This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0100
Commission Directive 2014/100/EU of 28 October 2014 amending Directive 2002/59/EC of the European Parliament and of the Council establishing a Community vessel traffic monitoring and information system Text with EEA relevance
Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE tat- 28 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE tat- 28 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 308, 29.10.2014, p. 82–87
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/82 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/100/UE
tat-28 ta' Ottubru 2014
li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Il-kompetittività tat-trasport marittimu Ewropew tista' tiġi ffaċilitata permezz ta' użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u ta' użu aħjar ta' informazzjoni elettronika. |
(2) |
Għal raġunijiet ta' effiċjenza massima u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, hemm il-ħtieġa li nibnu fuq il-pjattaformi nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti, fuq soluzzjonijiet tekniċi u fuq l-istandardizzazzjoni, filwaqt li nisfruttaw ukoll il-benefiċċji tal-investimenti li jkunu diġà saru. |
(3) |
Is-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju tal-Informazzjoni Marittima (SafeSeaNet), stabbilita skont id-Direttiva 2002/59/KE, minbarra li ttejjeb is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima u tal-port, il-protezzjoni ambjentali u t-tħejjija għat-tniġġis, tippermetti l-iskambju, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ta' informazzjoni addizzjonali bil-għan li jiġu ffaċilitati t-traffiku u t-trasport marittimi effiċjenti. |
(4) |
Sabiex ikun jista' jsir iffrankar fl-ispejjeż u sabiex jiġi evitat li jinħolqu gruppi ta' tmexxija multipli u fl-istess ħin jittieħed vantaġġ mill-esperjenza tal-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli, il-prinċipji tal-ġestjoni tiegħu u l-kompiti tiegħu għandhom jiġu aġġustati biex ikopru aktar oqsma koperti mid-Direttiva. |
(5) |
Id-Direttiva 2002/59/KE tesiġi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw biex jiżviluppaw u jaġġornaw is-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fit-tħaddim tas-sistema, il-potenzjal u l-funzjonijiet tagħha, bil-għan li jtejbuha, billi jqisu l-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. |
(6) |
L-esperjenzi u l-avvanzi tekniċi li saru, b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' sistema tal-iskambju tad-dejta interoperabbli li tista' tikkombina informazzjoni mis-SafeSeaNet ma' informazzjoni minn sistemi ta' monitoraġġ u ta' traċċar oħrajn tal-Unjoni (CleanSeaNet, iċ-Ċentru tad-Dejta tal-Unjoni Ewropea għal Identifikazzjoni u Traċċar mill-bogħod ta' Bastimenti (iċ-Ċentru tad-Dejta LRIT tal-UE) u THETIS), u wkoll minn sistemi esterni (eż. AIS bis-satellita), li jippermettu aktar integrazzjoni tas-servizzi marittimi. Tnedew bosta inizjattivi tal-AIS bis-satellita, inkluż mill-Istati Membri, u dan jikkonferma l-benefiċċji operazzjonali meta jkun hemm l-aċċess għal dejta SAT-AIS. |
(7) |
L-EMSA ospitat sistemi u applikazzjonijiet li huma kapaċi jipprovdu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-korpi tal-Unjoni, b'informazzjoni komprensiva dwar, pereżempju, il-pożizzjonijiet tal-bastimenti, it-tagħbijiet ta' merkanzija perikoluża, it-tniġġis, eċċ., kif ukoll jipprovdu servizzi ta' appoġġ f'oqsma bħalma huma l-gwardji kostali, u kontra l-piraterija, u statistika, skont id-drittijiet ta' aċċess attribwiti f'konformità mad-Dokument ta' Kontroll tal-Interface u tal-Funzjonalitajiet (IFCD) stabbilit u miżmum skont l-Artikolu 22a u l-Anness III tad-Direttiva. |
(8) |
Il-ġestjoni tas-sistema u t-titjib teknoloġiku tagħha jiġu diskussi b'mod regolari mal-Istati Membri fil-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli ta' SafeSeaNet (HLSG) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE (2). Dan il-grupp jiddiskuti wkoll it-titjib li jsir u li jwassal għall-integrazzjoni teknika tad-diversi sistemi u applikazzjonijiet żviluppati. Dawn l-avvanzi u l-ittestjar, mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima, ta' ambjent tad-dejta marittima integrata pproduċew sinerġiji, karatteristiċi u servizzi mtejba tas-sistemi. |
(9) |
Għalhekk l-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE jrid jiġi adattat biex jirrifletti dawn l-avvanzi tekniċi magħmula fid-dawl tal-esperjenza miksuba mis-SafeSeaNet. |
(10) |
L-Anness III tad-Direttiva VTMIS li jkopri s-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima u li jirreferi għal-leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni, għandu jsir aktar espliċitu billi jispeċifika dawk l-atti tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom attwalment is-SafeSeaNet qed tintuża, bħad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); fir-rigward tal-atti legali msemmija, l-użu tas-SafeSeaNet jista' jiffaċilita aktar l-iskambju u l-qsim tal-informazzjoni u għandu jiffaċilita aktar l-użu tas-sistema, tas-sistema tal-informazzjoni integrata kif ukoll ta' pjattaforma li tiżgura l-konverġenza u l-interoperabbiltà tas-sistemi u tal-applikazzjonijiet marittimi, inklużi t-teknoloġiji bbażati fl-ispazju. |
(11) |
L-iżviluppi riflessi f'din id-Direttiva jistgħu wkoll jaqdu rwol ċentrali fl-iżvilupp ta' Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) għall-qasam marittimu, li huwa proċess kollaborattiv volontarju fl-Unjoni Ewropea li jfittex li jkompli jsaħħaħ u jippromwovi l-qsim tal-informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima. |
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (COSS), |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KEE huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-18 ta' Novembru 2015. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE tal-31 ta' Lulju 2009 stabbiliment ta' Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli dwar is-SafeSeaNet (notifikata bid-dokument numru C(2009) 5924) (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 63).
(3) Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).
(4) Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).
(5) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(6) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal- 20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).
ANNESS
“ANNESS III
MESSAĠĠI ELETTRONIĊI U S-SISTEMA TAL-UNJONI GĦALL-ISKAMBJU TA' INFORMAZZJONI MARITTIMA (SAFESEANET)
1. Il-kunċett ġenerali u l-arkitettura
Is-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima, SafeSeaNet, għandha tippermetti l-wasla, il-ħażna, l-irkupru u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tas-sikurezza marittima, tas-sigurtà marittima u tal-portijiet, tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-effiċjenza tat-traffiku u t-trasport marittimi.
Is-SafeSeaNet hija sistema speċjalizzata li twaqqfet biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni f'format elettroniku bejn l-Istati Membri u biex tipprovdi lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri bit-tagħrif rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hija magħmula minn network ta' sistemi SafeSeaNet nazzjonali li jinsabu fl-Istati Membri u minn sistema SafeSeaNet ċentrali li sservi bħala pern.
Is-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Informazzjoni Marittima għandha tgħaqqad is-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha, stabbiliti skont din id-Direttiva, u għandha tinkludi s-sistema SafeSeaNet ċentrali.
2. L-immaniġġar, it-tħaddim, l-iżvilupp u l-manutenzjoni
2.1. Responsabilitajiet
2.1.1.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu sistema SafeSeaNet nazzjonali li tippermetti l-iskambju ta' tagħrif marittimu bejn l-utenti awtorizzati taħt ir-responsabilità ta' awtorità kompetenti nazzjonali (NCA).
L-NCA għandha tkun responsabbli mill-immaniġġar tas-sistema nazzjonali, li għandu jinkludi l-koordinazzjoni nazzjonali bejn l-utenti tad-dejta u l-fornituri tad-dejta kif ukoll mill-iżgurar li l-UN LOCODES ikunu stabbiliti u li l-infrastruttura nazzjonali tal-IT meħtieġa u l-proċeduri deskritti fid-dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 ikunu stabbiliti u miżmuma.
Is-sistema SafeSeaNet nazzjonali għandha tippermetti l-interkonnessjoni tal-utenti awtorizzati taħt ir-responsabbiltà ta' NCA u tista' ssir aċċessibbli għal parteċipanti fit-tbaħħir identifikati (sidien tal-vapuri, aġenti, kaptani, shippers u oħrajn) meta jkunu awtorizzati minn xi NCA, b'mod partikolari sabiex tiġi ffaċilitata s-sottomissjoni elettronika ta' rapporti f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
2.1.2.
Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-immanniġġar u l-iżvilupp fil-livell ta' politika tas-sistema SafeSeaNet ċentrali u għas-sorveljanza tas-sistema SafeSeaNet, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, filwaqt li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-Aġenzija Ewropea ta' Sigurtà fuq il-bahar, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, hija responsabbli minn:
— |
l-implimentazzjoni u d-dokumentazzjoni tekniċi tas-SafeSeaNet; |
— |
l-iżvilupp, l-operazzjoni u l-integrazzjoni tal-messaġġi elettroniċi u d-dejta kif ukoll il-manutenzjoni tal-interfaċċji mas-sistema SafeSeaNet ċentrali, inkluż id-dejta AIS miġbura permezz tas-satellita, u mas-sistema ta' informazzjoni differenti f'din id-Direttiva u kif imsemmi fil-punt 3. |
Is-sistema SafeSeaNet ċentrali, li taġixxi bħala pern, għandha tikkollega s-sistemi SafeSeaNet nazzjonali kollha u għandha tistabbilixxi l-infrastruttura u l-proċeduri meħtieġa tal-IT kif deskritt fid-‘dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet’ imsemmi fil-punt 2.3.
2.2. Prinċipji ta' mmaniġġar
Il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' tmexxija ta' livell għoli, li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, sabiex:
— |
jagħmel rakkomandazzjonijiet li jtejbu l-effettività u s-sigurtà tas-sistema, |
— |
jagħti direzzjoni xierqa għall-iżvilupp tas-sistema, |
— |
jgħin lill-Kummissjoni fir-rieżami tal-prestazzjoni tas-sistema, |
— |
jipprovdi gwida xierqa għall-iżvilupp ta' pjattaforma ta' skambju ta' dejta interoperabbli li tgħaqqad l-informazzjoni minn SafeSeaNet b'informazzjoni minn sistemi ta' informazzjoni oħra kif imsemmi fil-punt 3, |
— |
japprova d-dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet imsemmi fil-punt 2.3 u kwalunkwe emendi għalih, |
— |
jadotta linji gwida għall-ġbir u t-tqassim tal-informazzjoni permezz tas-SafeSeaNet relatati ma' awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri biex iwettqu funzjonijiet skont din id-Direttiva, |
— |
jikkoordina ma' fora rilevanti oħra, b'mod partikolari l-grupp dwar is-servizzi tas-simplifikazzjoni amministrattiva u tal-informazzjoni elettronika marittimi. |
2.3. Id-Dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet u d-dokumentazzjoni teknika
Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u żżomm, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ‘Dokument ta' kontroll tal-interface u tal-funzjonalitajiet’ (IFCD).
L-IFCD għandu jiddeskrivi fid-dettal ir-rekwiżiti u l-proċeduri tal-prestazzjoni applikabbli għall-elementi nazzjonali u ċentrali tas-SafeSeaNet maħsuba sabiex jiżguraw konformita' mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.
L-IFCD għandu jinkludi r-regoli għal:
— |
gwida ta' drittijiet tal-aċċess, għall-immaniġġar tal-kwalità tad-dejta; |
— |
integrazzjoni tad-dejta, kif imsemmi fil-punt 3, u d-distribuzzjoni tagħha permezz tas-sistema SafeSeaNet, |
— |
proċeduri operazzjonali għall-Aġenzija u għall-Istati Membri li jiddefinixxu l-mekkaniżmi ta' kontroll dwar il-kwalità tad-dejta tas-SafeSeaNet, |
— |
specifikazzjonijiet tas-sigurtà għat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta, u |
— |
l-arkivjar tal-informazzjoni fil-livelli nazzjonali u ċentrali. |
L-IFCD għandu jindika l-mezzi tal-ħażna u d-disponibilità tal-informazzjoni dwar merkanzija perikoluża jew li tniġġes rigward servizzi skedati li jkunu ġew eżentati skont l-Artikolu 15.
Id-dokumentazzjoni teknika relatata mas-SafeSeaNet, bħall-istandards tal-format għall-iskambju tad-dejta, l-interoperabbiltà ma' sistemi u applikazzjonijiet oħrajn, il-manwali tal-utenti u l-ispeċifikazzjonijiet għas-sigurtà tan-netwerk, għandha tkun żviluppata u miżmuma mill-Aġenzija f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.
3. L-iskambju u l-qsim ta' dejta
Is-sistema għandha tuża standards tal-industrija u għandha tkun tista' tinteraġixxi mas-sistemi pubbliċi u privati użati biex joħolqu, jipprovdu jew jirċievu t-tagħrif fis-SafeSeaNet.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jeżaminaw il-fattibbiltà u l-iżvilupp ta' funzjonalitajiet li safejn ikun possibbli jiżguraw li l-fornituri tad-dejta, fosthom il-kaptani, is-sidien, l-aġenti, l-operaturi, ix-shippers u l-awtoritajiet rilevanti jkunu meħtieġa li jippreżentaw it-tagħrif darba biss, billi jqisu kif dovut l-obbligi tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (2) u tal-leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħrif mibgħut ikun disponibbli għall-użu fis-sistemi rilevanti kollha ta' rappurtar, ta' notifikazzjoni, ta' qsim ta' informazzjoni u tas-sistemi VTMIS.
L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jżommu l-interfaces meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika ta' dejta permezz ta' mezzi elettroniċi għas-sistema SafeSeaNet.
Is-SafeSeaNet ċentrali għandha tintuża għat-tqassim ta' messaġġi elettroniċi u tad-dejta skambjata jew kondiviża skont din id-Direttiva u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inter alia:
— |
Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (3), fir-rigward tal-Artikolu 12(3) tagħha. |
— |
Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur, inkluż penali kriminali, għal reati ta' tniġġis (4), fir-rigward tal-Artikolu 10 tagħha. |
— |
Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (5), fir-rigward tal-Artikolu 24 tagħha; |
— |
Id-Direttiva 2010/65/UE safejn japplika l-Artikolu 6 tagħha; |
It-tħaddim tas-sistema SafeSeaNet għandu jappoġġja l-iffaċilitar u l-istabbiliment taż-Żona Ewropea Tat-Trasport Marittimu mingħajr Konfini.
Fejn ir-regoli adottati b'mod internazzjonali jippermettu r-routing tal-informazzjoni LRIT dwar bastimenti ta' pajjiżi terzi, għandhom jintużaw in-networks tas-SafeSeaNet biex titqassam fost l-Istati Membri, bil-livell ta' sigurtà xieraq, l-informazzjoni LRIT li tkun waslet skont l-Artikolu 6b ta' din id-Direttiva.
4. Is-sigurtà u d-drittijiet ta' aċċess
Is-sistemi SafeSeaNet ċentrali u nazzjonali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva dwar il-kunfidenzjalità tat-tagħrif kif ukoll mal-prinċipji tas-sigurtà u mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fl-IFCD, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' drittijiet ta' aċċess.
L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-utenti kollha li għalihom hemm attribwit rwol kif ukoll sett ta' drittijiet ta' aċċess f'konformità mal-IFCD.”
(1) Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).
(2) ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.
(3) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.