazzjoni tal-operaturi ta' pajjiżi terzi

TCO.300   Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

(a)

Qabel il-bidu tal-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru skont din il-Parti, l-operatur ta' pajjiż terz għandu japplika għal awtorizzazzjoni mill-Aġenzija u jikbisbha.

(b)

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tiġi:

(1)

sottomessa mill-anqas 30 jum qabel id-data ta' bidu tal-operazzjoni ppjanata; kif ukoll

(2)

magħmula f'forma u manjiera stabbiliti mill-Aġenzija.

(c)

Mingħajr preġudizzju għall-ftehmiet bilaterali applikabbli, l-applikant għandu jipprovdi lill-Aġenzija bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta jekk l-operazzjoni ppjanata hux se titwettaq skont ir-rekwiżiti applikabbli ta' TCO.200(a). Din l-informazzjoni għandha tinkludi:

(1)

l-applikazzjoni kompluta kif suppost;

(2)

l-isem uffiċjali, l-isem tan-negozju, l-indirizz, l-indirizz postali tal-applikant;

(3)

kopja taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tal-applikant u l-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet assoċjati, jew dokument ekwivalenti, li jiċċertifika l-kapaċità tad-detentur li jwettaq l-operazzjonijiet ippjanati, maħruġa mill-Istat tal-operatur;

(4)

iċ-ċertifikat attwali tal-applikant ta' inkorporazzjoni jew ta' reġistrazzjoni tan-negozju jew dokument simili maħruġ mir-Reġistratur tal-Kumpaniji fil-post prinċipali tan-negozju;

(5)

id-data ta' bidu proposta, it-tip u ż-żoni ġeografiċi tal-operat.

(d)

Meta jkun meħtieġ, l-Aġenzija tista' titlob dokumentazzjoni, manwali jew approvazzjonijiet speċifiċi oħra maħruġa jew approvati mill-Istat tal-operatur jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni.

(e)

Għal dawk l-inġenji tal-ajru li mhumiex irreġistrati fl-Istat tal-operatur, l-Aġenzija tista' titlob:

(1)

dettalji dwar il-ftehim ta' kiri għal kull inġenju tal-ajru li jkun operat b'dan il-mod; kif ukoll

(2)

jekk ikun applikabbli, kopja tal-ftehim bejn l-Istat tal-operatur u l-Istat tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 83bis tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li tkopri l-inġenju tal-ajru.

TCO.305   Titjiriet mhux skedati — notifika ta' darba

(a)

B'deroga minn TCO.300(a) operatur minn pajjiż terz jista' jwettaq titjiriet tal-ambulanza bl-ajru jew titjira mhux skedata jew serje ta' titjiriet mhux skedati biex tingħeleb ħtieġa operattiva urġenti mhux imbassra u immedjata mingħajr ma l-ewwel tinkiseb awtorizzazzjoni, dejjem jekk l-operatur:

(1)

jinnotifika l-Aġenzija qabel id-data prevista tal-ewwel titjira f'għamla u manjiera stabbiliti mill-Aġenzija;

(2)

ma jkunx soġġett għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); kif ukoll

(3)

japplika għal awtorizzazzjoni fi żmien 10 ijiem wara d-data tan-notifika lill-Aġenzija skont TCO.300.

(b)

It-titjira/iet speċifikata/i fin-notifika preskritta f'(a)(1) tista' titwettaq/jistgħu jitwettqu għal perjodu massimu ta' sitt ġimgħat konsekuttivi wara d-data tan-notifika jew sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni skont il-Parti-ART, liema minnhom taħbat l-ewwel.

(c)

Notifika tista' titressaq minn operatur darba biss kull 24 xahar.

TCO.310   Privileġġi ta' detentur tal-awtorizzazzjoni

Il-privileġġi tal-operatur għandhom jiġu elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u ma għandhomx jaqbżu l-privileġġi mogħtija mill-Istat tal-operatur.

TCO.315   Bidliet

(a)

Kwalunkwe tibdil, barra minn dak miftiehem skont ART.210(c), li jaffettwa t-termini ta' awtorizzazzjoni jew ta' speċifikazzjonijiet assoċjati jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-Aġenzija.

(b)

L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Aġenzija għandha tiġi sottomessa minn operatur ta' pajjiż terz tal-anqas 30 jum qabel id-data tal-bidla ppjanata.

L-operatur ta' pajjiż terz għandu jipprovdi lill-Aġenzija bl-informazzjoni msemmija f'TCO.300, ristretta skont safejn tasal il-bidla.

Wara s-sottomissjoni ta' applikazzjoni għal bidla, l-operatur minn pajjiż terz għandu jiffunzjona skont il-kundizzjonijiet preskritti mill-Aġenzija skont ART.225(b).

(c)

Kull bidla li ma tkunx teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel, kif miftiehem skont ART.210(c), għandha tiġi nnotifikata lill-Aġenzija, qabel ma sseħħ il-bidla.

TCO.320   Validità kontinwata

(a)

L-awtorizzazzjoni għandha tibqa' valida soġġetta għal:

(1)

l-operatur ta' pajjiż terz jibqa' konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-TCO. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tas-sejbiet, kif speċfikat skont TCO.325, għandhom jitqiesu wkoll;

(2)

il-validità taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru jew ta' dokument ekwivalenti maħruġ mill-Istat tal-operatur u l-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet relatati, jekk ikunu applikabbli;

(3)

l-Aġenzija li tkun qiegħda tingħata aċċess għall-operatur ta' pajjiż terz kif speċifikat f'TCO.115;

(4)

l-operatur ta' pajjiż terz li ma jkunx soġġett għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005;

(5)

li ma tkunx ġiet ċeduta, sospiża jew revokata l-awtorizzazzjoni;

(6)

l-operatur ta' pajjiż terz ikun wettaq tal-anqas titjira kull 24 xahar kalendarju, lejn, ġewwa jew barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat skont l-awtorizzazzjoni.

(b)

Meta tiġi sospiża jew revokata, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata lura lill-Aġenzija.

TCO.325   Sejbiet

Wara l-wasla ta' notifika ta' sejbiet imqajma mill-Aġenzija skont ART.230, l-operatur ta' pajjiż terz għandu:

(a)

jidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità;

(b)

jistabbilixxi pjan ta' azzjoni korrettiva biex jindirizza l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità f'perjodu ta' żmien aċċettabbli u jissottomettih lill-Aġenzija;

(c)

juri implimentazzjoni ta' azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-Aġenzija fil-perjodu miftiehem mal-Aġenzija kif iddefinit f'ART.230(e)(1).


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva Nru 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 6/2013 tat-8 ta' Jannar 2013 (ĠU L 4, 9.1.2013, p. 34).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal- 5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta l-14 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' lista komunitarja ta' kumpanniji ta l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta' operar fil-komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15).


ANNESS 2

PARTI-ART

REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ RIGWARD L-AWTORIZZAZZJONI TA' OPERATURI TA' PAJJIŻI TERZI

TAQSIMA I

Ġenerali

ART.100   Kamp ta' applikazzjoni

Dan l-Anness (“Parti-ART”) jistabblixxi rekwiżiti amministrattivi li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri u l-Aġenzija b'mod speċifiku fir-rigward:

(a)

il-ħruġ, iż-żamma, il-bidla, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ta' pajjiżi terzi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru; kif ukoll

(b)

il-monitoraġġ ta' dawn l-operaturi.

ART.105   Mezzi ta' konformità alternattivi

L-Aġenzija għandha tivvaluta kull mezz ta' konformità alternattiv propost mill-operaturi ta' pajjiżi terzi skont TCO.105(b) billi tanalizza d-dokumentazzjoni pprovduta u, jekk ikun meqjus meħtieġ, twettaq spezzjoni tal-operatur ta' pajjiż terz.

Meta l-Aġenzija ssib li l-mezzi ta' konformità alternattivi huma skont il-Parti-TCO, għandha mingħajr dewmien żejjed tinnotifika lill-applikant li l-mezzi ta' konformità alternattivi jistgħu jiġu implimentati u, fejn ikun applikabbli, temenda l-awtorizzazzjoni tal-applikant skont dan.

ART.110   Skambju ta' informazzjoni

(a)

L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta:

(1)

tirrifjuta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;

(2)

timponi limitazzjoni minħabba tħassib marbut mas-sikurezza, tissospendi jew tirrevoka awtorizzazzjoni.

(b)

L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri bin-notifiki li rċeviet skont TCO.305 fi żmien jum tax-xogħol wara l-wasla tan-notifika.

(c)

L-Aġenzija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri lista aġġornata li jkun fiha l-awtorizzazzjonijiet li tkun ħarġet, illimitat, bidlet, issospendiet jew irrevokat.

(d)

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Aġenzija meta jkunu beħsiebhom jieħdu miżura skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

ART.115   Żamma tar-rekords

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta' żamma tar-rekords li tipprovdi ħażna xierqa, aċċessibbiltà u traċċabilità affidabbli ta':

(1)

taħriġ, kwalifiki u awtorizzazzjoni tal-persunal tagħha;

(2)

awtorizzazzjonijiet maħruġa minn operatur ta' pajjiż terz jew notifiki riċevuti;

(3)

proċessi ta' awtorizzazzjoni u sorveljanza kontinwa tal-operaturi ta' pajjiżi terzi awtorizzati;

(4)

sejbiet, azzjonijiet korrettivi miftiehma u d-data ta' għeluq tal-azzjoni;

(5)

miżuri ta' infurzar meħuda, inkluż il-multi mitluba mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008;

(6)

l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet korrettivi b'mandat mill-Aġenzija skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008; kif ukoll

(7)

l-użu tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà skont l-Artikolu 18(d) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(b)

Ir-rekords kollha għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta' 5 snin, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

TAQSIMA II

Awtorizzazzjoni, monitoraġġ u infurzar

ART.200   Proċedura ta' evalwazzjoni inizjali — punti ġenerali

(a)

Mal-wasla ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont TCO.300, l-Aġenzija għandha tivvaluta l-konformità tal-operatur ta' pajjiż terz mar-rekwiżiti applikabbli.

(b)

Il-valutazzjoni inizjali għandha titlesta fi żmien 30 jum mill-wasla tal-applikazzjoni jew 30 jum qabel id-data ppjanata tal-bidu tal-operazzjoni, tkun liema tkun l-iktar tard.

Meta l-valutazzjoni tkun tinkludi valutazzjoni ulterjuri jew awditjar, il-perjodu ta' valutazzjoni għandu jiġi estiż għall-perjodu tal-valutazzjoni ulterjuri jew tal-awditjar, kif ikun xieraq.

(c)

Il-valutazzjoni inizjali għandha tkun ibbażata fuq:

(1)

dokumentazzjoni u dejta pprovduta mill-operatur ta' pajjiż terz;

(2)

informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz, inkluż ir-rapport tal-ispezzjonijiet tar-rampa, l-informazzjoni rrappurtata skont ARO.RAMP.145(c), l-istandards tal-industrija rikonoxxuti, ir-rekords dwar l-aċċidenti u l-miżuri ta' infurzar meħuda minn pajjiż terz;

(3)

informazzjoni rilevanti dwar il-kapaċità ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, inkluż l-eżitu tal-awditjar imwettaq skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew il-programmi ta' valutazzjoni tas-sikurezza tal-Istati; kif ukoll

(4)

deċiżjonijiet, investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jew konsultazzjonijiet konġunti skont ir-Regolament (KE) Nru 473/2006 (1).

(d)

L-Aġenzija, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha tidentifika dawk l-istandards tal-ICAO li għalihom tista' taċċetta miżuri ta' mitigazzjoni f'każ li l-Istat tal-operatur jew l-Istat tar-reġistrazzjoni jkun innotifika differenza lill-ICAO. L-Aġenzija għandha taċċetta l-miżura ta' mitigazzjoni meta tkun issodisfata li dawn il-miżuri jiżguraw livell ekwivalenti ta' sikurezza għal dak milħuq mill-istandard li fir-rigward tiegħu jkunu ġew innotifikati d-differenzi.

(e)

Meta l-Aġenzija ma tkunx tista' tistabbilixxi livell suffiċjenti ta' fiduċja fl-operatur ta' pajjiż terz u/jew fl-Istat tal-operatur matul il-valutazzjoni inizjali, hi għandha:

(1)

tirrifjuta l-applikazzjoni meta l-eżitu tal-valutazzjoni jindika li valutazzjoni ulterjuri mhijiex sejra tirriżulta fil-ħruġ ta' awtorizzazzjoni; jew

(2)

twettaq valutazzjonijiet ulterjuri sal-punt meħtieġ biex tistabbilixxi li l-operazzjoni ppjanata se titwettaq f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO.

ART.205   Proċedura ta' evalwazzjoni inizjali — operaturi ta' pajjiżi terzi soġġetti għal projbizzjoni ta' operar

(a)

Mal-wasla ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn operatur soġġett għal projbizzjoni ta' operar jew għal restrizzjoni operattiva skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005, l-Aġenzija għandha tapplika l-proċedura ta' valutazzjoni kif deskritt f'ART.200.

(b)

Meta l-operatur ikun soġġett għal projbizzjoni ta' operar minħabba li l-Istat tal-operatur ma jkunx wettaq sorveljanza xierqa, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni għal valutazzjoni ulterjuri tal-operatur u l-Istat tal-Operatur skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

(c)

L-Aġenzija għandha twettaq awditjar meta:

(1)

l-operatur ta' pajjiż terz jaqbel li jiġi awditat;

(2)

l-eżitu tal-valutazzjonijiet imsemmija f'(a) u (b) jindika li hemm possibbiltà li l-awditjar se jkollu riżultat pożittiv; kif ukoll

(3)

l-awditjar jista' jitwettaq fil-faċilitajiet tal-operatur ta' pajjiż terz mingħajr ir-riskju li tiġi kompromessa s-sigurtà tal-persunal tal-Aġenzija.

(d)

L-awditjar tal-operatur ta' pajjiż terz jista' jinkludi valutazzjoni tas-sorveljanza mwettqa mill-Istat tal-operatur meta jkun hemm evidenza ta' nuqqasijiet kbar fis-sorvejlanza tal-applikant.

(e)

L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-awditjar.

ART.210   Ħruġ ta' awtorizzazzjoni

(a)

L-Aġenzija għandha toħroġ awtorizzazzjoni, inkluż l-ispeċifikazzjonijiet assoċjati, kif stabbiliti fl-Appendiċi I u II, meta:

(1)

tkun issodisfata li l-operatur ta' pajjiż terz għandu ċertifikat tal-operatur tal-ajru validu jew dokument ekwivalenti u speċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet assoċjati maħruġa mill-Istat tal-operatur;

(2)

tkun issodisfata li l-operatur ta' pajjiż terz huwa awtorizzat mill-Istat tal-operatur biex iwettaq operazzjonijiet lejn l-UE;

(3)

tkun issodisfata li l-operatur ta' pajjiż terz ikun stabbilixxa:

(i)

konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO;

(ii)

komunikazzjoni trasparenti, xierqa u f'waqtha b'reazzjoni għal valutazzjoni ulterjuri u/jew awditjar tal-Aġenzija, jekk ikun applikabbli; kif ukoll

(iii)

azzjoni korrettiva f'waqtha u b'suċċess sottomessa b'reazzjoni għal nuqqas ta' konformità identifikat, jekk ikun hemm.

(4)

ma jkun hemm l-ebda nuqqas kbir fil-kapaċità tal-Istat tal-operatur jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, biex jiċċertifika u jissorvelja l-operatur u/jew l-inġenji tal-ajru skont l-istandards ICAO applikabbli; kif ukoll

(5)

l-applikant ma jkunx soġġett għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

(b)

L-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ għal perjodu mingħajr limitu.

Il-privileġġi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li l-operatur ta' pajjiż terz huwa awtorizzat li jwettaq għandhom jiġu speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet mehmuża mal-awtorizzazzjoni.

(c)

L-Aġenzija għandha tiftiehem mal-operatur ta' pajjiż terz, dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-bidliet fl-operatur ta' pajjiż terz li ma jkunux jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel.

ART.215   Monitoraġġ

(a)

L-Aġenzija għandha tivvaluta:

(1)

il-konformità kontinwata tal-operaturi ta' pajjiżi terzi li tkun awtorizzat bir-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO;

(2)

jekk ikun applikabbli, l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi b'mandat mill-Aġenzija skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(b)

Din il-valutazzjoni għandha:

(1)

tqis id-dokumentazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza u d-dejta pprovduti mill-operatur ta' pajjiż terz;

(2)

tqis l-informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz, inkluż ir-rapporti tal-ispezzjoni tar-rampa, informazzjoni rrappurtata skont ARO.RAMP.145(c), standards tal-industrija rikonoxxuti, rekords tal-aċċidenti u miżuri ta' infurzar meħuda minn pajjiż terz;

(3)

tqis l-informazzjoni rilevanti dwar il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, inkluż l-eżitu tal-awditjar imwettaq skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew skont il-programmi ta' valutazzjoni tas-sikurezza tal-Istati;

(4)

tqis id-deċiżjonijiet u l-investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jew il-konsultazzjonijiet konġunti skont ir-Regolament (KE) Nru 473/2006.

(5)

tqis il-valutazzjonijiet jew l-awditjar preċedenti, jekk jitwettqu; kif ukoll

(6)

tipprovdi lill-Aġenzija bl-evidenza meħtieġa f'każ li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri, inkluż il-miżuri mbassra minn ART.235.

(c)

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-monitoraġġ iddefinit f'(a) jew (b) għandu jiġi stabbilit abbażi tar-riżultati ta' awtorizzazzjonijiet u/jew tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-passat.

(d)

Meta, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz u/jew il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur huma suspettati li jkunu naqsu sa livell aktar baxx mill-istandards applikabbli fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Aġenzija għandha twettaq valutazzjonijiet ulterjuri sal-punt meħtieġ biex jiġi stabbilit li l-operazzjoni ppjanata se titwettaq f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO.

(e)

L-Aġenzija għandha tiġbor u tipproċessa kull informazzjoni dwar is-sikurezza meqjusa rilevanti għall-monitoraġġ.

ART.220   Programm ta' monitoraġġ

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta' monitoraġġ li jkopri l-attivitajiet meħtieġa minn ART.215 u, fejn ikun applikabbli mis-Subparti ARO.RAMP.

(b)

Il-programm ta' monitoraġġ għandu jiġi żviluppat billi jqis ir-riżultati tal-attivitajiet ta' awtorizzazzjoni u/jew ta' monitoraġġ tal-passat.

(c)

L-Aġenzija għandha twettaq reviżjoni tal-operaturi ta' pajjiżi terzi f'intervalli li ma jaqbżux l-24 xahar.

L-intervall jista' jitnaqqas jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz u/jew il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur ikunu anqas mill-istandards applikabbli fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

L-Aġenzija tista' testendi l-intervall sa massimu ta' 48 xahar jekk tkun stabbilixxiet li, matul il-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti:

(1)

ma jkunx hemm indikazzjonijiet li l-awtorità ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur tonqos milli twettaq sorveljanza effettiva tal-operaturi skont ir-responsabbiltà tagħha ta' sorveljanza;

(2)

l-operatur ta' pajjiż terz ikun irrapporta kontinwament u fil-ħin il-bidliet imsemmija f'TCO.315;

(3)

ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1, imsemmija f'ART.230(b); kif ukoll

(4)

l-azzjonijiet korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fil-perjodu ta' żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija kif iddefinit f'ART.230(e)(1).

(d)

Il-programm ta' monitoraġġ għandu jinkludi r-rekords tad-dati tal-attivitajiet ta' monitoraġġ, inklużi l-laqgħat.

ART.225   Bidliet

(a)

Meta tirċievi applikazzjoni għal bidla li teħtieġ approvazzjoni minn qabel, l-Aġenzija għandha tapplika l-proċedura rilevanti kif deskritt f'ART.200, ristretta skont safejn tasal il-bidla.

(b)

L-Aġenzija għandha tippreskrivi l-kundizzjonijiet li skonthom jista' jaħdem l-operatur ta' pajjiż terz fil-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha matul il-bidla, sakemm l-Aġenzija ma tistabbilixxix li l-awtorizzazzjoni teħtieġ li tiġi sospiża.

(c)

Għal bidliet li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni minn qabel, l-Aġenzija għandha tivvaluta l-informazzjoni mogħtija fin-notifika mibgħuta mill-operatur ta' pajjiż terz skont TCO.315 biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli. F'każ ta' nuqqas ta' konformità, l-Aġenzija għandha:

(1)

tinnotifika lill-operatur ta' pajjiż terz dwar in-nuqqas ta' konformità u għandha titlob proposta riveduta biex tintlaħaq il-konformità; kif ukoll

(2)

f'każ ta' sejbiet tal-livell 1 jew tal-livell 2, taġixxi skont ART.230 u ART.235, kif ikun xieraq.

ART.230   Sejbiet u azzjonijiet korrettivi

(a)

L-Aġenzija għandu jkollha sistema biex tanalizza s-sejbiet fir-rigward tas-sinifikat tas-sikurezza tagħhom.

(b)

Sejba tal-livell 1 għandha tinħareġ mill-Aġenzija meta jiġi skopert nuqqas ta' konformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u tal-Parti-TCO, jew mat-termini tal-awtorizzazzjoni li jnaqqas s-sikurezza jew ipoġġi f'riskju serju s-sikurezza tat-titjira.

Is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(1)

nuqqas li l-Aġenzija tingħata aċċess għall-faċilitajiet tal-operatur ta' pajjiż terz kif iddefinit f'TCO.115(b) matul is-sigħat operattivi normali u wara talba bil-miktub;

(2)

l-implimentazzjoni ta' bidliet li jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mingħajr ma tkun inħarġet awtorizzazzjoni kif iddefinit f'ART.210;

(3)

il-kisba jew iż-żamma tal-validità tal-awtorizzazzjoni b'falsifikazzjoni ta' evidenza ddokumentata;

(4)

evidenza ta' prattika ħażina jew użu qarrieqi tal-awtorizzazzjoni.

(c)

Sejba tal-livell 2 għandha tinħareġ mill-Aġenzija meta tiġi skoperta nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mal-Parti-TCO, jew mat-termini tal-awtorizzazzjoni li tista' tnaqqas is-sikurezza jew tpoġġi f'periklu serju s-sikurezza tat-titjira.

(d)

Meta matul il-monitoraġġ tiġi skoperta sejba, l-Aġenzija għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mir-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu, tikkomunika s-sejba lill-operatur ta' pajjiż terz bil-miktub u titlob azzjoni korrettiva biex titneħħa jew titnaqqas il-kawża ewlenija sabiex tiġi evitata r-rikorrenza tan-nuqqas/ijiet ta' konformità identifikat/i.

(e)

Fil-każ ta' sejbiet tal-livell 2, l-Aġenzija għandha:

(1)

tagħti lill-operatur ta' pajjiż terz, perjodu ta' implimentazzjoni ta' azzjoni korrettiva xierqa għan-natura tas-sejba. Fi tmiem il-perjodu, u skont in-natura tas-sejba, l-Aġenzija tista' testendi l-perjodu soġġett għal pjan ta' azzjoni korrettiva sodisfaċenti li taqbel miegħu l-Aġenzija; kif ukoll

(2)

tivvaluta l-azzjoni korrettiva u l-pjan ta' implimentazzjoni proposti mill-operatur ta' pajjiż terz. Jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li fiha analiżi tal-kawża/i ewlenija/ewlenin u kors ta' azzjoni biex titneħħa/jitneħħew jew titnaqqas/jitnaqqsu effettivament il-kawża/i ewlenija/ewlenin biex tiġi evitata r-rikorrenza tan-nuqqas/ijiet ta' konformità, l-azzjoni korrettiva u l-pjan ta' implimentazzjoni għandhom jiġu aċċettati.

Meta operatur ta' pajjiż terz jonqos milli jissottometti pjan ta' azzjoni korrettiva aċċettabbli msemmi f'ART.230(e)(1), jew iwettaq azzjoni korrettiva fil-limiti tal-perjodu ta' żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija, is-sejba għandha tiġi elevata għal sejba tal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stabbilit f'ART.235(a).

(f)

L-Aġenzija għandha tirreġistra u tinnotifika lill-Istat tal-operatur jew lill-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, dwar kull sejba li tkun qajmet.

ART.235   Limitazzjoni, sospensjoni u revoka tal-awtorizzazzjonijiet

(a)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta' infurzar addizzjonali, l-Aġenzija għandha tieħu azzjoni biex tillimita jew tissospendi l-awtorizzazzjoni f'każ ta':

(1)

sejba tal-livell 1;

(2)

evidenza verifikabbli li l-Istat tal-operatur jew l-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, ma jkunx jista' jiċċertifika u jissorvelja l-operatur u/jew l-inġenji tal-ajru skont l-istandard tal-ICAO applikabbli; jew

(3)

l-operatur ta' pajjiż terz li jkun soġġett għal miżura skont il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

(b)

Awtorizzazzjoni għandha tiġi sospiża sa perjodu massimu ta' 6 xhur. Fi tmiem il-perjodu ta' 6 xhur, l-Aġenzija tista' testendi l-perjodu ta' sospensjoni bi 3 xhur oħra.

(c)

Il-limitazzjoni jew is-sospensjoni għandha titneħħa meta l-Aġenzija tkun issodisfata li tkun ittieħdet azzjoni korrettiva ta' suċċess mill-operatur ta' pajjiż terz u/jew mill-Istat tal-operatur.

(d)

Waqt li tqis it-tneħħija ta' sospensjoni l-Aġenzija għandha twettaq awditjar tal-operatur tal-pajjiż terz meta l-kundizzjonijiet fl-ART.205(c) jintlaħqu. F'każ li s-sospensjoni tkun minħabba defiċjenzi kbar fis-sorveljanza tal-applikant mill-Istat jew mill-operatur jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni, kif applikabbli, l-awditjar jista' jinkludi wkoll valutazzjoni bil-għan li tivverifika jekk dawn in-nuqqasijiet ta' superviżjoni ġewx ikkoreġuti.

(e)

L-Aġenzija għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni meta:

(1)

ikun skada l-perjodu msemmi f'(b); jew

(2)

l-operatur ta' pajjiż terz ikun soġġett għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

(f)

Jekk wara limitazzjoni msemmija f'(a), tiġi imposta restrizzjoni operattiva fuq l-operatur ta' pajjiż terz skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005, l-Aġenzija għandha żżomm din il-limitazzjoni sakemm ir-restrizzjoni operattiva tkun ġiet irtirata.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 tat-22 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi r-regoli implimentattivi għal-lista tal-Komunità ta' kumpaniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta' operar fil-Komunità, li hemm referenza għalihom fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8).

Appendiċi I

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi II

Image

Test ta 'immaġni

Top