Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(12)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Latvja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 63–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/63


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Latvja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja, 2014

    2014/C 247/12

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE u fil-livell taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    (4)

    Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Latvja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Latvja aġġornat għall-2012-2016.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih il-Latvja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser issir analiżi fil-fond.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidazzjoni fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kondizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7)

    Fid-29 ta' April 2014, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 u fit-30 ta' April 2014 ippreżentat il-Programm ta' Stabbiltà tagħha 2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (8)

    L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà 2014 huwa li gradwalment jitnaqqas id-defiċit nominali u li jinżamm bilanċ strutturali li jkun konsistenti mal-objettiv ta' terminu medju meta titqies id-devjazzjoni temporanja permessa mill-objettiv ta' terminu medju minħabba l-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Il-Programm ta' Stabbiltà biddel l-objettiv ta' terminu medju minn ‐ 0,5 % għal - 1,0 %; l-objettiv ta' terminu medju l-ġdid jirrifletti l-objettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. It-triq 'il quddiem ippjanata tal-bilanċ nominali fil-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja timplika deterjorament gradwali tal-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid), għalkemm xorta fil-marġini permess mill-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet. Meta wieħed iqis id-devjazzjoni permessa mill-objettiv ta' terminu medju, id-defiċit strutturali ppjanat huwa konformi mar-rekwiżit tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir sal-2016. Madankollu, iż-żieda ppjanata fid-defiċit strutturali ikkalkulat mill-ġdid fl-2017 twassal għal devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta' terminu medju. B'mod ġenerali, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà hija ġeneralment konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn pubbliku huwa stabbilit biex jibqa' ferm taħt is-60 % tal-PDG matul il-perjodu kollu tal-programm, u jinżel għal 31 % tal-PDG sal-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà, li ma ġiex approvat formalment minn istituzzjoni indipendenti, huwa plawżibbli. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jibqa' madwar 4 % fis-sena matul il-perjodu tal-programm, u ż-żidiet proġettati fil-prezzijiet huma moderati.

    (9)

    Ix-xenarju baġitarju tal-Programm ta' Stabbiltà jipprevedi tnaqqis qawwi fis-sehem tad-dħul u l-infiq tal-gvern fil-PDG, u dan jirrifletti diversi miżuri li jnaqqsu d-dħul kontra t-trażżin immirat fl-infiq. Iż-żieda fid-domandi tal-infiq f'diversi oqsma ta' politika tirrappreżenta riskju għat-tnaqqis proġettat fl-infiq fil-Programm ta' Stabbiltà. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni juri li, filwaqt li l-politika fiskali fl-2014 hija konformi mar-rekwiżit tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, hemm riskju ta' devjazzjoni fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2014 id-devjazzjoni tad-defiċit strutturali mill-objettiv ta' terminu medju tirrifletti l-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet, filwaqt li mill-2015 hemm riskju ta' devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġa.

    (10)

    Il-Latvja ħadet passi biex tnaqqas il-piż tat-taxxa għall-ħaddiema bi dħul baxx u l-familji b'persuni dipendenti u biex issaħħaħ it-tassazzjoni tal-proprjetà u dik ambjentali, iżda l-livell u t-tfassil ta' dawn it-taxxi ma jaffettwawx biżżejjed l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi, u xi sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali għadhom fis-seħħ. Filwaqt li l-awtoritajiet għamlu xi progress biex itejbu l-konformità tat-taxxa u jnaqqsu l-proporzjon ta' attivitajiet ekonomiċi mhux iddikjarati, speċjalment billi tejbu l-valutazzjoni tar-riskju u ħarrxu s-sanzjonijiet kontra l-imġiba frodulenti, għad baqa' sfidi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikolari, minkejja li jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tat-tassazzjoni totali, id-dħul mit-taxxi fuq il-konsum għandu potenzjal kbir għal aktar żieda jekk tittejjeb il-konformità tat-taxxa.

    (11)

    Minkejja pjan oriġinarjament ambizzjuż biex issir riforma fl-edukazzjoni għolja, il-Latvja ma għamlet l-ebda progress fl-istabbiliment ta' sistema ta' akkreditazzjoni approvata internazzjonalment, il-pjanijiet biex jiġi introdott mudell ta' finanzjament ġdid huma previsti indikattivament fl-2016, il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ddgħajfet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-lingwi barranin baqgħu ma nbidlux. Dan minkejja l-fatt li hemm biżżejjed lok għar-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni għolja, li hija kbira wisq fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tonqos, toffri wisq programmi ta' studju distinti u għandha attrazzjoni limitata għall-istudenti barranin u l-persunal tat-tagħlim. Ir-riżultati tal-ewwel valutazzjoni indipendenti tal-istituzzjonijiet ta' riċerka juru li 21 % ta' xjentisti ekwivalenti għal persuni full-time jaħdmu għal dawk l-10 % li ġew valutati u li jistgħu jitqiesu bħala ċentri ta' riċerka internazzjonali ta' livell għoli. Barra minn hekk, il-Latvja kellha intensità fir-R&Ż ta' 0,66 % biss tal-PDG fl-2012 u mhijiex miexja fid-direzzjoni t-tajba biex tikseb l-objettiv tal-Ewropa 2020 tagħha li tiddedika 1,5 % tal-PDG għar-R&Ż.

    (12)

    Il-Latvja għamlet progress biex tindirizza l-qgħad, li naqas b'mod konsiderevoli. Madankollu, il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu relattivament għoli u hemm bżonn ta' miżuri biex jintlaħqu ż-żgħażagħ inattivi li ma jirreġistrawx. Għalkemm il-Latvja ħadet miżuri sabiex tindirizza nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali, dawn xorta jeħtieġu attenzjoni, speċjalment fit-titjib tal-kwalità tal-apprendistati u fl-iżvilupp ta' gwida komprensiva għall-karrieri. Il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol għadhom limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u jiddependu wisq fuq il-ħidmiet pubbliċi.

    (13)

    Il-faqar fost dawk li għandhom l-età tax-xogħol għadu għoli ħafna fil-Latvja. Il-Latvja ħadet xi passi biex tirriforma l-assistenza soċjali u lestiet valutazzjoni fuq skala kbira tas-sistema tas-sigurtà soċjali li tipprovdi bażi solida għal riforma bbażata fuq l-evidenza. Hija żiedet b'mod sinifikanti diversi benefiċċji relatati mat-tfal, u żiedet il-limiti mhux taxxabbli stabbiliti fit-taxxa fuq l-introjtu personali għal persuni li huma dipendenti. Madankollu, l-effettività tal-protezzjoni soċjali f'termini ta' tnaqqis tal-faqar għadha batuta u t-tfassil ta' sistema effettiva ta' protezzjoni soċjali għadha problematika. B'mod ġenerali, proporzjon għoli tal-popolazzjoni jinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, speċjalment it-tfal. Il-familji bit-tfal, il-persuni qiegħda, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali jinsabu f'riskju partikolarment għoli ta' faqar u esklużjoni soċjali. L-infiq tal-Latvja fuq il-protezzjoni soċjali bħala perċentwal tal-PDG huwa l-aktar baxx fl-Unjoni. L-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa mxekkel mill-ispiża, inklużi ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu u ħlasijiet informali prevalenti, li jħallu proporzjon għoli tal-popolazzjoni bi ħtiġijiet għall-kura tas-saħħa li ma jiġux sodisfati. Hemm biżżejjed lok biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema, jiġi żgurat finanzjament kosteffettiv u jiġu promossi attivitajiet ta' prevenzjoni tal-mard.

    (14)

    Il-Latvja għamlet xi progress bil-ftuħ tas-suq tal-elettriku tagħha għall-kompetizzjoni u dan ser jiġi estiż għas-settur tal-unitajiet domestiċi fil-bidu tal-2015. F'Ġunju 2013, il-Latvja ngħaqdet mas-suq tal-elettriku “Nord Pool Spot” tal-pajjiżi Skandinavi u Baltiċi. Jeħtieġ aktar tisħiħ tal-interkonnessjonijiet mas-suq tal-enerġija tal-UE, peress li attwalment il-Latvja hija dipendenti fuq l-importazzjoni u l-konnessjoni transkonfinali tal-elettriku mal-Estonja ħafna drabi tkun konġestjonata. Għaldaqstant, l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa essenzjali u l-Latvja qed tħabbat wiċċha ma' sfidi konsiderevoli biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet infrastrutturali. Sar ukoll xi progress fis-settur tal-gass naturali billi l-Parlament approva l-emendi għal-liġi dwar l-Enerġija, li tistabbilixxi l-ftuħ gradwali tas-suq tal-gass minn April 2014; madankollu l-ftuħ komplet tas-suq ġie pospost sal-2017. Il-Latvja ressqet taħlita bbilanċjata ta' miżuri ta' politika li jindirizzaw l-ekonomija fl-użu tal-enerġija għas-setturi prinċipali tal-ekonomija u fis-snin li ġejjin aktar minn 70 % tal-ekonomija fl-użu tal-enerġija ser tkun iġġenerata fis-settur tal-bini. Madankollu, l-effiċjenza fit-trasport, fil-bini u fis-sistemi ta' tisħin għadha teħtieġ li titjieb.

    (15)

    Il-Latvja ħadet azzjoni sinifikanti biex ittejjeb il-kapaċitajiet fil-ġudikatura sabiex tnaqqas il-proċedimenti pendenti u t-tul tagħhom. Madankollu, l-ammont kbir ta' xogħol pendenti fil-ġudikatura għadu ta' theddida għan-negozji u jeħtieġ li jitlestew ir-riformi sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura, fosthom fir-rigward tal-insolvenza, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ. Il-Latvja pproponiet riformi ambizzjużi tal-amministrazzjoni pubblika; madankollu l-implimentazzjoni tagħhom hija bil-mod u ma tapplikax għall-gvernijiet lokali u r-riforma tal-impriżi tal-Istat għandha dewmien b'mod sinifikanti. Hemm bżonn ta' emendi għad-Dritt tal-Kompetizzjoni sabiex il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jingħata aktar indipendenza istituzzjonali u finanzjarja sabiex jintervjeni b'mod effettiv kontra l-azzjonijiet tal-korpi pubbliċi u privati li jillimitaw il-kompetizzjoni.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt.

    (17)

    Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (18)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (6). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, il-Latvja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fil-perijodu 2014-2015 biex:

    1.

    Tippreżerva pożizzjoni fiskali soda fl-2014 u ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja mill-2015, u tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju tibqa' limitata għall-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Issegwi l-isforzi biex tkompli tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema bi dħul baxx fil-kuntest ta' bidla lejn taxxi ambjentali u fuq il-proprjetà li jkunu aktar favur it-tkabbir u billi ttejjeb il-konformità u l-ġbir tat-taxxa.

    2.

    Timxi 'l quddiem fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni superjuri, b'mod partikulari permezz tat-twaqqif ta' aġenzija tal-akkreditazzjoni indipendenti u mudell ta' finanzjament li jiffavorixxi l-kwalità. Tipprovdi gwida għall-karrieri fil-livelli edukattivi kollha, ittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fosthom billi ssaħħaħ l-apprendistat, u tagħmel progress fir-rigward tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, fosthom billi tpoġġi fis-seħħ miżuri sabiex jintlaħqu żgħażagħ li mhux f'impjieg u ma jsegwux xi kors ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ u li mhumiex uffiċjalment reġistrati. Tieħu passi għal sistema ta' riċerka aktar integrata u komprensiva anki billi tikkonċentra l-finanzjament fuq istituzzjonijiet ta' riċerka internazzjonalment kompetittivi.

    3.

    Twettaq riforma tal-assistenza soċjali u l-finanzjament ulterjuri tagħha sabiex tiżgura kopertura aħjar, adegwatezza tal-benefiċċji, attivazzjoni msaħħa u servizzi soċjali mmirati. Iżżid il-kopertura tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol. Ittejjeb il-kosteffettività, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

    4.

    Tħaffef l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku għall-Istati Membri ġirien sabiex tiddiversifika s-sorsi ta' enerġija u tippromwovi l-kompetizzjoni permezz ta' integrazzjoni mtejba tas-swieq tal-enerġija Baltiċi. Tkompli bl-isforzi sabiex tkompli żżid l-effiċjenza enerġetika fit-trasport, il-bini u s-sistemi ta' tisħin.

    5.

    Tlesti r-riformi ġudizzjarji, fosthom ir-riformi pendenti tal-oqfsa ta' insolvenza, arbitraġġ u medjazzjoni sabiex tiżgura ambjent ġuridiku li jiffavorixxi n-negozju u l-konsumaturi. Timxi 'l quddiem fir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom billi timplimenta r-riforma tal-amministrazzjoni ta' impriżi tal-Istat u żżid l-indipendenza istituzzjonali u finanzjarja tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (3)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 47.

    (4)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (5)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (6)  Ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top