Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0096

    Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal- 15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE

    ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/04/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2014/96/oj

    16.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 298/12


    DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/96/UE

    tal-15 ta' Ottubru 2014

    dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Huwa xieraq li jiġu adottati rekwiżiti fir-rigward tat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott sabiex jiġi żgurat li l-kummerċjalizzazzjoni ssir skont id-Direttiva 2008/90/KE.

    (2)

    Jeħtieġ li jiġu previsti rekwiżiti dwar is-siġillar u l-imballaġġar fir-rigward ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott ċertifikat b'mod uffiċjali bħala materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat u fir-rigward ta' pjanti tal-frott iċċertifikati b'mod uffiċjali bħala materjal iċċertifikat.

    (3)

    Il-materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat għandu jiġi kkummerċjalizzat b'tikketta li tissodisfa ċertu rekwiżiti. Din it-tikketta għandha tiġi mħejjija u għandha titwaħħal mill-korp uffiċjali responsabbli. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jistipulaw li l-korp uffiċjali responsabbli jkun jista' jippermetti li l-fornitur iħejji u jwaħħal it-tikketta taħt is-superviżjoni tiegħu. Fi kwalunkwe każ, id-disinn tat-tikketta għandu jiġi stabbilit mill-korp uffiċjali responsabbli, b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva.

    (4)

    Sabiex ikun jista' jkun hemm lottijiet ta' varjetajiet jew tipi differenti ta' materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat li jiġu kkumerċjalizzati flimkien, l-Istati Membri għandhom jingħataw permess li jipprevedu li jkun hemm dokument ta' akkumpanjament li jikkumplimenta t-tikketta sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' informazzjoni lill-utenti u sabiex jittejbu t-traċċabbiltà u l-kontrolli tal-lottijiet fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni. Dan id-dokument għandu jitħejja mill-korp uffiċjali responsabbli, jew mill-fornitur ikkonċernat taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali responsabbli.

    (5)

    Għall-kummerċjalizzazzjoni ta' materjal CAC (Conformitas Agraria Communitatis) għandu jkun meħtieġ dokument imħejji mill-fornitur.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċi tal-Frott,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Rekwiżiti dwar it-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “materjal tal-propagazzjoni”, iċċertifikat b'mod uffiċjali bħala materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat, kif ukoll il-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, minn hawn 'il quddiem imsejħa “pjanti tal-frott”, iċċertifikati b'mod uffiċjali bħala materjal iċċertifikat, jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti dwar it-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4. Fejn xieraq, jista' jintuża dokument ta' akkumpanjament, kif stipulat fl-Artikolu 3, biex tiġi kkomplementata t-tikketta.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott li jikkwalifikaw bħala materjal CAC (Conformitas Agraria Communitatis) jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 fir-rigward tad-dokument tal-fornitur.

    Artikolu 2

    It-tikketta għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat tiġi mħejjija u mwaħħla tikketta li tkun konformi mal-paragrafi 2 sa 5. It-tikketta għandha titwaħħal mal-pjanti jew mal-partijiet tal-pjanti li għandhom jiġu kkumerċjalizzati bħala materjal tal-propagazzjoni jew bħala pjanti tal-frott, u dan għandu jsir mill-korp uffiċjali responsabbli. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-korp uffiċjali responsabbli jkun jista' jippermetti li l-fornitur iħejji u jwaħħal it-tikketta taħt is-superviżjoni tiegħu. Id-disinn tat-tikketta għandu jiġi stabbilit mill-korp uffiċjali responsabbli, b'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

    Il-materjal tal-propagazzjoni jew il-pjanti tal-frott li huma parti mill-istess lott jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b'tikketta waħda meta tali materjal jew tali pjanti jkunu parti mill-istess pakkett, mazz jew kontenitur, u meta dik it-tikketta titwaħħal skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5.

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-pjanti tal-frott li jkunu ta' età ta' sena jew aktar jiġu ttikkettati individwalment. F'dan il-każ, it-tikkettar jista' jsir fl-għalqa qabel ma l-pjanta tinqala' mill-għeruq, jew wara. Meta t-tikkettar isir aktar tard, pjanti tal-istess lott għandhom jinqalgħu mill-għeruq flimkien u jinżammu separati minn lottijiet oħra f'kontenituri ttikkettati sakemm dawk il-pjanti jiġu ttikkettati.

    2.   Fuq it-tikketta għandha tingħata l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-indikazzjoni “Regoli u standards tal-UE”;

    (b)

    l-Istat Membru tat-tikkettar, jew il-kodiċi rispettiv;

    (c)

    il-korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi rispettiv;

    (d)

    isem il-fornitur, jew in-numru ta' reġistrazzjoni/kodiċi tiegħu maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli;

    (e)

    in-numru ta' referenza tal-pakkett jew mazz, in-numru tas-serje individwali, in-numru tal-ġimgħa jew in-numru tal-lott;

    (f)

    l-isem botaniku;

    (g)

    il-kategorija u, għall-materjal bażiku, anki n-numru tal-ġenerazzjoni;

    (h)

    id-denominazzjoni tal-varjetà u, fejn xieraq, il-klonu. Fil-każ ta' riżomi li mhumiex parti minn varjetà, l-isem tal-ispeċi jew tal-ibridu interspeċifiku kkonċernat. Għal pjanti tal-frott imlaqqma, din l-informazzjoni għandha tingħata għar-riżoma u għall-parti mlaqqma ta' fuq. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom tkun għadha pendenti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni uffiċjali jew għal dritt fuq varjetà ta' pjanta, din l-informazzjoni għandha tindika: id-“denominazzjoni proposta” u l-“applikazzjoni pendenti”;

    (i)

    l-indikazzjoni “varjetà b'deskrizzjoni rikonoxxuta b'mod uffiċjali”, fejn xieraq;

    (j)

    il-kwantità;

    (k)

    il-pajjiż ta' produzzjoni u l-kodiċi rispettiv, meta l-pajjiż ta' produzzjoni jkun differenti mill-Istat Membru ta' tikkettar;

    (l)

    is-sena tal-ħruġ;

    (m)

    f'każ li t-tikketta oriġinali tinbidel b'tikketta oħra: is-sena tal-ħruġ tat-tikketta oriġinali.

    3.   It-tikketta għandha tiġi stampata b'linka permanenti f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b'mod li l-kontenut tagħha jkun jidher b'mod ċar u jinqara faċilment.

    4.   Jekk tintuża tikketta kkulurita fir-rigward ta' kwalunkwe kategorija ta' pjanti jew partijiet ta' pjanti, il-kulur tat-tikketta għandu jkun:

    (a)

    abjad bi strixxa vjola dijagonali għal materjal prebażiku;

    (b)

    abjad għal materjal bażiku;

    (c)

    blu għal materjal iċċertifikat.

    5.   It-tikketta għandha titwaħħal fuq il-pjanti jew il-partijiet ta' pjanti li għandhom jiġu kkumerċjalizzati bħala materjal tal-propagazzjoni jew pjanti tal-frott. Meta tali pjanti jew partijiet ta' pjanti jkunu maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati bħala parti minn pakkett, mazz jew kontenitur, it-tikketta għandha titwaħħal ma' dak il-pakkett, lott jew kontenitur.

    Meta, b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, materjal tal-propagazzjoni jew pjanti tal-frott jiġu kkummerċjalizzati b'tikketta waħda, dik it-tikketta għandha titwaħħal mal-pakkett, il-mazz jew il-kontenitur li jirriżulta minn dak il-materjal tal-propagazzjoni jew minn dawk il-pjanti tal-frott.

    Artikolu 3

    Id-dokument ta' akkumpanjament għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat

    1.   Stat Membru jista' jistipula li l-korp uffiċjali responsabbli jew il-fornitur ikkonċernat, taħt is-superviżjoni tal-korp uffiċjali responsabbli, iħejju dokument ta' akkumpanjament għal lottijiet ta' varjetajiet jew tipi differenti ta' materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat maħsuba biex jiġu kkumerċjalizzati flimkien, biex tiġi kkomplementata t-tikketta msemmija fl-Artikolu 2.

    2.   Id-dokument ta' akkumpanjament għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    għandu jinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2), u kif indikat fuq it-tikketta rispettiva;

    (b)

    għandu jkun miktub b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

    (c)

    għandu jiġi ppreżentat mill-inqas f'żewġ kopji (kopja għall-fornitur u oħra għad-destinatarju);

    (d)

    għandu jakkumpanja l-materjal mill-post tal-fornitur sal-post tal-benefiċjarju;

    (e)

    għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tad-destinatarju;

    (f)

    għandu jinkludi d-data tal-ħruġ tad-dokument;

    (g)

    għandu jinkludi, fejn xieraq, informazzjoni addizzjonali li hija rilevanti għal-lottijiet ikkonċernati.

    3.   F'każ li l-informazzjoni fid-dokument ta' akkumpanjament tikkontradixxi l-informazzjoni inkluża fuq it-tikketta msemmija fl-Artikolu 2, għandha tingħata prijorità lill-informazzjoni li tidher fuq dik it-tikketta.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti dwar is-siġillar u l-imballaġġar għal materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat

    1.   Meta materjal prebażiku, bażiku jew iċċertifikat jiġi kkumerċjalizzat f'lottijiet ta' żewġ pjanti jew partijiet ta' pjanti jew aktar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lottijiet ikunu omoġenji biżżejjed.

    Pjanti jew partijiet ta' pjanti li jiffurmaw lottijiet ta' dan it-tip għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (a) jew tal-punt (b):

    (a)

    il-pjanti jew partijiet ta' pjanti jinsabu f'imballaġġ jew f'kontenitur issiġillat, skont kif definit fil-paragrafu 2; jew

    (b)

    il-pjanti jew partijiet ta' pjanti jiffurmaw parti minn mazz, issiġillat skont kif definit fil-paragrafu 2.

    2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, “siġillar” tfisser: fil-każ ta' pakkett jew kontenitur, għeluq b'tali mod li ma jkunx jista' jsir ftuħ mingħajr ma ssir ħsara lill-mekkaniżmu tal-ftuħ, u fil-każ ta' mazz, li l-pjanti jiġu marbuta b'tali mod li l-pjanti jew il-partijiet tal-pjanti li jiffurmaw parti mill-mazz ma jkunux jistgħu jiġu separati minn xulxin mingħajr ma ssir ħsara lill-qafla jew lill-qfieli. Il-pakkett, il-kontenitur jew il-mazz għandhom jiġu ttikkettati b'tali mod li dawn ma jibqgħux validi jekk titneħħielhom it-tikketta.

    Artikolu 5

    Id-dokument tal-fornitur għal materjal CAC

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal CAC jiġi kkumerċjalizzat filwaqt li jkun akkumpanjat minn dokument imħejji mill-fornitur u li jkun konformi mal-paragrafi 2 u 3, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “id-dokument tal-fornitur”.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokument tal-fornitur ma jkunx jixbah tikketta minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2 jew dokument ta' akkumpanjament imsemmi fl-Artikolu 3, u dan sabiex jiġi evitat li tinħoloq konfużjoni bejn id-dokument tal-fornitur u dawn iż-żewġ dokumenti.

    2.   Id-dokument tal-fornitur għandu jinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-indikazzjoni “Regoli u standards tal-UE”;

    (b)

    l-Istat Membru fejn ikun ġie mħejji d-dokument tal-fornitur, jew il-kodiċi rispettiv;

    (c)

    il-korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi rispettiv;

    (d)

    isem il-fornitur, jew in-numru ta' reġistrazzjoni/kodiċi tiegħu maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli;

    (e)

    in-numru tas-serje individwali, in-numru tal-ġimgħa jew in-numru tal-lott;

    (f)

    l-isem botaniku;

    (g)

    il-materjal CAC;

    (h)

    id-denominazzjoni tal-varjetà u, fejn xieraq, il-klonu. Fil-każ ta' riżomi li mhumiex parti minn varjetà, l-isem tal-ispeċi jew tal-ibridu interspeċifiku ikkonċernat. Għal pjanti tal-frott imlaqqma, din l-informazzjoni għandha tingħata għar-riżoma u għall-parti mlaqqma ta' fuq. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom tkun għadha pendenti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni uffiċjali jew għal dritt fuq varjetà ta' pjanta, din l-informazzjoni għandha tindika: id-“denominazzjoni proposta” u l-“applikazzjoni pendenti”;

    (i)

    il-kwantità;

    (j)

    il-pajjiż ta' produzzjoni u l-kodiċi rispettiv, meta l-pajjiż ta' produzzjoni jkun differenti mill-Istat Membru fejn ikun ġie mħejji d-dokument tal-fornitur;

    (k)

    id-data tal-ħruġ tad-dokument.

    3.   Id-dokument tal-fornitur għandu jiġi stampat b'linka permanenti f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b'mod li l-kontenut tiegħu jkun jidher b'mod ċar u jinqara faċilment.

    Artikolu 6

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2016. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2017.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Klawżola ta' reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Artikolu 2(4) sal-1 ta' Jannar 2019.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 9

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.


    Top