Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0337

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 337/2014 tat- 28 ta' Marzu 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 99, 2.4.2014, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/337/oj

    2.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 337/2014

    tat-28 ta' Marzu 2014

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' din it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    F'isem il-President

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Prodott tad-dawl elettriku (hekk imsejjaħ “LED floodlight”) f'kaxxa tal-aluminju rettangolari koperta bil-ħġieġ, b'dimensjonijiet ta' madwar 23 × 19 × 13 cm.

    Il-prodott jinkludi riflettur tal-aluminju u għandu saljatura tal-immuntar fuq wara biex jitranġa l-angolu tad-dawl.

    Huwa mgħammar b'ċippa tal-LED ta' vultaġġ għoli u provvista tal-elettriku bi tranformer.

    Għandu konsum tal-elettriku ta' 95 W, effikaċja tal-luminożità ta' 100 lm/W u angolu tar-raġġ ta' 120°.

    Il-prodott jintuża barra biex idawwal, pereżempju, pajsaġġi, binjiet, żoni ta' kostruzzjoni, kartelluni, lonijiet jew ġonna.

     (*) Ara l-istampa

    9405 40 99

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċi NM 9405 , 9405 40 u 9405 40 99 .

    Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħall-angolu wiesa' tar-raġġ, il-prodott huwa intiż biex jintuża' biex idawwal żoni kbar. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt subintestatura 9405 40 10 bħala spotlights hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9405 , grupp (I), it-tielet paragrafu).

    Dan il-prodott għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt kodiċi NM 9405 40 99 bħala lampi elettriċi oħrajn u fittings tad-dawl.

    Image

    (*)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.


    Top