EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0428

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 428/2014 tal- 25 ta' April 2014 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq tal-laħam tal-majjal fil-Litwanja u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 324/2014 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq tal-laħam tal-majjal fil-Polonja

ĠU L 125, 26.4.2014, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/428/oj

26.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/64


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 428/2014

tal-25 ta' April 2014

li jadotta miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq tal-laħam tal-majjal fil-Litwanja u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 324/2014 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq tal-laħam tal-majjal fil-Polonja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 220(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (2) tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għal kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. Għaldaqstant, skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/43/UE (3), kif ikkonfermat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE (4), u skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/178/UE (5), il-Litwanja trid tiżgura li ż-żona infettata fit-territorju tagħha tirreferi mill-anqas għaż-żona infettata mniżżla fl-Annessi ta' dawn id-Deċiżjonijiet.

(2)

Bil-ħsieb li jkun evitat it-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u sabiex ikun evitat aktar xkiel għall-kummerċ fil-Litwanja u 'l barra minnha, fis-17 ta' Frar 2014 (6) il-Litwanja adottat xi miżuri preventivi addizzjonali f'dik iż-żona infettata. Konsegwentement, il-kummerċjalizzazzjoni ta' ħnieżer ħajjin, inklużi qżieqeż, laħam frisk tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal minn dik iż-żona infettata hija soġġetta għal miżuri ta' sorveljanza partikolari, għal tikkettar obbligatorju b'marka sanitarja speċjali u għall-applikazzjoni ta' xi restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq uniku.

(3)

Ir-restrizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta' ħnieżer ħajjin, inklużi qżieqeż, laħam frisk tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri veterinarji, jimplikaw tnaqqis importanti fil-prezz fiż-żoni milquta u qed jikkawżaw tfixkil fis-suq tal-laħam tal-majjal u tal-qżieżeż f'dawk iż-żoni. Għalhekk, fit-13 ta' Marzu 2014 il-Litwanja talbet lill-Kummissjoni biex iddaħħal miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq kif previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dawn il-miżuri li jkunu japplikaw biss għal qżieqeż, ħnieżer u ħnieżer nisa mrobbija fiż-żoni affettwati direttament bir-restrizzjonijiet, għandhom jiġu adottati għaż-żmien strettament meħtieġ.

(4)

L-ammont ta' għajnuna għandu jiġi espress għall-qżieqeż bħala ammont għal kull ras għal għadd limitat ta' qżieqeż, u għal kull 100 kg piż tal-karkassa ta' annimali eliġibbli oħra, għal kwantità limitata ta' laħam tal-ħnieżer u b'piż tal-karkassa massimu kompensabbli għal kull annimal. Sabiex jiġi ffissat l-ammont ta' għajnuna għandha titqies informazzjoni riċenti dwar is-suq.

(5)

Għal qżieqeż u ħnieżer oħra mrobbija fiż-żoni kkonċernati, l-appoġġ għandu jkun taħt kundizzjoni li jitwasslu l-annimali sal-biċċeriji, li jinqatlu u li jiġu rispettati r-regoli veterinarji aktar stretti li japplikaw għaż-żoni kkonċernati fil-jum tat-twassil.

(6)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/236/UE (7) tipprovdi għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni bħala kumpens lis-sidien tal-ħnieżer għat-telf ikkawżat mill-qatla bikrija tal-ħnieżer f'żoni infettati sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju tat-tifrix ta' mard. Il-Litwanja u l-Polonja għandhom l-għan li jnaqqsu d-densità ta' ospiti suxxettibbli f'irziezet tal-ħnieżer b'bijosigurtà baxxa fiż-żona infettata billi jippromwovu l-qatla tal-ħnieżer u l-prevenzjoni tal-istokkjar mill-ġdid fl-istabbilimenti tal-ħnieżer mill-inqas għal sena (8). Għalhekk, u sabiex jiġi evitat kull riskju ta' finanzjament doppju, l-għajnuna li tista' titħallas skont dan ir-Regolament għandha tkun limitata għal produtturi tal-majjal li ma jibbenefikawx minn kontribuzzjoni finanzjarja għal qatla bikrija stabbilita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/236/UE. Għall-istess raġuni, restrizzjoni identika għandha tapplika għall-Polonja. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 324/2014 (9) għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Għandha ssir dispożizzjoni għall-awtoritajiet kompetenti tal-Litwanja biex japplikaw il-miżuri kollha ta' kontroll u sorveljanza meħtieġa u jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan kif xieraq. It-trasport u l-qatla tal-annimali eliġibbli għandu jsir taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kompetenti li għandhom jaċċertaw ukoll li l-prodotti derivati minnhom jikkonformaw mar-restrizzjonijiet rilevanti għall-kummerċjalizzazzjoni.

(8)

Ir-restrizzjonijiet dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' ħnieżer u qżieqeż ħajjin u ta' laħam frisk tal-majjal u prodotti tal-laħam tal-majjal ilhom japplikaw għal bosta ġimgħat fit-territorji kkonċernati u din is-sitwazzjoni kkawżat tfixkil fis-suq u telf ta' dħul għall-produtturi, kif ukoll ikkawżat żieda sostanzjali fil-piż tal-annimali, konsegwentement irriżulta f'qagħda intollerabblital-benesseri tal-annimali. Għalhekk, il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom ikopru annimali mwassla fil-biċċerija mis-17 ta' Frar 2014, id-data tal-adozzjoni tal-miżuri preventivi Litwani. Il-qagħda tas-suq u l-impatt ta' din il-miżura għandhom jerġgħu jiġu vvalutati fid-dawl ta' żviluppi futuri u għalhekk il-miżura għandha tapplika biss għal perjodu ta' tliet xhur.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-Litwanja hija awtorizzata li tirċievi għajnuna fir-rigward tal-qtil tal-annimali li ġejjin:

(a)

qżieqeż koperti bil-kodiċi CN 0103 91 10;

(b)

ħnieżer koperti bil-kodiċi CN 0103 92 19;

(c)

ħnieżer nisa koperti bil-kodiċi CN 0103 92 11.

2.   L-għajnuna prevista fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss jekk jiġu sodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-annimali jkunu trabbew fiż-żoni mniżżla fl-Anness tad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni 2014/43/UE jew 2014/93/UE jew fil-Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE għall-perjodi rilevanti, jew f'kull Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni oħra adottata f'dan ir-rigward, u l-ħnieżer ħajjin inklużi l-qżieqeż mrobbijin f'dawk iż-żoni, kif ukoll il-laħam minn-annimali mrobbija f'dik iż-żona, jkunu soġġetti għal ċertu restrizzjonijiet tas-suq minħabba d-deni Afrikan tal-ħnieżer;

(b)

fis-17 ta' Frar 2014 l-annimali kienu preżenti fiż-żoni msemmija fil-punt (a) jew twieldu u trabbew wara dik id-data f'dawk iż-żoni;

(c)

il-miżuri preventivi addizzjonali stabbiliti mill-Ordni tad-Direttur tas-Servizz Alimentari u Veterinarju tal-Litwanja Nru B1-60 tas-17 ta' Frar 2014 dwar l-estensjoni taż-żona ta' lqugħ għad-deni Afrikan tal-ħnieżer, jew kull regola nazzjonali oħra adottata f'dan ir-rigward u li tissoġġetta l-ħnieżer ħajjin u l-laħam tal-majjal għal restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni minħabba d-deni Afrikan tal-ħnieżer, japplikaw għaż-żona fejn trabbew dawk l-annimali meta ttieħdu sal-biċċerija.

(d)

ir-regoli stabbiliti mid-Deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) u l-miżuri preventivi msemmija fil-punt (c) huma rispettati;

(e)

il-produtturi tal-laħam tal-majjal li japplikaw għall-għajnuna prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja għal qatla bikrija msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/236/UE.

Artikolu 2

L-għajnuna prevista fl-Artikolu 1 (l-għajnuna) għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq kif previst fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Artikolu 3

1.   Il-produtturi tal-laħam tal-majjal jistgħu japplikaw għall-għajnuna fir-rigward tal-annimali maqtula mis-17 ta' Frar 2014 sas-16 ta' Mejju 2014.

2.   L-għajnuna hija espressa bħala ammont ta' EUR 10,8 għal kull ras għall-qżieqeż msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) imwassla u ta' EUR 30 għal kull 100 kilogramma ta' piż tal-karkassa rreġistrat għall-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) u (c) imwassla. Il-Kummissjoni tista' tadatta dan l-ammont biex tqis l-iżviluppi fis-suq.

3.   L-għajnuna għal annimali msemmija fil-Artikolu 1(1)(b) u (c) b'piż tal-karkassa aktar minn 100 kg m'għandhiex taqbeż l-ammont ta' għajnuna stabbilit fil-paragrafu 2 għal ħnieżer b'100 kg piż tal-karkassa.

4.   Ħamsin fil-mija tan-nefqa għall-għajnuna, li tkopri total massimu ta' 7 600-il qażquż imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u ta' 700 tunnellata ta' karkassi tal-ħnieżer ta' annimali msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) u (c), għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni.

5.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni, jekk din tkun tħallset mil-Litwanja lill-benefiċjarju sal-31 ta' Awwissu 2014.

6.   L-għajnuna għandha titħallas mil-Litwanja wara l-qtil tal-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1) u wara li jkunu twettqu l-kontrolli skont l-Artikolu 4.

Artikolu 4

1.   Il-Litwanja għandha tieħu kull miżura meħtieġa, fosthom kontrolli amministrattivi u fiżiċi eżawrjenti, ħalli tiżgura konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Litwani għandhom:

(a)

jissorveljaw it-trasport tal-annimali mill-azjenda sal-biċċerija permezz ta' listi standardizzati ta' kontroll li jkun fihom folji tal-użin u tal-għadd, inklużi l-oriġini u d-destinazzjoni tal-annimali;

(b)

jiżguraw li l-laħam li ġej minn annimali li għalihom tkun ingħatat għajnuna, ikun konformi mar-restrizzjonijiet applikabbli għat-territorji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2);

(c)

jagħmlu kontrolli amministrattivi u ta' kontabbiltà f'kull biċċerija parteċipanti mill-inqas darba fix-xahar, biex jiżguraw li l-annimali kollha mwassla, u li għalihom tista' titressaq talba għall-għajnuna, mis-17 ta' Frar 2014 jew mill-aħħar kontroll, kif ukoll il-laħam li ġej minnhom, ikunu ġew trattati skont dan ir-Regolament;

(d)

jipprevedu kontrolli fuq il-post u rapporti dettaljati dwar dawn il-kontrolli li b'mod partikolari jindikaw:

(i)

il-piż u l-għadd totali ta' qżieqeż, ħnieżer u ħnieżer nisa eliġibbli għal kull lott imwassal mir-razzett, id-data u l-ħin tat-trasport u tal-wasla tagħhom f'biċċerija;

(ii)

l-għadd ta' qżieqeż, ħnieżer u ħnieżer nisa maqtula fil-biċċerija, il-permess taċ-ċaqliq tal-annimali, u l-piż ta' kull karkassa għall-ħnieżer u l-ħnieżer nisa, filwaqt li għall-annimali maqtula mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, in-numri tas-siġill tal-mezzi tat-trasport għal dawk l-annimali.

2.   Il-kontrolli u l-verifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru qabel tingħata l-għajnuna. Il-Litwanja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri u l-kontrolli introdotti f'konformità ma' dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

1.   Il-Litwanja għandha tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, kull nhar ta' Erbgħa fir-rigward tal-ġimgħa ta' qabel:

(a)

l-għadd ta' qżieqeż, l-għadd ta' ħnieżer nisa u l-għadd ta' ħnieżer oħra li jkunu twasslu għall-qatla f'konformità ma' dan ir-Regolament, kif ukoll b'mod ġenerali l-piż tal-karkassi fir-rigward ta' ħnieżer nisa u ħnieżer imsemmija fl-Artikolu 1(1)(b) u (c);

(b)

l-ispejjeż finanzjarji stmati għal kull kategorija ta' annimali msemmija fl-Artikolu 1(1).

L-ewwel komunikazzjoni għandha tkopri annimali mwassla għall-qatla mis-17 ta' Frar 2014 skont dan ir-Regolament. L-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika sal-21 ta' Mejju 2014.

2.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2014, il-Litwanja għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li jkun fih dettalji dwar l-eżekuzzjoni tal-kontrolli, il-verifiki u s-superviżjoni li jkunu saru skont l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimetazzjoni (UE) Nru 324/2014, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(d)

il-produtturi tal-laħam tal-majjal li japplikaw għall-għajnuna prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja għal qatla bikrija msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/236/UE (*).

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri [speċifiċi] għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/43/UE tas-27 ta' Jannar 2014 li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja (ĠU L 26, 29.1.2014, p. 44).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/93/UE tal-14 ta' Frar 2014 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Litwanja (ĠU L 46, 18.2.2014, p. 20).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/178/UE tas-27 ta' Marzu 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali relatati mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri (ĠU L 95, 29.3.2014, p. 47).

(6)  Ordni tad-Direttur tas-Servizz Alimentari u Veterinarju tal-Istat Nru B1-60 tas-17 ta' Frar 2014 dwar l-estensjoni taż-żona ta' lqugħ għad-deni Afrikan tal-ħnieżer;

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/236/UE tal-24 ta' April 2014 li tikkonċerna kontribut finanzjarju mill-Unjoni għas-sorveljanza u miżuri oħra ta' emerġenza implimentati fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 125, 26.4.2014, p. 86).

(8)  Ordni tad-Direttur tas-Servizz Alimentari u Veterinarju tal-Litwanja Nru B1-384 tal-11 ta' Lulju 2011.

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 324/2014 tat-28 ta' Marzu 2014 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta' appoġġ għas-suq tal-laħam tal-majjal fil-Polonja (ĠU L 95, 29.3.2014, p. 24)

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


Top