This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014L0054
Directive 2014/54/EU of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 on measures facilitating the exercise of rights conferred on workers in the context of freedom of movement for workers Text with EEA relevance
Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 128/8 |
DIRETTIVA 2014/54/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' April 2014
dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni proklamat fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata aktar mil-liġi tal-Unjoni immirata biex tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. “Membri tal-familja tagħhom” għandha tinftiehem fl-istess sens tat-terminu kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li tapplika wkoll għal membri tal-familja ta' ħaddiema tal-fruntiera. |
(2) |
Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wkoll element ewlieni fl-iżvilupp ta' suq ġenwin tax-xogħol tal-Unjoni, li jippermetti lill-ħaddiema jiċċaqilqu għal żoni fejn hemm nuqqas ta' ħaddiema jew aktar opportunitajiet ta' impjiegi, li jgħin aktar persuni biex isibu postijiet li jixirqu aktar lill-ħiliet tagħhom u li jegħleb il-konġestjoni fis-suq tax-xogħol. |
(3) |
Il-moviment liberu tal-ħaddiema jagħti d-dritt lil kull ċittadin tal-Unjoni, irrispettivament minn fejn ikun il-post ta' residenza tiegħu jew tagħha, li jiċċaqlaq b'mod liberu lejn Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmhekk u/jew biex jirrisjedi hemmhekk għal raġunijiet ta' xogħol. Dan jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet ta' impjiegi u xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tar-rimunerazzjoni, it-tkeċċija, kif ukoll vantaġġi soċjali u dawk marbuta mat-taxxa, billi jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom, skont il-liġi, il-prattika u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali, meta mqabbel maċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Dawn id-drittijiet għandhom jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni miċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu, fosthom ħaddiema permanenti, stagjonali u dawk tal-fruntiera. Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li tipprovdi servizzi, li tinkludi d-dritt tal-impriżi li jagħtu servizzi fi Stat Membru ieħor, li għalihom jistgħu jistazzjonaw temporanjament lill-ħaddiema tagħhom stess fi Stat Membru ieħor sabiex dawn iwettqu x-xogħol meħtieġ biex jagħtu servizzi f'dak l-Istat Membru. |
(4) |
Fir-rigward tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu, l-Artikolu 45 tat-TFUE jagħti drittijiet sostanzjali għall-eżerċizzju ta' din il-libertà fundamentali, li huma speċifikati aktar fir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(5) |
Madanakollu, l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema għadu sfida kbira u ħafna drabi bosta ħaddiema tal-Unjoni ma jkunux konxji tad-drittijiet tagħhom għal moviment liberu. Minħabba inter alia,l-pożizzjoni potenzjalment aktar vulnerabbli tagħhom, il-ħaddiema tal-Unjoni għadhom jistgħu jbatu minn restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom tal-moviment liberu, bħan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki, diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità u sfruttament meta jiċċaqilqu għal Stat Membru ieħor. Għalhekk hemm qabża bejn il-liġi u l-applikazzjoni tagħha fil-prattika u din jeħtieġ li tiġi indirizzata. |
(6) |
F'Lulju 2010, fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri” il-Kummissjoni indikat li hija ser tesplora modi kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi l-ġodda b'mod partikolari fid-dawl ta' tendenzi ġodda ta' mobbiltà li l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Hija ddikjarat ukoll li, fil-kuntest tal-istrateġija l-ġdida għas-suq intern, hija ser tikkunsidra kif tippromwovi u ttejjeb il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu. Il-Kummissjoni ġabret ukoll fil-qosor l-iżviluppi fil-leġilazzjoni u l-ġurisprudenza b'mod partikolari fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni personali tal-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u s-sustanza tad-drittijiet li jgawdu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom. |
(7) |
Fir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE intitolat “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” tas-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni identifikat l-applikazzjoni diverġenti u żbaljata tal-liġi tal-Unjoni dwar id-dritt tal-moviment liberu bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin li jiltaqgħu miegħu ċ-ċittadini tal-UE meta jiġu biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħabbret il-ħsieb tagħha li tieħu azzjoni biex “tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familji tagħhom minn pajjiżi terzi billi tinforza r-regoli tal-UE b'mod strett, inkluż rigward in-nondiskriminazzjoni, billi tippromwovi prattiki tajbin u għarfien ikbar jew regoli tal-UE fost in-nies u billi żżid it-tixrid tal-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet għal moviment liberu tagħhom” (azzjoni 15 tar-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE). Addizzjonalment, fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE intitolat:“Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom”, il-Kummissjoni indirizzat il-ħtieġa li jitneħħa x-xkiel amministrattiv u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għal ċittadini tal-Unjoni li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħrajn. |
(8) |
Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi” tat-18 ta' April 2012 (il-Pakkett dwar l-Impjiegi), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li: tressaq proposta leġiżlattiva (tagħrif u pariri) sa tmiem l-2012 biex issostni l-ħaddiema mobbli fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 492/2011, u ħeġġet lill-Istati Membri: “ikabbru l-għarfien tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni u dwar l-ugwaljanza tas-sessi u l-moviment ħieles tal-ħaddiema u jiftħu u jiffaċilitaw l-aċċess għal ċittadini tal-Unjoni għal pożizzjonijiet fis-setturi pubbliċi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni kif inhi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja”. F'dan il-kuntest, il-Qorti kienet dejjem tal-fehma li r-restrizzjoni ta' aċċess għal ċerti karigi fis-servizz pubbliku għaċ-ċittadini tal-Istat Membru stess għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv u li tkopri biss karigi li jinvolvu sehem dirett jew indirett fit-tħaddim tas-setgħat mogħtija mil-liġi pubblika u d-dmirijiet imfassla biex iħarsu l-interessi ġenerali tal-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn. |
(9) |
Applikazzjoni u infurzar adatti u effettivi tal-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011, kif ukoll l-għarfien tad-drittijiet, huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet u t-trattamant ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, filwaqt li l-infurzar dgħajjef jimmina l-effettività tar-regoli tal-Unjoni applikabbli f'dan il-qasam u jipperikola d-drittijiet u l-ħarsien tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. |
(10) |
Applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tad-drittijiet li jagħtu r-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema hija meħtieġa wkoll għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
(11) |
Għandhom jittejbu l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema biex jiġi żgurat li l-ħaddiema tal-Unjoniu l-membri tal-familja tagħhom kif ukoll min iħaddem, l-awtoritajiet pubbliċi, u persuni oħrajn ikkonċernati jiġu mgħarrfa aħjar dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-moviment liberu, biex jgħinu u jipproteġu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom fit-tħaddim ta' dawk id-drittijiet, u biex jiġġieldu l-evażjoni ta' dawk ir-regoli mill-awtoritajiet pubbliċi u minn dawk li jħaddmu fis-settur pubbliku jew dak privat. F'dak il-kuntest l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll l-effetti ta' aktar mobilità, bħal“eżodu tal-imħuħ” jew “eżodu taż-żgħażagħ”. |
(12) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli sostantivi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jipproteġu l-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu tagħhom mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità u minn kull restrizzjoni jew xkiel mhux ġustifikati għat-tħaddim ta' dak id-dritt. |
(13) |
Għal dak il-għan huwa kunsiljabbli li jiġu pprovduti regoli speċifiċi għal infurzar effettiv u tiġi ffaċilitata applikazzjoni aħjar u aktar uniformi tar-regoli sostantivi li jirregolaw il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 45 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011. L-infurzar ta' dik il-libertà fundamentali għandu jqis il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għal kwalunkwe raġuni stipulata fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). |
(14) |
F'dak il-kuntest, il-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li ġew soġġetti għal diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, jew għal kwalunkwe restrizzjoni u xkiel mhux ġustifikati fit-tħaddim tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, għandhom jingħataw garanzija ta' protezzjoni ġudizzjarja reali u effettiva. Fejn l-Istati Membri jipprevedu proċeduri amministrattivi bħala mezzi legali ta' rimedju, huma għandhom jiżguraw li kull deċiżjoni amministrattiva tista' tiġi kkontestata quddiem tribunal skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta. Filwaqt li jitqies id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, il-ħaddiema tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa minn kull trattament negattiv jew konsegwenza negattiva li jirriżultaw minn ilment jew proċediment li jkollu l-għan li jinforza d-drittijiet salvagwardati taħt din id-Direttiva. |
(15) |
Sabiex jingħataw livelli ta' protezzjoni aktar effettivi, assoċjazzjonijiet u entitajiet legali, fosthom l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti, kif jiddeterminaw l-Istati Membri, jew f'isem jew bħala appoġġ għal kwalunkwe vittma allegata, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali tal-proċedura li jikkonċernaw ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati, u għal kompetenzi oħra u drittijiet kollettivi ta' msieħba soċjali, impjegati u rappreżentanti ta' dawk li jħaddmu, bħal dawk relatati mal-infurzar ta' ftehimiet kollettivi, fejn applikabbli, fosthom azzjonijiet f'isem interess kollettiv, skont il-liġi jew prattika nazzjonali. Bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva, u mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta' difiża kollettiva eżistenti disponibbli għall-imsieħba soċjali u l-liġi u l-prattika nazzjonali, l-Istati Membri huma mistiedna jeżaminaw l-implimentazzjoni ta' prinċipji komuni għal mekkaniżmi inġuntivi u kumpensatorji ta' rimedju kollettiv. |
(16) |
F' konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli nazzjonali dwar il-limiti ta' żmien għall-infurzar tad-drittijiet skont din id-Direttiva għandhom ikunu b'tali mod li ma jistgħux jitqiesu bħala kapaċi li jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet. |
(17) |
Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità tissaħħaħ jekk f'kull Stat Membru jkun hemm korpi effettivi b'għarfien espert adegwat li jkollhom kompetenza biex jippromwovu t-trattament ugwali, biex janalizzaw il-problemi li bihom ikunu ffaċċati ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, biex jistudjaw soluzzjonijiet possibbli u biex jagħtuhom assistenza speċifika. Il-kompetenza ta' dawk il-korpi għandha tinkludi, inter alia, il-provvediment lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom ta' assistenza legali indipendenti u/jew assistenza oħra, bħall-għoti ta' pariri legali dwar l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, ta' informazzjoni dwar proċeduri ta' lmenti, u ta' għajnuna biex jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Tista' tinkludi wkoll assistenza fi proċedimenti legali. |
(18) |
Għandu jkun f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk għandhomx jiġu attribwiti l-kompiti li għandhom jitwettqu taħt din id-Direttiva lill-korpi msemmija hawn fuq jew dawk il-kompiti għandhomx jiġu attribwiti lil korpi eżistenti li għandhom objettivi simili fil-livell nazzjonali, pereżempju, il-promozzjoni tal-moviment liberu ta' persuni, l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jew is-salvagwardja ta' drittijiet individwali. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jespandi l-mandat ta' korp diġà eżistenti, huwa għandu jiżgura l-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi għall-korp eżistenti għall-prestazzjoni effettiva u adegwata tal-kompiti eżistenti u addizzjonali tiegħu. Meta l-kompiti jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jiġu kkoordinati b'mod adegwat. |
(19) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wieħed jew aktar minn dawk il-korpi jaħdmu bħala punt ta' kuntatt u li jikkooperaw u jaqsmu informazzjoni, bħad-dettalji ta' kuntatt tal-korpi kollha, il-mezzi ta' rimedju u d-dettalji ta' kuntatt tal-assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħrajn li jagħtu informazzjoni u servizzi lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, b'punti ta' kuntatt ekwivalenti fi Stati Membri oħrajn. Il-lista ta' punti ta' kuntatt għandha tkun disponibbli pubblikament. |
(20) |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-korpi maħturin minnhom taħt din id-Direttiva u s-servizzi eżistenti ta' informazzjoni u assistenza mogħtija mill-imsieħba soċjali, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali rilevanti oħrajn, bħal organizzazzjonijiet b'responsabbiltà għal arranġamenti ta' koordinazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, fejn rilevanti, l-ispettorati tax-xogħol. |
(21) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-promozzjoni ta' sinerġiji ma' għodod tal-informazzjoni u tal-appoġġ eżistenti fil-livell tal-Unjoni u, għal dak il-għan, għandhom jiżguraw li l-korpi eżistenti jew li għadhom kif inħolqu jaħdmu mill-qrib mas-servizzi eżistenti ta' informazzjoni u assistenza, bħalma huma L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT in-Netwerk Enterprise Europe, u l-Punti ta' Kuntatt Waħdieni u l-EURES, fosthom, fejn rilevanti, is-sħubijiet transkonfinali tal-EURES. |
(22) |
L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi adatti biex jindirizzaw u jiġġieldu restrizzjonijiet u xkiel mhux ġustifikati għad-dritt għal moviment liberu jew forom differenti ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità. |
(23) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif iċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal ħaddiema, studenti, gradwati riċenti, kif ukoll min iħaddem, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra jistgħu jingħataw tagħrif rilevanti u faċilment aċċessibbli dwar id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, fosthom informazzjoni dwar il-korpi maħtura skont din id-Direttiva u mezzi disponibbli ta' rimedju u protezzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex din l-informazzjoni tkun disponibbli f'aktar minn lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni filwaqt li titqies id-domanda fis-suq tax-xogħol. Dan m'għandux ixekkel il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi. Dak it-tagħrif jista' jingħata b'konsulenza individwali u għandu jkun faċilment aċċessibbli permezz ta' L-Ewropa Tiegħek u l-EURES. |
(24) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-drittijiet mogħtija skont il-liġi tal-Unjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (6) għandha tiġi implimentata u mmonitorjata b'mod konsistenti. |
(25) |
Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti l-għażla lill-Istati Membri li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli. L-Istati Membri jistgħu wkoll iwessgħu l-kompetenzi tal-organizzazzjonijiet inkarigati b'kompiti relatati mal-ħarsien tal-ħaddiema tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità sabiex ikun kopert id-dritt għal trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom, kif inhu proklamat fl-Artikolu 21 tat-TFUE u fid-Direttiva 2004/38/KE. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex isservi sabiex tiġġustifika kwalunkwe rigressjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni li diġà teżisti f'kull Stat Membru. |
(26) |
L-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva timplika li l-Istati Membri, meta jadottaw il-miżuri adatti biex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva, għandhom jagħtu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-miżuri ta' implimentazzjoni. |
(27) |
F'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom, b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-traspożizzjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġustifikata. |
(28) |
Wara li jkun skada biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummisjoni għandha tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha, li b'mod partikolari jevalwa l-opportunità li titressaq kull proposta meħtieġa bil-għan li jiġi żgurat infurzar aħjar tal- liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tindirizza d-diffikultajiet possibbli li jħabbtu wiċċhom magħhom gradwati żgħażagħ li jkunu qed ifittxu xogħol madwar l-Unjoni u l-konjuġi minn pajjiżi terzi ta' ħaddiema tal-Unjoni. |
(29) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta b'mod partikolari l-libertà fl-għażla tal-mestier u d-dritt għal xogħol, id-dritt għal nondiskriminazzjoni, b'mod partikolari għal raġunijiet ta' nazzjonalità, id-dritt għal negozjar kollettiv u azzjoni, kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, id-dritt għal moviment liberu u residenza u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust. Din trid tiġi implimentata f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji. |
(30) |
Din id-Direttiva tirrispetta l-mudelli differenti ta' suq tax-xogħol tal-Istati Membri, fosthom il-mudelli ta' suq tax-xogħol irregolati minn ftehimiet kollettivi. |
(31) |
Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jkun stabbilit qafas komuni ġenerali ta' dispożizzjonijiet xierqa, miżuri u mekkaniżmi ta' kontroll meħtieġa għall-applikazzjoni u l-infurzar aħjar u aktar uniformi fil-prattika tad-drittijiet relattivi għall-moviment liberu tal-ħaddiema konferiti mit-TFUE u mir-Regolament (UE) Nru 492/2011, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi fil-prattika tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. Din id-Direttiva tapplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet u għall-membri tal-familja tagħhom (“ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom”).
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tapplika għas-suġġetti li ġejjin, kif imsemmija fl-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema:
(a) |
l-aċċess għall-impjiegi; |
(b) |
il-kondizzjonijiet tal-impjieg u x-xogħol, b'mod partikolari rigward ir-remunerazzjoni, it-tkeċċija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u, fil-każ li l-ħaddiema tal-Unjoni jisfgħu mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid; |
(c) |
l-aċċess għall-vantaġġi soċjali u fiskali; |
(d) |
is-sħubija fi trade unions u eliġibilità għall-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema; |
(e) |
l-aċċess għat-taħriġ; |
(f) |
l-aċċess għall-akkomodazzjoni; |
(g) |
l-aċċess għall-edukazzjoni,apprendistati u taħriġ vokazzjonali għat-tfal tal-ħaddiema tal-Unjoni; |
(h) |
għajnuna mogħtija mill-uffiċċji tal-impjiegi. |
2. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva huwa identiku għal dak tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.
Artikolu 3
Salvagwardja ta' drittijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara rikors possibbli għal awtoritajiet kompetenti oħra, anke fejn huma jqisuh adegwat, ikunu disponibbli proċeduri ta' konċiljazzjoni, proċeduri ġudizzjarji, għall-infurzar tal- obbligi taħt l-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 għall-ħaddiema kollha tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jqisu li jkunu batew jew qed ibatu minn restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tagħhom għal moviment liberu jew li jqisu ruħhom trattati b'mod inġust minħabba li ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, anke wara li tkun intemmet ir-relazzjoni li fiha tkun seħħet l-allegata restrizzjoni u xkiel jew diskriminazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, fosthom imsieħba soċjali, jew entitajiet legali oħra, li, skont il-kriterji stabbiliti fil-liġi nazzjonali, il-prattika jew il-ftehimiet kollettivi tagħhom, għandhom interess leġittimu li jiżguraw li ssir konformità ma' din id-Direttiva, ikunu jistgħu jieħdu sehem, f'isem il-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jew b'appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tagħhom, f'kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva prevista għall-infurzar tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.
3. Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kompetenzi oħra u drittijiet kollettivi tal-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tal-impjegati u ta' dawk li jħaddmu, fejn applikabbli, fosthom id-dritt ta' azzjoni f'isem interess kollettiv, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.
4. Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' proċedura li jikkonċernaw ir-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati.
5. Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar il-limiti ta' żmien għall-infurzar tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Madankollu, dawk il-limiti ta' żmien nazzjonali ma għandhomx jagħmluha virtwalment impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex jiġu eżerċitati dawk id-drittijiet.
6. L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema tal-Unjoni minn kwalunkwe trattament negattiv jew konsegwenza negattiva bħala reazzjoni għal ilment jew għal proċedimenti li jkollhom l-għan li jinfurzaw il-konformità mad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 4
Korpi biex jippromwovu t-trattament ugwali u jappoġġaw lil ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar struttura, waħda jew aktar, jew korp, wieħed jew aktar, (“korpi”) għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha tal-Unjoniu tal-membri tal-familja tagħhom mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità restrizzjonijiet jew ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tagħhom ta' moviment liberu u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-funzjonament korrett ta' dawn il-korpi. Dawk il-korpi jistgħu jifformaw parti minn korpi eżistenti fil-livell nazzjonali li jkollhom objettivi simili.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi ta' dawk il-korpi jkunu jinkludu li:
(a) |
jipprovdu jew jiżguraw l-għoti ta' assistenza indipendenti legali u/jew oħra lill-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom, u għad-drittijiet tal-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra msemmija fl-Artikolu 3; |
(b) |
jaġixxu bħala punt ta' kuntatt vis-à-vis punti ta' kuntatt ekwivalenti fi Stati Membri oħra sabiex jikooperaw u jaqsmu informazzjoni rilevanti; |
(c) |
jagħmlu jew jikkummissjonaw stħarriġ u analiżi indipendenti dwar restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu, jew diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità, tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom; jew |
(d) |
jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma' dawn ir-restrizzjonijiet u ostakoli jew diskriminazzjoni; |
(e) |
jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni fil-livell nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. |
Ir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fejn korpi jagħtu għajnuna fi proċedimenti legali, tali għajnuna għandha tkun bla ħlas għal persuni li m'għandhomx biżżejjed riżorsi, f'konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-punti ta' kuntatt u kwalunkwe informazzjoni aġġornata jew bidliet li jirrigwardawhom. Il-Kummissjoni għandha żżomm lista ta' punti ta' kuntatt u għandha tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi eżistenti jew dawk li għadhom kemm inħolqu jkunu konxji mis-servizzi eżistenti tal-informazzjoni u l-assistenza fil-livell ta' Unjoni u jkunu kapaċi jużawhom u jikkooperaw magħhom, bħalma huma L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, il-EURES, in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punti ta' Kuntatt Waħdieni.
5. Meta l-kompiti msemmija fil-paragrafu 2 jiġu allokati lil aktar minn korp wieħed, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kompiti jiġu kkoordinati b'mod adegwat.
Artikolu 5
Djalogu
L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-djalogu mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet nongovernattivi rilevanti li, skont il-liġi jew prattika nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jagħtu kontribut biex jiġġieldu kontra restrizzjonijiet u ostakoli mhux ġustifikati għad-dritt tal-moviment liberu, u diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità tal-ħaddiema tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom bil-ħsieb li jiġi promoss il-prinċipju tat-trattament ugwali.
Artikolu 6
Aċċess għal u disseminazzjoni tal-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u skont l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, isiru jafu bihom il-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom, b'mod partikolari l-ħaddiema tal-Unjoni u min iħaddem, b'kull mezz adatt.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, f'aktar minn lingwa uffiċjali waħda tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, informazzjoni dwar id-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema li tkun ċara, bla ħlas, faċilment aċċessibbli, komprensiva u aġġornata. Din l-informazzjoni għandha wkoll tkun faċilment aċċessibbli permezz ta' L-Ewropa Tiegħek u l-EURES.
Artikolu 7
Rekwiżiti minimi
1. L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet li jiffavorixxu aktar il-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kompetenzi tal- korpi msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament ugwali tal-ħaddiema tal-Unjoniu tal-membri tal-familja tagħhom mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità jkopru wkoll id-dritt għal trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu u tal-membri tal-familja tagħhom, skont l-Artikolu 21 tat-TFUE u d-Direttiva 2004/38/KE.
3. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandha tkun fl-ebda ċirkostanza raġuni biżżejjed biex jonqos il-livell ta' protezzjoni tal-ħaddiema tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fl-oqsma li tapplika għalihom, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jaġixxu għal bidliet fis-sitwazzjoni billi jdaħħlu liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu differenti minn dawk fis-seħħ fl-20 ta' Mejju 2014, dment li dawn ikunu konformi ma' din id-Direttiva.
Artikolu 8
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-21 ta' Mejju 2016. Dawn għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam li tkopri din id-Direttiva.
Artikolu 9
Rapport
Sal-21 ta' Novembru 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, bil-ħsieb li, fejn ikun il-każ, isiru l-emendi meħtieġa.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 11
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) ĠU C 341, 21.11.2013, p. 54.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.
(3) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(4) Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).
(5) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(6) Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).