This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0236
Regulation (EU) No 236/2014 of the European Parliament and of the Council of 11 March 2014 laying down common rules and procedures for the implementation of the Union's instruments for financing external action
Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna
Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna
ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2014
15.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 77/95 |
REGOLAMENT (UE) Nru 236/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta' Marzu 2014
li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea għandha tadotta sett komprensiv ta' strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna li jkopru firxa ta' politiki relatati ma' tali azzjoni, li jeħtieġu regoli u proċeduri komuni speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawk l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma: l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2014-2020 (EIDHR), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”). |
(2) |
Ir-regoli u proċeduri komuni ta' għandhom ikunu konsistenti mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u jinkludu r-regoli korrispondenti adottati mill-Kummissjoni (10) għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
(3) |
B'mod ġenerali, l-Istrumenti jipprevedu li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta' programmazzjoni pluriennali indikattiva, li tipprovdi l-qafas li fih għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet ta' finanzjament f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
(4) |
Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jieħdu l-forma ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali u miżuri individwali meta jsegwu l-ippjanar previst mill-programmazzjoni indikattiva pluriennali, ta' miżuri speċjali fejn meħtieġa minn ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament iġġustifikati, u ta' miżuri ta' appoġġ. Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu adottati jew bħala parti mill-programm ta' azzjoni annwali jew pluriennali jew barra mill-ambitu tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva. |
(5) |
Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jinkludu f'anness deskrizzjoni ta' kull azzjoni, li tispeċifika l-għanijiet, l-attivitajiet prinċipali, ir-riżultati mistennija, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u l-iskeda ta' żmien indikattiva tagħha, kwalunkwe miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni, u għandhom ikunu approvati f'konformità mal-proċeduri previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. |
(6) |
B'kont meħud tal-programmazzjoni ta' politika jew in-natura tal-eżekuzzjoni finanzjarja ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni ta' miżuri individwali u speċjali taħt limiti predefiniti. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament iġġustifikati li huma relatati mal-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Unjoni, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi debitament infurmat b'dan, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. |
(7) |
Għall-implimentazzjoni tal-strumenti, meta l-immaniġġjar tal-operazzjoni jiġi fdat lil intermedjarju finanzjarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkopri b'mod partikulari proviżjonijiet li jikkonċernaw it-trasparenza tal-qsim ta' riskji, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarju responsabbli għall-implimentazzjoni, l-użu u l-użu mill-ġdid tal-fondi u tal-profitti possibbli, u l-obbligi ta' rappurtar u l-mekkaniżmi ta' kontroll, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. |
(8) |
L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-Istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-Istrumenti u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi aktar ir-rinfurzar reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-Istrumenti, u, fejn ikun adatt, l-użu ta l-istrumenti finanzjarji li għandhom effett ta' lieva. |
(9) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess, u li hija taħdem biex tippromwovi fil-bqija tad-dinja, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. |
(10) |
F'konformità mal-impenji tal-Unjoni fit-3 u r-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (Accra 2008 u Busan 2011), u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Assistenza fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD-DAC”) dwar il-ħall mill-irbit tal-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għall-Pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Pajjiżi Fqar b'Ħafna Dejn, il-Kummissjoni għandha tħoll mill-irbit l-assistenza tal-Unjoni sal-massimu possibbli, inklużi l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-entitajiet minn pajjiżi sħab fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti. |
(11) |
Bil-għan li tiġi garantita l-viżibbiltà lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi benefiċjarji u ċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-assistenza tal-Unjoni għandu jkun hemm, fejn ikun adatt, komunikazzjoni u informazzjoni mmirati b'mezzi adegwati. |
(12) |
L-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt l-Istrumenti għandha tikkontribwixxi għal riżultati ċari (li jkopru l-outputs, l-eżiti u l-impatti) f'pajjiżi li jibbenefikaw mill-assistenza finanzjarja esterna tal-Unjoni. Kull fejn ikun possibbli u adatt, ir-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-effiċjenza ta' Strument partikolari għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-għanijiet tal-Istrument ikkonċernat. |
(13) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u, meta jkun xieraq, penali. Dawk il-miżuri għandhom jitwettqu f'konformità mal-ftehimiet applikabbli konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi. |
(14) |
Għandhom jiġu previsti metodi ta' finanzjament, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, regoli dwar iċ-ċittadinanza u l-oriġini, l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet, ir-rappurtar u r-rieżami u l-evalwazzjoni tal-Istrumenti. |
(15) |
Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni żviluppati mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha f'konformità mal-Artikolu 11 TUE, il-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, għandhom rwol prominenti x'jiżvolġu fir-rigward tal-politika esterna tal-Unjoni. Matul il-proċess ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari t-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, huwa importanti li dawn jiġu debitament ikkonsultati sabiex jiġi żgurat li jiżvolġu rwol sinifikattiv f'dan il-proċess u biex ikunu kkunsidrati debitament l-ispeċifiċitajiet tagħhom. |
(16) |
F'konformità mal-Artikolu 208, l-Artikolu 209(3) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u taħt it-termini stipulati fl-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u fid-Deċiżjoni Nru 1080/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-BEI jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-iżvilupp tal-Unjoni u politiki esterni oħra, u jintervjeni f'komplementarjetà mal-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna. Għandhom jinstabu opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni. Il-BEI huwa kkonsultat fil-proċess ta' programmazzjoni tal-Unjoni fejn ikun adatt. |
(17) |
Organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji ta' żvilupp jaħdmu b'mod regolari ma' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bħala sħab ta' implimentazzjoni u jista' jkollhom jafdawlhom kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit f'każijiet debitament ġustifikati. B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament biex dawn il-kompiti jiġu fdati lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni. |
(18) |
Sabiex tissaħħaħ is-sjieda tal-pajjiżi sħab fir-rigward tal-proċessi ta' żvilupp tagħhom u s-sostenibbiltà tal-għajnuna esterna, u f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna l-Unjoni u pajjiżi sħab daħlu għalihom, l-Unjoni għandha tippromwovi, fejn adatt fid-dawl tan-natura tal-azzjoni kkonċernata, l-użu tal-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċeduri proprji tal-pajjiżi sħab. |
(19) |
F'konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u l-aġenda internazzjonali dwar l-effikaċja tal-għajnuna, u kif issottolinjat mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011“Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Approċċ Futur għall-Appoġġ Baġitarju tal-UE għal Pajjiżi Terzi” tal-14 ta' Mejju 2012, l-appoġġ baġitarju għandu jintuża b'mod effettiv biex jappoġġa t-tnaqqis tal-faqar u l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi, jagħmel l-għajnuna aktar prevedibbli u jsaħħaħ l-appartenenza għall-pajjiżi sħab tal-politiki u r-riformi għall-iżvilupp. Il-ħlas ta' porzjonijiet previsti tal-baġit għandu jkun jiddependi mill-progress li jkun sar lejn l-objettivi miftiehma ma' pajjiżi sħab. Fil-pajjiżi li jibbenifikaw minn dak it-tip ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kontroll parlamentari, kapaċitajiet tal-awditjar, trasparenza u aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni. |
(20) |
L-azzjoni tal-Unjoni bil-għan li tippromwovi l-prinċipji tad-demokrazija u ssaħħaħ id-demokratizzazzjoni tista' tiġi implimentata, fost l-oħrajn, permezz ta' appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet indipendenti attivi f'dan il-qasam, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija. |
(21) |
Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(22) |
Huwa xieraq li l-perijodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (13). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 1
Suġġett u prinċipji
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet għall-għoti mill-Unjoni ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal azzjonijiet, inklużi programmi ta' azzjoni u miżuri oħrajn taħt is-segwenti strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna: l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (minn issa 'l quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”).
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-terminu “pajjiżi” jinkludi territorji u reġjuni, skont il-każ.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li jiffinanzjaw il-programm Erasmus+ taħt ir-Regolament (UE) Nru 233/2014, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014, ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u r-Regolament (UE) Nru 234/2014 Dawk l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument applikabbli, waqt li tiġi żgurata l-konformità ma' dawk ir-Regolamenti.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet jiġu implimentati skont l-għanijiet tal-Istrument applikabbli, u f'konformità ma' protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni pprovduta fuq il-bażi tal-Istrumenti għandha tkun konsistenti mar-regoli u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li jipprovdi l-qafas bażiku finanzjarju u legali għall-implimentazzjoni tagħhom.
4. Meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tuża l-metodi ta' implimentazzjoni l-aktar effettivi u effiċjenti. Fejn ikun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi wkoll l-użu tal-proċeduri l-aktar sempliċi.
5. B'kont meħud tal-paragrafu 4, meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi l-użu ta' sistemi tal-pajjiżi sħab meta jkun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni.
6. L-Unjoni għandha tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, fuq il-bażi, fejn adatt, ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni sħab. L-Unjoni għandha tintegra dawk il-prinċipji fl-implimentazzjoni tal-Istrumenti.
Artikolu 2
Adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni annwali, abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument rilevanti, fejn ikun applikabbli. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali skont l-Artikolu 6(3).
Il-programmi ta' azzjoni għandhom jispeċifikaw, għal kull azzjoni, l-għanijiet segwiti, ir-riżultati mistennija u l-attivitajiet prinċipali, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u skeda ta' żmien indikattiva, kwalunke miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni.
Fejn meħtieġ, tista' tiġi adottata azzjoni bħala miżura individwali qabel jew wara l-adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali.
Fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament ġustifikati, u meta l-finanzjament minn sorsi aktar adatti ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva, inkluż miżuri biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni minn għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet jew miżuri ta' żvilupp fuq perijodu twil biex in-nies ikunu preparati aħjar biex jittrattaw kriżijiet rikorrenti.
2. Il-programmi ta' azzjoni, u miżuri individwali u speċjali previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).
3. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun meħtieġa għal:
(a) |
miżuri individwali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx il-EUR 5 miljun; |
(b) |
miżuri speċjali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx l-EUR 10 miljun; |
(c) |
emendi tekniċi għal programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali. Emendi tekniċi huma aġġustamenti, bħal:
sakemm tali emendi ma jaffettwawx sostanzjalment l-objettivi tal-miżura. |
Il-miżuri adottati skont dan il-paragrafu għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 relatati mal-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali ma għandhomx japplikaw għall-kooperazzjoni transkonfinali tal-ENI.
5. Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament iġġustifikati, bħal kriżijiet jew theddid immedjat għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri individwali jew speċjali jew emendi għal programmi ta' azzjoni u miżuri eżistenti, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4).
6. Għandu jsir skrutinju ambjentali xieraq, fuq il-livell tal-proġetti, inkluż għall-impatti fuq it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, f'konformità mal-atti leġislattivi applikabbli tal-Unjoni, inklużi d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (16), li jinkludi, fejn applikabbli, valutazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA) għal proġetti ta' sensittività ambjentali, b'mod partikolari għal infrastruttura ġdida maġġuri. Fejn ikun rilevanti, fl-implimentazzjoni ta' programmi settorjali għandhom jintużaw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi. Għandhom jiġu żgurati l-involviment tal-partijiet interessati fil-valutazzjonijiet ambjentali u l-aċċess pubbliku għar-riżultati ta' tali valutazzjonijiet.
7. Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti, il-kriterji rigward l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu debitament ikkunsidrati.
Artikolu 3
Miżuri ta' appoġġ
1. Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri l-infiq għall-implimentazzjoni tal-Istrumenti u għall-kisba tal-għanijiet tagħhom, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mal-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, awditjar u evalwazzjoni direttament meħtieġa għal tali implimentazzjoni, kif ukoll infiq fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fuq l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti.
2. Dment li l-attivitajiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali tal-Istrument applikabbli implimentat permezz ta' azzjonijiet, il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri:
(a) |
studji, laqgħat, informazzjoni, ħolqien ta' kuxjenza, taħriġ, tħejjija u skambju tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki, attivitajiet ta' pubblikazzjoni u kwalunkwe assistenza amministrattiva jew teknika oħra dwar l-infiq meħtieġa għall-ġestjoni ta' azzjonijiet; |
(b) |
attivitajiet ta' riċerka u studji dwar kwistjonijiet rilevanti u d-disseminazzjoni tagħhom; |
(c) |
infiq relatat mal-provvista ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' strateġiji ta' komunikazzjoni u l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni. |
3. Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu ffinanzjati barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva. Fejn ikun applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).
Il-proċedura ta' eżami ma għandhiex tapplika għall-adozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun.
Il-miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar minn meta jiġu adottati.
TITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-METODI TA' FINANZJAMENT
Artikolu 4
Dispożizzjonijiet ġenerali ta' finanzjament
1. L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni tista' tiġi pprovduta permezz tat-tipi ta' finanzjament previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b'mod partikolari:
(a) |
għotjiet ta' flus; |
(b) |
kuntratti ta' akkwist għal servizzi, provvisti jew xogħlijiet; |
(c) |
appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali; |
(d) |
kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji tal-Unjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 187 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; |
(e) |
strumenti finanzjarji bħal self, garanziji, ekwità jew kważi-ekwità, investimenti jew parteċipazzjonijiet, u strumenti ta' kondiviżjoni tar-riskju, kull fejn ikun possibbli taħt il-ġestjoni tal-BEI f'konformità mal-mandat estern tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE, istituzzjoni finanzjarja Ewropea multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjoni finanzjarja Ewropea bilaterali, eż. banek bilaterali tal-iżvilupp, possibbilment flimkien ma' għotjiet ta' flus addizzjonali minn sorsi oħrajn. |
2. L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali tal-Unjoni kif imsemmi fil-punt (c) tal- paragrafu 1 huwa bbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenji kondiviżi rigward valuri universali, u għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubiji kuntrattwali bejn l-Unjoni u pajjiżi sħab biex b'hekk jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u jinqered il-faqar.
Kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandha tiġi bbażata fuq politiki ta' appoġġ baġitarju maqbula mill-Unjoni, sett ċar ta' kriterji ta' eliġibbiltà u valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji.
Wieħed mill-fatturi determinanti prinċipali ta' dik id-deċiżjoni għandu jkun valutazzjoni tal-impenn, ir-rekord u l-progress tal-pajjiżi sħab fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jiġi differenzjat b'mod tali li jwieġeb aħjar għall-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż sieħeb, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet ta' fraġilità.
Fl-għoti ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali f'konformità mal-Artikolu 186 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b'mod ċar u timmonitorja l-kondizzjonalità tagħha, u għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kapaċitajiet parlamentari ta' kontroll u awditjar u aktar trasparenza u aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Il-ħlas ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li jsir progress sodisfaċenti lejn il-kisba tal-objettivi miftiehma mal-pajjiż sieħeb.
3. Kwalunkwe entità fdata bl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kif imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandha tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012u tikkonforma mal-għanijiet, l-istandards u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-aħjar prattiki rigward l-użu u r-rappurtar rigward fondi tal-Unjoni.
L-istrumenti finanzjarji kif msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 jistgħu jinġabru f'faċilitajiet għall-għanijiet tal-implimentazzjoni u r-rappurtar.
L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista' tingħata wkoll, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, permezz ta' kontribuzzjonijiet lil fondi internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali, bħal dawk stabbiliti jew ġestiti mill-BEI, minn Stati Membri, minn pajjiżi u reġjuni sħab jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li jiġi attirat finanzjament konġunt minn għadd ta' donaturi, jew lil fondi stabbiliti minn donatur wieħed jew aktar għall-fini tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti.
4. L-aċċess reċiproku mill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti minn organizzazzjonijiet oħrajn għandu jiġi promoss, kif ikun adatt.
5. Fl-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Dawn għandhom jinkludu miżuri li jimponu rekwiżiti ta' viżibbiltà fuq reċipjenti ta' fondi tal-Unjoni, minbarra f'każijiet debitament iġġustifikati. Il-Kummissjoni għandu tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti.
6. Id-dħul kollu ġġenerat minn strument finanzjarju għandu jiġi assenjat lill-Istrument korrispondenti bħala dħul assenjat intern. Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kontribut li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, kif ukoll l-effikaċja, tal-istrumenti finanzjarji eżistenti.
7. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni, kif previst mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, direttament mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mill-aġenziji eżekuttivi, permezz ta' ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew indirettament billi jiġu fdati kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-entitajiet elenkati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dawk l-entitajiet għandhom jiżguraw konsistenza mal-politika esterna tal-Unjoni u jistgħu jafdaw kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil entitajiet oħrajn b'kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.
Huma għandhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom kull sena skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-opinjoni tal-awditjar, fejn meħtieġ, għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mir-rapport u d-dikjarazzjoni ta' ġestjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-assigurazzjoni tal-Kummissjoni.
L-organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-korpi tal-Istati Membri kif imsemmija fil-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament li jkunu ġew fdati mill-Kummissjoni jistgħu jafdaw ukoll kompiti ta' implimentazzjoni ta' baġit lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li għandhom kapaċità operazzjonali u finanzjarja adatta, taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.
L-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 60 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 139 ta' dak ir-Regolament.
8. It-tipi ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 6(1), u l-metodi ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom jintgħażlu abbażi tal- kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet li jagħtu riżultati, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Għall-għotjiet ta' flus, dan għandu jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' spejjeż unitarji.
9. L-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti jistgħu jiġu implimentati per mezz ta' kofinanzjament parallel jew konġunt.
Fil-każ ta' kofinanzjament parallel, azzjoni tinqasam f'numru ta' komponenti identifikabbli b'mod ċar li kull wieħed minnhom huwa ffinanzjat minn sħab differenti li jipprovdu kofinanzjament b'tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament jista' dejjem jiġi identifikat.
Fil-każ ta' kofinanzjament konġunt, l-ispiża totali ta' azzjoni hija maqsuma bejn is-sħab li jipprovdu l-kofinanzjament u r-riżorsi jinġabru flimkien b'tali mod li ma jibqax possibbli li s-sors ta' finanzjament jiġi identifikat għal kwalunkwe attività partikolari mwettqa bħala parti mill-azzjoni. F'tali każ, il-pubblikazzjoni ex-post ta' kuntratti tal-għotjiet u tal-akkwist kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tikkonforma mar-regoli, fejn applikabbli, li jirregolawl-entità inkarigata.
10. Meta jintuża tip ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 6(1), il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u sħabha tista' tieħu l-forma, fost l-oħrajn, ta':
(a) |
arranġamenti triangolari li permezz tagħhom l-Unjoni tikkoordina ma' kwalunkwe pajjiżi terzi l-assistenza tagħha lil pajjiż jew reġjun sieħeb; |
(b) |
miżuri ta' kooperazzjoni amministrattivi bħal ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta' servizz pubbliku ta' Stat Membru u dawk ta' pajjiż jew reġjun sieħeb, kif ukoll miżuri ta' kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom; |
(c) |
kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż neċessarji biex tiġi stabbilita u amministrata sħubija pubblika-privata; |
(d) |
programmi ta' appoġġ għall-politika tas-settur li permezz tagħhom l-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-programm tas-settur ta' pajjiż sieħeb; |
(e) |
fil-każ tal-ENI u l-IPA II, il-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-programmi u l-aġenziji tal-Unjoni; |
(f) |
sussidji fuq ir-rati tal-imgħax; |
(g) |
finanzjament permezz ta' għotjiet ta' flus lill-aġenziji tal-Unjoni. |
11. Fil-ħidma mal-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tagħhom, inklużi l-ħtiġijiet u l-kuntest, fid-definizzjoni tal-modalitajiet ta' finanzjament, it-tip ta' kontribuzzjoni, il-modalitajiet tal-għotja u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-ġestjoni tal-għotjiet ta' flus, bil-ħsieb li jinkiseb u li jingħata l-aħjar rispons għall-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' tali partijiet interessati. Għandhom jiġu inkoraġġuti modalitajiet speċifiċi f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, bħall-ftehimiet ta' sħubija, l-awtorizzazzjonijiet ta' għotjiet indiretti, għoti dirett jew appelli b'eliġibbiltà ristretta għal proposti jew ammonti f'daqqa.
12. Biex timplimenta l-appoġġ tagħha għat-transizzjoni u r-riforma fil-pajjiżi sħab, l-Unjoni għandha, fejn adatt, tibbaża fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri u l-lezzjonijiet meħuda u tikkondividihom.
Artikolu 5
Taxxi, dazji u imposti
L-assistenza mill-Unjoni m'għandhiex tiġġenera jew tattiva l-ġbir ta' taxxi, dazji jew imposti speċifiċi.
Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet adatti ma' pajjiżi terzi sabiex l-azzjonijiet li jimplimentaw l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni jiġu eżentati minn taxxi, dazji doganali u imposti fiskali oħrajn. Inkella, dawn it-taxxi, id-dazji u l-imposti għandhom ikunu eliġibbli taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' finanzjament
1. Minbarra t-tipi ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-istrumenti li ġejjin tista' tingħata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 wkoll permezz tat-tipi ta' finanzjament li ġejjin:
(a) |
taħt id-DCI u taħt l-ENI, ħelsien mid-dejn, fil-kuntest ta' programmi miftiehma internazzjonalment ta' ħelsien mid-dejn; |
(b) |
taħt id-DCI u taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, f'każijiet eċċezzjonali, programmi settorjali u ġenerali ta' importazzjoni, li jistgħu jieħdu l-forma ta':
|
(c) |
taħt l-EIDHR, għoti dirett ta':
|
2. Taħt l-ENI u l-IPA II, il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandhom, jiġu implimentati, b'mod partikolari, f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew taħt ġestjoni indiretta ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati f'atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u tar-Regolament (UE) Nru 231/2014.
3. Il-Kummissjoni tista' tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali:
(a) |
għal perijodu sa tliet snin fil-każ ta' azzjonijiet rikorrenti; |
(b) |
għal perijodu sa seba' snin taħt l-IPA II. |
Meta jsiru impenji pluriennali, huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jindikaw li, għas-snin li mhumiex is-sena inizjali ta' impenn, l-impenji huma indikattivi u jiddependu fuq il-baġits annwali tal-futur tal-Unjoni.
4. Għal azzjonijiet taħt l-ENI u l-IPA II li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda, jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.
F'każijiet bħal dawn, dment li ma jkunx previst mod ieħor mir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon ta' impenn baġitarju għal programm li, sal-31 ta' Diċembru tal-ħames sena wara dik tal-impenn baġitarju, ma jkunx intuża għall-fini ta' prefinanzjament jew biex isiru pagamenti interim jew li għalih l-entità inkarigata ma tkun ippreżentat l-ebda dikjarazzjoni ċertifikata ta' nefqa jew xi talba għal pagament.
5. Ir-regoli li jirregolaw il-kooperazzjoni transkonfinali taħt IPA II implimentati f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri għandhom ikunu konsistenti mar-regoli li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).
Artikolu 7
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li, meta jkunu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, permezz ta' rkupru u, fejn adatt, il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn adatt, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha, u l-Qorti tal-Awdituri, għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, jew fil-każ ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, is-setgħa ta' verifika f'konformità mal-ftehimiet li jkunu ntlaħqu magħhom, abbażi ta' dokumenti u fil-post, fir-rigward tal-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha tal-għotjiet, li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.
3. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (20), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2, u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet dwar għotjiet u deċiżjonijiet dwar għotjiet, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu setgħa espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
TITOLU III
REGOLI DWAR IN-NAZZJONALITÀ U L-ORIĠINI GĦALL-AKKWIST PUBBLIKU, PROĊEDURI GĦALL-GĦOTJIETTA' FLUS U GĦAL GĦOTIJIET OĦRAJN
Artikou 8
Regoli komuni
1. Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist, u fi proċeduri għall-għotjiet ta' flus u għal għotijiet oħrajn għal azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għall-benefiċċju ta' partijiet terzi għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' pajjiż eliġibbli, u persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fih, kif definit għall-Istrument applikabbli taħt dan it-Titolu, u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Persuni ġuridiċi jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.
2. Fil-każ ta' azzjonijiet kofinanzjati b'mod konġunt ma' sieħeb jew donatur ieħor jew implimentati permezz ta' Stat Membru f'ġestjoni kondiviża, jew permezz ta' fond fiduċjarju tal-Unjoni stabbilit mill-Kummissjon, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli ta' dak is-sieħeb, donatur ieħor jew Stat Membru jew iddeterminati fl-att kostitwenti tal-fond fiduċjarju għandhom ikunu eliġibbli wkoll.
Fil-każ ta' azzjonijiet implimentati permezz ta' wieħed mill-korpi inkarigati fil-ġestjoni indiretta f'kategorija elenkata fil-punti (c)(ii) sa (c)(viii) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli tal-korp ikkonċernat għandhom ukoll ikunu eliġibbli.
3. Fil-każ ta' azzjonijiet iffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti u, barra minn hekk, minn strument ieħor tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-pajjiżi identifikati taħt kwalunkwe wieħed minn dawk l-istrumenti għandhom jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dawk l-azzjonijiet.
Fil-każ ta' azzjonijiet ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali ffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti, il-pajjiżi, it-territorji u r-reġjuni koperti mill-azzjoni jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dik l-azzjoni.
4. Il-provvisti kollha mixtrija taħt kuntratt ta' akkwist, jew f'konformità ma' ftehim ta' għoti, iffinanzjat skont dan ir-Regolament għandhom joriġinaw minn pajjiż eliġibbli. Madankollu, huma jistgħu joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż jew territorju meta l-ammont tal-provvisti li ser jinxtara hu taħt il-limitu għall-użu tal-proċedura kompetittiva nnegozjata. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “oriġini” huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (21) u atti leġislattivi oħra tal-Unjoni li jirregolaw l-oriġini mhux preferenzjali.
5. Ir-regoli f'dan it-Titolu ma japplikawx, u ma joħolqux restrizzjonijiet ta' nazzjonalità għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b'mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, subkuntrattur.
6. Sabiex jiġu promossi kapaċitajiet, swieq u xiri lokali, għandha tingħata prijorità lill-kuntratturi lokali u reġjonali meta r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jipprevedi għotja abbażi ta' offerta waħda. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parteċipazzjoni ta' kuntratturi lokali u reġjonali għandha tiġi promossa f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dak ir-Regolament.
7. L-eliġibbiltà kif stabbilita f'dan it-Titolu tista' tiġi limitata fir-rigward tan-nazzjonalità, il-pożizzjoni ġeografika jew in-natura tal-applikanti, fejn tali limitazzjonijiet ikunu meħtieġa min-natura speċifika u l-għanijiet tal-azzjoni u fejn ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti fil-każ ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali.
8. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu ngħataw kuntratti għandhom jirrispettaw il-leġislazzjoni ambjentali applikabbli inkluż ftehimiet ambjentali multilaterali, kif ukoll l-istandards tax-xogħol ewlenin miftiehma internazzjonalment (22).
Artikolu 9
Eliġibbiltà taħt id-DCI, l-ENI u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi
1. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt id-DCI, l-ENI, u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi:
(a) |
l-Istati Membri, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; |
(b) |
għall-ENI, il-pajjiżi sħab koperti mill-ENI u l-Federazzjoni Russa meta l-proċedura rilevanti sseħħ fil-kuntest ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi u transkonfinali li jipparteċipaw fihom; |
(c) |
il-pajjiżi u t-territorji li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA ppubblikata mill-OECD-DAC (“lista ta' riċevituri tal-ODA”), li mhumiex membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji barranin koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (23); |
(d) |
pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA, li huma membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji oħra, meta jkunu benefiċjarji tal-azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni taħt l-Istrumenti koperti b'dan l-Artikolu; |
(e) |
pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni. L-aċċess reċiproku jista' jingħata, għal perjodu limitat ta' mill-inqas sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli taħt l-Istrumenti koperti minn dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku u dwar it-tul ta' żmien tiegħu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2), u wara konsultazzjoni mal-pajjiż jew pajjiżi riċevituri kkonċernati; u |
(f) |
membri sħab tal-OECD, fil-każ ta' kuntratti implimentati f'wieħed mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati jew f'Pajjiż Fqir b'Ħafna Dejn, kif inkluż fil-lista ta' riċevituri tal-ODA. |
2. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew provvisti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każ ta':
(a) |
pajjiżi li tradizzjonalment għandhom rabtiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma' pajjiżi benefiċjarji ġirien; jew |
(b) |
urġenza jew nuqqas ta'disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. |
3. Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).
Artikolu 10
Eliġibbiltà taħt l-IPA II
1. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt l-IPA II:
(a) |
Stati Membri, benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi sħabkoperti mill-ENI, u |
(b) |
pajjiżi li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi aċċess reċiproku għall-assistenza esterna taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1). |
2. L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każijiet li jinvolvu urġenza jew in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħra debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.
3. Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).
Artikolu 11
Eliġibbiltà taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi
1. Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet inerenti fin-natura u l-għanijiet tal-azzjoni kif previst fl-Artikolu 8(7), il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotjiet, kif ukoll ir-reklutaġġ ta' esperti, għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.
2. Taħt l-EIDHR, il-korpi u l-atturi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament f'konformità mal-Artikolu 4(1), (2) u (3) u l-punt (c) tal-Artikolu 6(1):
(a) |
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-Komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; |
(b) |
aġenziji tas-settur pubbliku mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; |
(c) |
korpi parlamentari nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, meta dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-EIDHR u l-miżura proposta ma tkunx tista' tiġi ffinanzjata taħt Strument ieħor; |
(d) |
organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali; |
(e) |
persuni fiżiċi, entitajiet mingħajr personalità ġuridika u, f'każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati, korpi jew atturi oħrajn mhux identifikati f'dan il-paragrafu, meta dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-EIDHR. |
Artikolu 12
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-azzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-azzjonijiet tagħha regolarment u tirrieżamina il-progress li jkun sar lejn il-kisba ta' riżultati mistennija, li jkopru l-outputs u l-eżiti. Il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa l-impatt u l-effettività tal-politiki u l-azzjonijiet settorjali tagħha u l-effettività tal-programmazzjoni, fejn meħtieġ permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti. Għandu jittieħed adegwatament kont tal-proposti mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti. L-evalwazzjonijiet għandhom jiġu bbażati fuq prinċipji ta' prattika tajba tal-OECD-DAC, li għandhom l-għan li jaċċertaw jekk l-għanijiet speċifiċi, fejn applikabbli li jikkunsidraw l-ugwaljanza bejn is-sessi, intlaħqux u li jifformulaw rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu operazzjonijiet futuri. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu.
2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16. L-evalwazzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu diskussi f'dak il-kumitat fuq it-talba tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu lura għad-disinn tal-programm u l-allokazzjoni tar-riżorsi.
3. Il-Kummissjoni għandha, sa punt xieraq, tassoċja lill-partijiet interessati rilevanti kollha fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni prevista taħt dan ir-Regolament, u tista', fejn adatt, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u s-sħab fl-iżvilupp.
4. Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 13 għandu jirrifletti l-lezzjonijiet ewlenin meħuda u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet li jkunu saru fis-snin preċedenti.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI OĦRA
Artikolu 13
Rapport annwali
1. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza finanzjarja esterna tal-Unjoni u, mill-2015 'il quddiem, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar il-kisba tal-għanijiet ta' kull Regolament permezz ta' indikaturi, li jkejlu r-riżultati miksuba u l-effiċjenza tal-Istrument rilevanti. Dak ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
2. Ir-rapport annwali għandu jkollu informazzjoni relatata mas-sena ta' qabel dwar il-miżuri finanzjati, ir-riżultati ta' eżerċizzji ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, l-involviment tal-imsieħba rilevanti, u l-implimentazzjoni ta' obbligi baġitarji u ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti, analizzati skont il-pajjiż, ir-reġjun u s-settur ta' koperazzjoni. Huwa għandu jivvaluta, ir-riżultati tal-assistenza finanzjarja mill-Unjoni bl-użu, sa fejn hu possibbli, ta' indikaturi speċifiċi u li jistgħu jitkejlu, tar-rwol tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrumenti. Fil-każ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ir-rapport għandu jivvaluta wkoll, fejn possibbli u rilevanti, l-aderenza għal prinċipji ta' effettività tal-għajnuna, inkluż għal strumenti finanzjarji innovattivi.
3. Ir-rapport annwali mħejji fl-2021 għandu jinkludi informazzjoni kkonsolidata mir-rapporti annwali li jirrigwardaw il-perijodu 2014-2020 dwar il-finanzjament kollu rregolat minn dan ir-Regolament, inklużi dħul u kontribuzzjonijiet assenjati esterni lill-fondi fiduċjarji u joffri analiżi ta' nfiq mill-pajjiż benefiċjarju, l-użu ta' strumenti finanzjarji, impenji u pagamenti.
Artikolu 14
Nefqa fuq azzjoni klimatika u bijodiversità
Għandha ssir stima annwali tal-infiq globali relatat ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fuq il-bażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva adottati. Il-finanzjament allokat fil-kuntest tal-FEŻ ikun soġġett għal sistema ta' traċċabbiltà annwali ibbażata fuq il-metodoloġija tal-OECD (“indikaturi ta' Rio”), mingħajr ma jkun eskluż l-użu ta' metodoloġiji aktar preċiżi fejn dawn huma disponibbli, integrati fil-metodoloġija eżistenti għal ġestjoni tal-prestazzjoni ta' programmi tal-Unjoni, biex tkun kwantifikata n-nefqa relatata ma' azzjoni klimatika u bijodiversità fil-livell tal-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali u speċjali msemmija fl-Artikolu 2(1), u rreġistrat fl-evalwazzjonijiet u r-rapporti annwali.
Artikolu 15
Involviment ta' partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji
Il-Kummissjoni għandha, kull fejn possibbli u adatt, tiżgura li, fil-proċess ta' implimentazzjoni, il-partijiet interessati rilevanti tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, jiġu jew ikunu ġew ikkonsultati debitament u jkollhom aċċess f'waqtu għal informazzjoni rilevanti li tippermetti li jkollhom rwol sinifikanti f'dak il-proċess.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 16
Proċedura tal-kumitati
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitati stabbiliti mill-Istrumenti. Dawk il-kumitati għandhom ikunu kumitati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-perijodu ta' żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-perijodu ta' żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Id-deċiżjoni adottata għandha tibqa' fis-seħħ għat-tul ta' żmien tad-dokument, il-programm ta' azzjoni jew il-miżura adottata jew modifikata.
5. Osservatur mill-BEI għandu jipparteċipa fil-proċedimenti tal-kumitat fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-BEI.
Artikolu 17
Rieżami u evalwazzjoni tal-Istrumenti f'nofs it-terminu
1. Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, għandu jiġi ppreżentat rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' kull wieħed mill-Istrumenti u ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sat-30 ta' Ġunju 2017 u għandu jiffoka fuq il-kisba tal-għanijiet ta' kull Strument permezz ta' indikaturi li jkejlu r-riżultati miksuba u l-effiċjenza tal-Istrumenti.
Barra minn hekk, dak ir-rapport għandu jindirizza, bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet ta' kull Strument, il-valur miżjud ta' kull Strument, il-possibbiltà ta' simplifikazzjoni, koerenza interna u esterna, inkluż il-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn l-Istrumenti, ir-rilevanza kontinwa tal-għanijiet kollha, u l-kontribut tal-miżuri għal azzjoni esterna konsistenti tal-Unjoni u, fejn rilevanti, għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan għandu jikkunsidra kwalunkwe konstatazzjonijiet u konklużjonijiet li jirrigwardaw l-impatt fit-tul tal-Istrumenti. Huwa għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-effett ta' lieva tal-fondi minn kull wieħed mill-istrumenti finanzjarji.
Dak ir-rapport għandu jsir bl-għan speċifiku li titjieb l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-Unjoni. Huwa għandu jinkludi informazzjoni rigward deċiżjonijiet dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tat-tipi ta' azzjonijiet implimentati taħt l-Istrumenti.
Dak ir-rapport għandu jinkludi ukoll informazzjoni kkonsolidata minn rapporti annwali rilevanti dwar il-finanzjament kollu regolat minn dan ir-Regolament, inklużi d-dħul u l-kontribuzzjonijiet assenjati esterni lill-fondi fiduċjarji u joffri analiżi ta' nfiq mill-pajjiż benefiċjarju, l-użu ta' strumenti finanzjarji, impenji u pagamenti.
Għandu jiġi stabbilit rapport finali ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni għall-perijodu 2014-2020 fir-rieżami interim tal-perijodu finanzjarju li jmiss.
2. Ir-rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandu jkun akkumpanjat, fejn adatt, minn proposti leġislattivi li jintroduċu l-modifiki meħtieġa għall-Istrumenti u għal dan ir-Regolament.
3. Il-valuri tal-indikaturi fl-1 ta' Jannar 2014 għandhom jintużaw bħala bażi għall-valutazzjoni tal-punt sa fejn inkunu ntlaħqu l-għanijiet.
4. Il-pajjiżi sħab għandhom ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni biex jipprovdu d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-assistenza, sabiex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati.
5. L-eżiti u l-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Istrumenti għandhom jiġu evalwati f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar applikabbli dak iż-żmien.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.
(3) Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ara l-paġna 85 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(9) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(10) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(11) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(12) Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE (ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1).
(13) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(14) Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).
(15) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).
(16) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40).
(17) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(18) Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).
(19) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(20) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(21) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.12.1992, p. 1).
(22) L-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO, il-Konvenzjonijiet dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta' xogħol furzat jew obbligatorju, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjoni u l-abolizzjoni tat-tħaddim tat-tfal.
(23) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KEE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (’Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-Baħar’ (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1)
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta' atti ta' implementazzjoni għat-twaqqif ta' provvedimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti regoli fir-Regolament Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)
Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u regoli ta' implimentazzjoni oħrajn speċifiċi u aktar dettaljati fir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), għandhom l-għan li jissupplimentaw l-att bażiku u għaldaqstant għandhom ikunu atti delegati li għandi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tiftakar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-“bijoċidi”.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “rimborżi”
F'konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Kummissjoni Ewropea se tinkludi fl-abbozz tal-baġit linja li takkomoda d-dħul assenjat intern u, fejn possibbli, hija tindika l-ammont ta' dan id-dħul.
L-awtorità baġitjarja se tiġi infurmata dwar l-ammont tar-riżorsi akkumulati kull sena matul il-proċess ta' ppjanar tal-baġit. Id-dħul assenjat intern se jkun inkluż fl-abbozz tal-baġit biss safejn l-ammont tagħhom ikun ċert.
Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji
Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihomx referenza espliċita għall-possibbiltà li jissospendu l-assistenza f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.
Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.