Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0058

    Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/58/UE tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sistema ta' traċċabilità ta' oġġetti pirotekniċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 115, 17.4.2014, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2014/58/oj

    17.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 115/28


    DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/58/UE

    tas-16 ta' April 2014

    li tistabbilixxi, skont id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sistema ta' traċċabilità ta' oġġetti pirotekniċi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti pirotekniċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2007/23/KE tistipula regoli għas-sikurezza ta' oġġetti pirotekniċi fis-suq tal-Unjoni u tipprovdi għat-twaqqif ta' sistema ta' traċċabilità fil-livell tal-Unjoni.

    (2)

    Sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità ta' oġġetti pirotekniċi, dawn għandhom ikunu ttikkettjati b'numru ta' reġistrazzjoni abbażi ta' sistema ta' numerazzjoni uniformi. Korpi notifikati għandhom iżommu reġistru bin-numri tar-reġistrazzjoni li jassenjaw meta jwettqu l-valutazzjoni ta' konformità. Sistema bħal din se tiggarantixxi l-identifikazzjoni ta' oġġetti pirotekniċi u l-manifatturi tagħhom fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista. Il-manifatturi u l-importaturi għandhom iżommu rekords tan-numri ta' reġistrazzjoni tal-oġġetti pirotekniċi li hemm disponibbli fis-suq u jpoġġu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti jekk jitolbuha.

    (3)

    Is-sistema ta' numerazzjoni uniformi hija bbażata fuq l-elementi li diġà ġew applikati skont standards armonizzati eżistenti u għalhekk se toħloq ftit piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi.

    (4)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mid-Direttiva 2007/23/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Numru ta' reġistrazzjoni

    1.   L-oġġetti pirotekniċi għandhom jiġu ttikkettjati b'numru ta' reġistrazzjoni li jkun jikkonsisti minn dan li ġej:

    (a)

    in-numru ta' identifikazzjoni b'erba' ċifri tal-korp notifikat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad- Direttiva 2007/23/KE (Modulu B), jew ċertifikat tal-konformità skont il-proċedura tal-verifiki tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu G) jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(c) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu H);

    (b)

    il-kategorija tal-oġġett pirotekniku li għalih il-konformità hija ċċertifikata f'format imqassar, b'ittri kbar:

    F1, F2, F3 jew F4 għal-logħob tan-nar tal-kategorija 1, 2, 3 u 4 rispettivament;

    T1 jew T2 għal oġġetti pirotekniċi teatrali tal-kategorija T1 u T2 rispettivament;

    P1 jew P2 għal oġġetti pirotekniċi oħra tal-kategorija P1 u P2 rispettivament;

    (c)

    in-numru tal-ipproċessar użat mill-korp notifikat għall-oġġett pirotekniku.

    2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tkun strutturata kif ġej: “XXXX — YY — ZZZZ…”, fejn XXXX tirreferi għall-punt (a) tal-paragrafu 1, YY tirreferi għall-punt (b) tal-paragrafu 1 u ZZZZ… tirreferi għall-punt (c) tal-paragrafu 1.

    Artikolu 2

    Obbligi tal-korpi notifikati

    1.   Il-korpi notifikati li jwettqu l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2007/23/KE għandhom iżommu reġistru ta' oġġetti pirotekniċi, li għalihom ikunu ħarġu ċertifikati ta' eżaminazzjoni tat-tip tal-KE skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu B), jew ċertifikati ta' konformità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu G) jew approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(c) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu H); fil-format stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

    Ir-reġistru ta' oġġetti pirotekniċi għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni dwar il-punti stipulati fl-Anness. Dik l-informazzjoni għandha tinżamm għal mill-inqas 10 snin mid-data li fiha l-korpi notifikati jkunu ħarġu ċ-ċertifikati jew approvazzjonijiet msemmija fl-ewwel sottoparagrafu.

    Il-korpi notifikati għandhom regolarment jaġġornaw ir-reġistru u jagħmluh disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet.

    2.   Fil-każ li n-notifika ta' korp ta' valutazzjoni ta' konformità tiġi rtirata, dak il-korp għandu jittrasferixxi r-reġistru lil korp ieħor notifikat jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 3

    Obbligi tal-manifatturi u importaturi

    Il-manifatturi u l-importaturi ta' oġġetti pirotekniċi għandhom:

    (a)

    iżommu rekord tan-numri kollha ta' reġistrazzjoni tal-oġġetti pirotekniċi manifatturati jew importati minnhom flimkien mal-isem kummerċjali tagħhom, it-tip ġeneriku u s-sottotip, jekk applikabbli, u s-sit ta' manifattura għal mill-inqas 10 snin wara li l-oġġett ikun tqiegħed fis-suq;

    (b)

    it-trasferiment tar-rekord lill-awtoritajiet kompetenti f'każ li l-manifattur jew l-importatur iwaqqaf l-attività tiegħu;

    (c)

    jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri kollha, fuq talba raġunata tagħhom, l-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

    Artikolu 4

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta' April 2015, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-17 ta' Ottubru 2016.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 154, 14.6.2007, p. 1.


    ANNESS

    Format tar-reġistru msemmi fl-Artikolu 2(1)

    Numru tar-Reġistrazzjoni

    Data tal-ħruġ taċ-ċeritifikat tal-eżami tat-tip KE (Modulu B), ċertifikat ta' konformità (Modulu G) jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità (Modulu H) u data ta' skadenza fejn applikabbli

    Il-manifattur

    It-tip ta' prodott (ġeneriku) u s-subtip jekk applikabbli

    Modulu tal-konformità tal-fażi tal-produzzjoni (1)

    Il-korp notifikat li jwettaq il-valutazzjoni ta' konformità tal-fażi tal-produzzjoni (1)

    Informazzjoni Addizzjonali

     

     

     

     

     

     

     


    (1)  Għandu dejjem jimtela jekk hija r-responsabbiltà tal-korp notifikat li jwettaq il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(a) tad-Direttiva 2007/23/KE (Modulu B). Mhux meħtieġ għall-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 9(b) u (c) (Moduli G u H). L-informazzjoni għandha tingħata (fejn magħrufa) jekk ikun involut korp notifikat ieħor.


    Top