Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0359

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 359/2014 tad- 9 ta' April 2014 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 9 tiegħu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 107, 10.4.2014, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R2130

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/359/oj

    10.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 107/10


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 359/2014

    tad-9 ta' April 2014

    li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 9 tiegħu

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

    (2)

    L-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-prodotti tal-pjanti li għandhom isirulhom il-verifiki veterinarji fuq il-fruntiera u lista tal-pajjiżi terzi li jistgħu jiġu awtorizzati jesportaw dawk il-prodotti tal-pjanti lill-Unjoni.

    (3)

    Għaldaqstant, l-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (2) jelenka l-ħuxlief u t-tiben bħala prodotti tal-pjanti li għandhom isirulhom il-verifiki veterinarji fuq il-fruntiera filwaqt li l-Parti I tal-Anness V ta' dak ir-Regolament telenka l-pajjiżi li l-Istati Membri huma awtorizzati jimpurtaw il-ħuxlief u t-tiben minnhom.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 kien adottat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-2003. Il-Parti II tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 fiha lista tal-Istati tal-adeżjoni li kienet rilevanti sat-30 ta' April 2004. Għalhekk, m'għadx hemm il-bżonn li tinżamm il-Parti II tal-Anness V u li l-Anness V jibqa' maqsum f'żewġ partijiet.

    (5)

    Għal raġunijiet ta' ċarezza, il-kodiċijiet ISO tal-pajjiżi għandhom jiżdiedu fl-Anness V.

    (6)

    Is-Serbja dan l-aħħar talbet l-awtorizzazzjoni biex tesporta l-ħuxlief u t-tiben lill-Unjoni.

    (7)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) jelenka lis-Serbja bħala pajjiż minn fejn il-kunsinni tal-laħam frisk tal-bovini, l-ovini u l-kaprini u tas-solipedi domestiċi jistgħu jiġu importati lill-Unjoni.

    (8)

    Għalkemm l-ungulati ħajjin mis-Serbja ma jistgħux jiddaħħlu fl-Unjoni, il-ħuxlief u t-tiben jistgħu jingħataw permess billi s-sitwazzjoni żoosanitarja fis-Serbja ma tippreżentax riskju ta' tixrid tal-mard tal-annimali infettuż jew li jittieħed minħabba dawn il-prodotti tal-pjanti, li setgħu ġew f'kuntatt ma' annimali ħajjin.

    (9)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 se jeħodlu postu l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).


    ANNESS

    “ANNESS V

    IL-LISTA TAL-PAJJIŻI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 9

    Kodiċi ISO

    Pajjiż

    AU

    L-Awstralja

    BY

    Il-Belarus

    CA

    Il-Kanada

    CH

    L-Isvizzera

    CL

    Iċ-Ċilì

    GL

    Il-Groenlandja

    IS

    L-Islanda

    NZ

    In-New Zealand

    RS

    Is-Serbja (1)

    US

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    ZA

    L-Afrika t'Isfel (minbarra dik il-parti taż-żona ta' kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tinsab fir-reġjun veterinarju tat-Transvaal tat-Tramuntana u tal-Lvant, fid-distrett ta' Ingwavuma tar-reġjun veterinarju ta' Natal u fiż-żona tal-fruntiera mal-Botswana fil-Lvant tal-lonġitudni ta' 28°)


    (1)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).”


    Top