Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0157

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 157/2014 tat- 30 ta’ Ottubru 2013 dwar il-kundizzjonijiet biex titqiegħed għad-dispożizzjoni f’websajt dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ prodotti għall-bini

    ĠU L 52, 21.2.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/157/oj

    21.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 52/1


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 157/2014

    tat-30 ta’ Ottubru 2013

    dwar il-kundizzjonijiet biex titqiegħed għad-dispożizzjoni f’websajt dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ta’ prodotti għall-bini

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) flimkien mal-Artikolu 60(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jobbliga lill-manifatturi tal-prodotti għall-bini li jikkompilaw dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni meta jitqiegħed fis-suq prodott għall-bini li jkun kopert minn standard armonizzat, jew jikkonforma ma’ Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għal dak il-prodott. Għandha tingħata kopja ta’ din id-dikjarazzjoni, jew fuq il-karta jew b’mezzi elettroniċi.

    (2)

    Skont l-Artikoli 7(3) u 60(b) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ipproċessar elettroniku tad-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni f’websajt. Dawn il-kundizzjonijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-Internet tad-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni jippermettu l-użu tat-teknoloġiji tal-informatika u jnaqqsu l-kostijiet għall-manifatturi tal-prodotti għall-bini u għas-settur kollu tal-bini b’mod ġenerali.

    (3)

    Biex jitqiesu wkoll il-bżonnijiet speċifiċi ta’ min jirċievi l-prodotti għall-bini, fosthom, speċjalment, il-mikrointrapriżi, u b’mod partikolari dawk li jkunu qegħdin jaħdmu fuq siti tal-bini mingħajr aċċess għall-Internet, dan l-att delegat ma għandux jiġi estiż biex jinkludi ebda deroga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

    (4)

    Biex ikun żgur li l-format elettroniku ta’ dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni li tikkorrispondi ma’ prodott partikolari jkun jista’ jiġi identifikat faċilment, il-manifatturi għandhom jorbtu kull prodott, jew kull lott tal-istess prodott li jqiegħdu fis-suq ma’ dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni speċifika permezz tal-kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tat-tip tal-prodott, li għandu jissemma fid-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni b’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

    (5)

    Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv involut fil-forniment ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni, filwaqt li jibqa’ żgurat li l-informazzjoni f’dawn id-dikjarazzjonijiet tibqa’ affidabbli, il-format elettroniku ta’ dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ma għandux jinbidel wara li din tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni fuq l-Internet, u għandha tibqa’ aċċessibbli għal mill-inqas perjodu ta’ 10 snin wara li l-prodott għall-bini jkun tqiegħed fis-suq, jew għal perjodu ieħor ta’ żmien li jista’ jkun japplika minħabba t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

    (6)

    Is-sit tal-Internet fejn tkun tqiegħdet id-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni, għandu jkun soġġett għall-monitoraġġ u l-manutenzjoni biex ikun żgurat, li kemm hu possibbli dan jinżamm kontinwament aċċessibbli u ma jsirx indisponibbli minħabba nuqqas ta’ funzjonament tajjeb għal raġunijiet tekniċi.

    (7)

    Is-sit tal-Internet fejn tidher id-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni għandu jkun aċċessibbli mingħajr ħlas għal min jirċievi l-prodotti għall-bini. Dawk li jirċievu l-prodotti għandhom jingħataw istruzzjonijiet biex jaċċessaw is-sit u d-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-format elettroniku tagħha.

    (8)

    Biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività tas-settur tal-bini Ewropew kollu, l-operaturi ekonomiċi li jipprovdu dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni u li jixtiequ jużaw it-teknoloġiji l-ġodda tal-informatika biex jiffaċilitaw il-forniment ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk kemm jista’ jkun possibbli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-operaturi ekonomiċi jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, f’websajt, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    għandhom jiżguraw li l-kontenut ta’ dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni ma jinbidilx wara li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni f’sit tal-Internet;

    (b)

    għandhom jiżguraw li s-sit fejn jitqiegħdu d-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni li jinkitbu għall-prodotti għall-bini jinżamm aġġornat u jkun sorveljat biex kemm is-sit, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni jkunu disponibbli għal dawk li jirċievu l-prodotti għall-bini, b’mod kontinwu;

    (c)

    għandhom jiżguraw li d-dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni hija aċċessibbli mingħajr ħlas għal min jirċievi l-prodotti għall-bini, għal perjodu ta’ 10 snin wara li l-prodott għall-bini jkun tqiegħed fis-suq, jew għal perjodu ta’ żmien ieħor li jista’ jkun applikabbli skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011;

    (d)

    għandhom jipprovdu l-istruzzjonijiet lil min jirċievi l-prodotti għall-bini dwar kif għandu jaċċessal-websajt u d-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni miktubin għal dawn il-prodotti u ppubblikati fuq dak is-sit.

    2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull prodott, jew kull lott tal-istess prodott li jqiegħdu fis-suq ikun marbut ma’ dikjarazzjoni dwar il-prestazzjoni speċifika permezz tal-kodiċi uniku ta’ identifikazzjoni tat-tip tal-prodott.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.


    Top