EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0031

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 31/2014 tal- 14 ta’ Jannar 2014 li jirrevoka d-Deċiżjonijiet 2004/301/KE u 2004/539/KE u r-Regolament (UE) Nru 388/2010 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 10, 15.1.2014, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/31/oj

15.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 31/2014

tal-14 ta’ Jannar 2014

li jirrevoka d-Deċiżjonijiet 2004/301/KE u 2004/539/KE u r-Regolament (UE) Nru 388/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 21 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u r-regoli li japplikaw għall-kontrolli fuq movimenti ta’ dan it-tip. Japplika għall-movimenti bejn l-Istati Membri jew minn pajjiżi terzi ta’ annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tiegħu. Il-klieb, il-qtates u l-inmsa huma elenkati fil-Partijiet A u B ta’ dan l-Anness. Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 ilu japplika mit-3 ta’ Lulju 2004.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/803/KE tas-26 ta’ Novembru 2003 li tistabbilixxi mudell ta’ passaport tal-movimenti fil-Komunità ta’ klieb, qtates u nemes (2) tistabbilixxi l-mudell ta’ passaport tal-moviment tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet tal-klieb, il-qtates u l-inmsa bejn l-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għall-arranġamenti tar-Regolament (KE) Nru 998/2003, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/301/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 li tidderoga mid-Deċiżjonijiet 2003/803/KE u 2004/203/KE rigward il-format taċ-ċertifikati u l-passaporti għall-moviment mhux għal skopijiet kummerċjali tal-klieb, qtates u inmsa u li temenda d-Deċiżjoni 2004/203/KE (3), sabiex iċ-ċertifikati u l-passaporti maħruġa għall-annimali domestiċi qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 ikomplu jintużaw, sakemm dawn jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonjiet.

(4)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/539/KE tal-1 ta’ Lulju 2004 tistabbilixxi miżura tranżitorja għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 fuq ir-rekwiżiti dwar saħħet l-annimali applikabbli għall-ispostament mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi (4) u tistipula li sal-1 ta’ Ottubru 2004, l-Istati Membri kellhom jippermettu d-dħul fit-territorju tagħhom tal-annimali domestiċi tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 b’konformità mar-regoli nazzjonali li kienu fis-seħħ qabel it-3 ta’ Lulju 2004.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (5) jirrevoka u jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 998/2003. Konsegwentament, il-miżuri adottati biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għall-arranġamenti tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 ma għadhomx validi. Id-Deċiżjonijiet 2004/301/KE u 2004/539/KE għandhom għaldaqstant jiġu rrevokati.

(6)

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 388/2010 tas-6 ta’ Mejju 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ ċerti speċji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ moviment mhux kummerċjali (6) ġie adottat sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ movimenti kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa moħbija b’mod frodulenti bħala movimenti mhux kummerċjali, meta dawn l-annimali jiċċaqilqu fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew pajjiż terz elenkat fit-Taqsima 2 tal-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 998/2003.

(7)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 388/2010 ġew rieżaminati u inklużi fir-Regolament (UE) Nru 576/2013. Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 japplika mid-29 ta’ Diċembru 2014. Konsegwentament, ir-Regolament (UE) Nru 388/2010 ma jibqax validu mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 u għandu għaldaqstant jiġi rrevokat b’effett minn dik id-data.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Deċiżjonijiet 2004/301/KE u 2004/539/KE huma rrevokati.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 388/2010 huwa rrevokat b’effett mid-29 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 312, 27.11.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 98, 2.4.2004, p. 55.

(4)  ĠU L 237, 8.7.2004, p. 21.

(5)  ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(6)  ĠU L 114, 7.5.2010, p. 3.


Top