Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0917

2014/917/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tan-notifika tal-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara u ta' miżuri li ttieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu mill-Istati Membri (notifikata bid-dokument C(2014) 9460)

ĠU L 360, 17.12.2014, pp. 59–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32019R1715

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/917/oj

17.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/59


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Diċembru 2014

li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward tan-notifika tal-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara u ta' miżuri li ttieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu mill-Istati Membri

(notifikata bid-dokument C(2014) 9460)

(2014/917/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità, ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti, u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(4) tagħha,

Billi:

(1)

In-notifiki tal-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara kif imsemmija fl- Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE jew bil-feġġa reali jew issuspettata ta' organiżmi ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta' dik id-Direttiva għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li tippermetti lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra biex jippjanaw u jimplimentaw l-azzjoni l-aktar effikaċi fil-livell tal-Unjoni jew dak reġjonali kif xieraq. Dan hu importanti biex tiġi żgurata protezzjoni komprensiva mit-territorju tal-Unjoni kontra s-sorsi kollha possibbli ta' riskju fitosanitarju.

(2)

Biex tkun tista' ssir reazzjoni rapida, ċerti elementi ta' dawk in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tmint ijiem ta' xogħol wara l-konferma tal-preżenza jew il-feġġa ta' organiżmi ta' ħsara, fid-dawl tal-importanza tagħhom u l-fattibbiltà ta' sottomissjoni rapida tagħhom, u l-elementi kollha meħtieġa għandhom jiġu ppreżentati sa mhux aktar tard minn tletin jum wara din il-konferma.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati bi kwalunkwe bidla, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jaġġorna dawk in-notifiki malajr kemm jista' jkun f'każ li xi informazzjoni ġdida rilevanti tkun disponibbli għalih jew fil-każ li jieħu kwalunkwe miżuri ġodda relevanti wara li jkun bagħat l-informazzjoni meħtieġa.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontenut tan-notifiki

1.   Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-preżenza jew il-feġġa ta' xi organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal- Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE jew tal-feġġa reali ta' kwalunkwe organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni prevista fl-Anness.

2.   Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-feġġa suspettata ta' kwalunkwe organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw, meta applikabbli, l-informazzjoni prevista fl-Anness.

Artikolu 2

Skadenzi għas-sottomissjoni ta' notifiki

1.   Mhux aktar tard minn tmint ijiem ta' xogħol wara d-data tal-konferma uffiċjali mill-korp uffiċjali responsabbli dwar il-preżenza, jew il-feġġa reali tal-organiżmu ta' ħsara, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal- Artikolu 16(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw notifika li jkun fiha ta' mill-inqas l-informazzjoni indikata fil-punti 1.1, 1.3, 2.1, 2.2, 3.1, 4.1, 5.1, 5.2, 5.6, 6.4 u 8 tal-Anness.

2.   Mhux aktar tard minn tletin jum wara d-data tal-konferma uffiċjali mill-korp uffiċjali responsabbli dwar il-preżenza jew il-feġġa reali ta' organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw notifika li tinkludi l-informazzjoni indikata fil-punt tal-Anness li mhijiex imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Mhux aktar tard minn tmint ijiem ta' xogħol wara d-data li fiha l-entità uffiċjali responsabbli tissuspetta li jkun feġġ organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw notifika li jkun fiha ta' mill-inqas l-informazzjoni indikata fil-punti 1.1, 1.3, 2.1, 2.2, 3.1, 4.1, 5.1, 5.2, 6.4 u 8 tal-Anness.

4.   Mhux aktar tard minn tletin jum wara d-data li fiha l-entità uffiċjali responsabbli tissuspetta li jkun feġġ organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad- Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw notifika li tinkludi l-informazzjoni indikata fil-punti tal-Anness li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, hekk kif xi informazzjoni ġdida tkun saret disponibbli għalihom, u ġiet ivverifikata minnhom, jew hekk kif ikollhom jittieħdu kwalunkwe miżuri ġodda.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


ANNESS

KONTENUT TAN-NOTIFIKI KIF IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1

1.   Informazzjoni ġenerali dwar in-notifika

1.1.

Titolu. Indikazzjoni dwar l-isem xjentifiku tal-organiżmu ta' ħsara kkonċernat, il-post u jekk din hija l-ewwel preżenza tiegħu jew le. L-isem xjentifiku għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-isem xjentifiku tal-organiżmu ta' ħsara kif imsemmi fid-Direttiva 2000/29/KE, jew kif imsemmi fil-miżuri adottati skont l-Artikolu 16(3) ta' dik id-Direttiva, inkluż kif meħtieġ, il-pathovar, jew,

(b)

jekk il-punt (a) ma jkunx applikabbli, l-isem xjentifiku approvat minn organizzazzjoni internazzjonali, inkluż il-pathovar, u l-isem ta' dik l-organizzazzjoni, jew,

(c)

jekk la l-punt (a) u lanqas il-punt (b) ma jkunu applikabbli, indikazzjoni tal-isem xjentifiku minn sors affidabbli ħafna ta' informazzjoni, b'referenza għal dak is-sors.

Is-sottomissjoni possibbli ta' noti ta' spjegazzjoni.

1.2.

Sommarju Eżekuttiv. Sottomissjoni ta' sommarju tal-informazzjoni fil-punti 3 sa 7.

1.3.

Indikazzjoni ta' wieħed mill-elementi li ġejjin (1) notifika parzjali skont l-Artikolu 2(1) jew 2(3); (2) notifika skont l-Artikolu 2(2) jew 2(4); (3) aġġornament tan-notifika skont l-Artikolu 2(5); (4) nota ta' għeluq li tindika t-terminazzjoni tal-miżuri meħuda u r-raġunament għal terminazzjoni bħal din.

2.   Informazzjoni li tikkonċerna l-awtorità unika u l-persuni responsabbli.

2.1.

Isem tal-awtorità unika, kif imsemmija fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2000/29/KE li tissottometti n-notifika (minn hawn 'l quddiem: “l-awtorità unika”). Indikazzjoni tal-kliem “Notifika minn”, segwita bl-isem tal-awtorità unika, u l-isem tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità.

2.2.

Kuntatt uffiċjali fl-awtorità unika. Indika l-isem, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna msemmija mill-awtorità unika bħala kuntatt uffiċjali għan-notifika kkonċernata. Meta tissemma aktar minn persuna waħda, tinħtieġ indikazzjoni tar-raġunijiet.

3.   Lokazzjoni tal-preżenza ta' organiżmu ta' ħsara.

3.1.

Indikazzjoni, kemm jista' jkun speċifika, tal-lokazzjoni tal-preżenza tal-organiżmu ta' ħsara konċernat, b'referenza għal mill-anqas reġjun amministrattiv (eż. muniċipalità, belt, provinċja) kif xieraq.

3.2.

B'referenza għall-punt 3.1, il-mappa (mapep) tal-lokazzjoni rispettiva. Is-sottomissjonijiet, fil-forma ta' kummenti, informazzjoni dwar il-konfini, b'referenza għan-nomenklatura ta' unitajiet territorjali tal-Eurostat (NUTS) jew għal kodiċijiet ġeografiċi (Geocodes), ritratti mill-ajru jew il-koordinati GPS ewlenin huma possibbli.

4.   Informazzjoni dwar ir-raġuni tan-notifika, u l-istatus tal-pesti taż-żona u l-Istat Membru kkonċernat.

4.1.

Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin: (1) l-ewwel preżenza kkonfermata jew issuspettata tal-organiżmu ta' ħsara fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat; (2) presenza kkonfermata jew issuspettata tal-organiżmu ta' ħsara f'parti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fejn il-preżenza tiegħu ma kinitx magħrufa qabel. Fil-każ ta' alternattiva (2), u meta applikabbli, indikazzjoni li l-organiżmu ta' ħsara deher f'parti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fejn dak l-organiżmu ta' ħsara kien preżenti qabel iżda ġie eradikat.

4.2.

L-istatus tal-pesti taż-żona fejn l-organiżmu ta' ħsara nstab preżenti, wara konferma uffiċjali. Indikazzjoni, b'nota ta' spjegazzjoni, ta' waħda jew aktar mill-alternattivi li ġejjin: (1) Preżenti: fil-partijiet kollha taż-żona kkonċernata; (2) Preżenti: f'partijiet speċifiċi biss taż-żona kkonċernata; (3) Preżenti: f'partijiet speċifiċi taż-żona, fejn l-għelejjel ospitanti ma jitkabbrux; (4) Preżenti: qed jiġu eradikati; (5) Preżenti: qed jiġu kkontenuti; (6) Preżenti: bi prevalenza baxxa; (7) Assenti: Il-pesti nstabu preżenti iżda ma ġewx eradikati; (8) Assenti: Il-pesti nstabu preżenti iżda ma għadhomx preżenti għal raġunijiet għajr l-eradikazzjoni; (9) Tranżitorji (il-preżenza ta' organiżmu ta' ħsara mhijiex mistennija li twassal għal stabbiliment): mhux azzjonabbli; (10) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt sorveljanza; (11) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt eradikazzjoni; (12) Oħrajn.

4.3.

L-istatus tal-pesti fl-Istat Membru kkonċernat qabel il-konferma uffiċjali tal-preżenza jew preżenza suspettata, ta' organiżmu ta' ħsara. Indikazzjoni, b'nota ta' spjegazzjoni, ta' waħda jew aktar mill-alternattivi li ġejjin: (1) Preżenti: fil-partijiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat; (2) Preżenti: f'xi partijiet tal-Istat Membru kkonċernat; (3) Preżenti: f'partijiet speċifiċi tal-Istat Membru, fejn l-għala ospitant/l-għelejjel ospitanti ma jitkabbrux; (4) Preżenti: Staġjonalment; (5) Preżenti: qed jiġu eradikati; (6) Preżenti: qed jiġu kkontenuti, filkaż li l-eradikazzjoni tkun impossibbli (7) Preżenti: bi prevalenza baxxa; (8) Assenti: l-ebda pesti reġistrati; (9) Assenti: Pesti eradikati; (10) Assenti: Il-pesti ma għadhomx preżenti għal raġunijiet għajr l-eradikazzjoni; (11) Assenti: Reġistri tal-pesti mhux validi; (12) Assenti: Reġistri tal-pesti mhux affidabbli; (13) Assenti: interċettati biss; (14) Tranżitorji: mhux azzjonabbli; (15) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt sorveljanza; (16) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt eradikazzjoni; (17) Oħrajn.

4.4.

L-istatus tal-pesti fl-Istat Membru kkonċernat qabel il-konferma uffiċjali tal-preżenza ta' organiżmu ta' ħsara. Indikazzjoni, b'nota ta' spjegazzjoni, ta' waħda jew aktar mill-alternattivi li ġejjin: (1) Preżenti: fil-partijiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat; (2) Preżenti: f'xi partijiet tal-Istat Membru kkonċernat; (3) Preżenti: f'partijiet speċifiċi tal-Istat Membru, fejn l-għala ospitant/l-għelejjel ospitanti ma jitkabbrux; (4) Preżenti: Staġjonalment; (5) Preżenti: qed jiġu eradikati; (6) Preżenti: qed jiġu kkontenuti, filkaż li l-eradikazzjoni tkun impossibbli (7) Preżenti: bi prevalenza baxxa; (8) Assenti: Pesti eradikati; (9) Assenti: Il-pesti ma għadhomx preżenti għal raġunijiet għajr l-eradikazzjoni; (10) Assenti: Reġistri tal-pesti mhux validi; (11) Assenti: Reġistri tal-pesti mhux affidabbli; (12) Assenti: interċettati biss; (13) Tranżitorji: mhux azzjonabbli; (14) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt sorveljanza; (15) Tranżitorji: azzjonabbli, taħt eradikazzjoni; (16) Oħrajn.

5.   Informazzjoni dwar is-sejba, it-teħid ta' kampjuni, l-ittestjar u konferma tal-organiżmu ta' ħsara.

5.1.

Kif il-preżenza jew d-dehra tal-organiżmi ta' ħsara kienet misjuba. Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin: (1) stħarriġ uffiċjali relatat mal-pesti; (2) stħarriġ rrelatat ma' tifqigħa eżistenti jew eradikata ta' organiżmu ta' ħsara; (3) spezzjonjiet fitosanitarji ta' kwalunkwe tip; (4) spezzjoni li tintraċċa lura u 'l quddiem relatata ma' preżenza speċifika tal-organiżmu ta' ħsara kkonċernat; (5) spezzjoni uffiċjali għal għanijiet minbarra dawk fitosanitarji; (6) informazzjoni sottomessa minn operaturi professjonali, laboratorji jew persuni oħra; (7) informazzjoni xjentifika; (8) oħrajn. Aktar kummenti fl-għamla ta' test liberu jew dokumenti mehmuża huma possibbli. Fil-każ tal-alternattiva (8), tinħtieġ l-indikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni. Meta applikabbli, indikazzjoni tad-data tal-ispezzjoni(jiet), id-deskrizzjoni tal-metodu ta' spezzjoni (inklużi dettalji dwar viżwali jew verifiki oħra kif xieraq), u deskrizzjoni qasira tas-sit fejn twettqet l-ispezzjoni, ir-riżultati ta' dik l-ispezzjoni u stampa(i). Fil-każ tal-alternattivi (3) u (4), indikazzjoni tad-data ta' spezzjoni(ijiet), id-deskrizzjoni tal-metodu ta' spezzjoni (inklużi dettalji dwar viżwali jew verifiki oħra kif xieraq). Is-sottomissjoni possibbli ta' deskrizzjoni qasira tas-sit fejn twettqet l-ispezzjoni, ir-riżultati ta' dik l-ispezzjoni u stampa(i).

5.2.

Id-data tas-sejba: Indikazzjoni tad-data meta l-entità uffiċjali responsabbli sabet il-preżenza jew id-dehra ta' organiżmu ta' ħsara, jew irċieviet l-ewwel informazzjoni li tikkonċerna s-sejba tagħha. Jekk l-organiżmu ta' ħsara kien misjub minn persuna oħra għajr il-korp uffiċjali responsabbli, indikazzjoni tad-data tas-sejba tal-organiżmu li jagħmel il-ħsara minn dik il-persuna, u d-data meta dik il-persuna tkun infurmat mill-korp uffiċjali responsabbli b'dan.

5.3.

It-teħid ta' kampjuni għal analiżi fil-laboratorju. Meta applikabbli, sottomissjoni ta' informazzjoni dwar il-proċedura tat-teħid ta' kampjuni għal analiżi fil-laboratorju, inklużi d-data, il-metodu, u d-daqs tal-kampjun. Twaħħil ta' stampi huwa possibbli.

5.4.

Laboratorju Meta applikabbli, indikazzjoni tal-isem u l-indirizz tal-laboratorju(i) involuti fl-identifikazzjoni tal-organiżmu ta' ħsara kkonċernat.

5.5.

Metodi Dijanostici. Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin: (1) Skont il-Protokoll eżaminat mill-pari; (2) Oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-metodu kkonċernat. Fil-każ ta' Alternattiva (1), id-dispożizzjoni ta' referenza ċara għall-Protokoll rispettiv u, meta xieraq, kwalunkwe devjazzjoni minn dak il-Protokoll.

5.6.

Id-data ta' konferma uffiċjali tal-identità tal-organiżmu ta' ħsara.

6.   Informazzjoni relatata ma' żona infestata, u s-severità u s-sors tat-tifqigħa f'dak il-qasam.

6.1.

Id-daqs u d-delimitazzjoni taż-żona infestata. Indikazzjoni ta' waħda jew iktar mill-alternattivi li ġejjin: (1) superfiċje infestata (m2, ha, km2); (2) għadd ta' pjanti infestati (biċċiet); (3) volum ta' prodotti ta' pjanti infestati (tunnellati, m3); (4) koordinati ewlenin tal-GPS, jew kull deskrizzjoni oħra speċifika, tad-delimitazzjoni taż-żona infestata. Is-sottomissjoni ta' ċifri approssimattivi hija possibbli, iżda bi spjegazzjoni dwar ir-raġuni ta' nuqqas ta' ċifri eżatti.

6.2.

Karatteristiċi taż-żona infestata u tal-viċinat tagħha. Indikazzjoni ta' waħda jew iktar mill-alternattivi li ġejjin:

(1)

Żona ta' produzzjoni — fil-beraħ

(1.1)

għalqa (kkoltivata, bur);

(1.2)

ort/vinja;

(1.3)

mixtla;

(1.4)

foresta.

(2)

Oħrajn — fil-beraħ

(2.1)

ġnien privat;

(2.2)

siti pubbliċi;

(2.3)

żona ta' konservazzjoni;

(2.4)

pjanti selvaġġi f'żoni għajr żoni ta' konservazzjoni;

(2.5)

oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari.

(3)

Kundizzjonijiet magħluqa fiżikament

(3.1)

serra;

(3.2)

sit privat, ħlief serra;

(3.3)

sit privat, ħlief serra;

(3.4)

oħrajn, bi speċifikazzjoni tal-każ partikolari.

Għal kull alternattiva, indikazzjoni dwar jekk infestazzjoni rispettiva tikkonċerna waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: pjanti għat-tħawwil, pjanti oħra, jew prodotti tal-pjanti.

6.3.

Pjanti ospitanti taż-żona infestata u tal-viċinat tagħha. Indikazzjoni tal-isem xjentifiku tal-pjanti ospitanti f'dik iż-żona, skont il-punt 6.4. Informazzjoni addizzjonali hija possibbli dwar id-densità tal-pjanti ospitanti fiż-żona, b'referenza għal prattiki ta' kultivazzjoni, karatteristika speċifika tal-ħabitats, jew informazzjoni dwar prodotti tal-pjanti suxxettibbli prodotti fiż-żona.

6.4.

Pjanta/pjanti infestat(i), prodott(i) mill-pjanti u oġġett(i) ieħor/oħra. Indikazzjoni tal-isem xjentifiku tal-pjanta/pjanti ospitanti infestat(i).

Sottomissjoni tal-varjetà u, għal prodotti tal-pjanti, it-tip tal-prodott, kif xieraq, hija possibbli.

6.5.

Vetturi preżenti f'dik iż-żona. Meta applikabbli, indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin:

(a)

l-isem xjentifiku tal-vetturi għallinqas fil-livell tal-genus kif imsemmi fid-Direttiva 2000/29/KE, jew kif imsemmi fil-miżuri adottati skont l-Artikolu 16(3) ta' dik id-Direttiva, jew,

(b)

jekk il-punt (a) ma jkunx applikabbli, l-isem xjentifiku approvat minn organizzazzjoni internazzjonali, u l-isem ta' dik/dawk l-organizzazzjoni(jiet), jew,

(c)

jekk la l-punt (a) u lanqas il-punt (b) ma jkun applikabbli, indikazzjoni tal-isem xjentifiku mill-iktar sors affidabbli ta' informazzjoni, b'referenza għal dak is-sors.

Informazzjoni addizzjonali hija possibbli dwar id-densità tal-vetturi, jew il-karatteristiċi ta' pjanti importanti għall-vetturi.

6.6.

Is-severità tat-tifqigħa. Deskrizzjoni tal-firxa ta' infestazzjoni kurrenti, is-sintomi u l-ħsara li saret, u, meta xieraq, l-inklużjoni ta' previżjonijiet hekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

6.7.

Is-sors tat-tifqigħa. Kif applikabbli, indikazzjoni ta' mogħdija kkonfermata tal-organiżmu ta' ħsara fiż-żona, jew tal-mogħdija suspettata għad trid tiġi kkonfermata. Twaħħil ta' informazzjoni fir-rigward tal-oriġini potenzjali jew ikkonfermata tal-organiżmu ta' ħsara hija possibbli.

7.   Miżuri fitosanitarji uffiċjali.

7.1.

Adozzjoni ta' miżuri fitosanitarji uffiċjali. Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin, b'noti ta' spjegazzjoni: (1) Ittieħdu miżuri fitosanitarji uffiċjali fil-forma ta' trattament kimiku, bioloġiku jew fiżiku; (2) Ittieħdu miżuri fitosanitarji uffiċjali, minbarra l-miżuri fil-forma ta' trattament kimiku, bioloġiku jew fiżiku; (3) Se jittieħdu miżuri fitosanitarji uffiċjali; (4) Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jittieħdu miżuri fitosanitarji uffiċjali hija pendenti; (5) L-ebda miżuri fitosanitarji uffiċjali. Fil-każ ta' stabbiliment ta' żona demarkata, indikazzjoni taħt Alternattivi (1), (2) u (3), jekk dawk il-miżuri jittieħdu fi jew barra dik iż-żona. Fil-każ ta' alternattiva (5), indikazzjoni tar-raġuni għaliex ma ttieħdu l-ebda miżuri fitosanitarji uffiċjali.

7.2.

Data ta' adozzjoni ta' miżuri fitosanitarji uffiċjali. F'każ ta' miżuri temporanji, indikazzjoni dwar it-tul ta' żmien probabbli tagħhom.

7.3.

Identifikazzjoni taż-żona ta' miżuri fitosanitarji uffiċjali koperta. Indikazzjoni tal-metodu użat sabiex jidentifika ż-żona koperta minn miżuri fitosanitarji uffiċjali. F'każ li jkunu saru stħarriġiet, ir-riżultati ta' dawk l-istħarriġiet.

7.4.

Objettiv tal-miżuri fitosanitarji uffiċjali. Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin: (1) eradikazzjoni; (2) trażżin, filkaż li l-eradikazzjoni ma' tkunx possibbli.

7.5.

Miżuri li jaffettwaw il-moviment ta' merkanzija. Indikazzjoni ta' waħda mill-alternattivi li ġejjin: (1) il-miżuri jaffettwaw l-importazzjoni ġewwa jew il-moviment fi ħdan l-Unjoni tal-oġġetti; (2) il-miżuri ma jaffettwawx l-importazzjoni ġewwa jew il-moviment fi ħdan l-Unjoni tal-oġġetti; Fil-każ ta' alternattiva (1), deskrizzjoni tal-miżuri.

7.6.

Stħarriġiet speċifiċi. Fil-każ li stħarriġiet jitwettqu bħala parti minn miżuri fitosanitarji uffiċjali, indikazzjoni tal-metodoloġija, it-tul u l-iskop tagħhom.

8.   Analiżi/valutazzjoni tar-riskju tal-pesti. Indikazzjoni tal-alternattivi li ġejjin: (1) Mhijiex meħtieġa analiżi tar-riskju tal-pesti (l-organiżmu ta' ħsara huwa elenkat fl-Anness I jew l-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE, jew huwa suġġett għal miżuri adottati skont l-Artikolu 16(3) ta' dik id-Direttiva); (2) Analiżi tar-riskju tal-pesti, jew analiżi tar-riskju tal-pesti preliminari, taħt żvilupp (3) Teżisti analiżi preliminari tar-riskju tal-pesti; (4) Teżisti analiżi tar-riskju tal-pesti. Fil-każ tal-alternattivi (3) u (4), deskrizzjoni tas-sejbiet ewlenin, u — hemża ta' analiżi tar-riskju tal-organiżmi ta' ħsara rispettivi jew indikazzjoni tas-sors fejn tista' tinstab dik l-analiżi.

9.   Links għal websajts rilevanti, sorsi oħra ta' informazzjoni.

10.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tissottometti l-informazzjoni dwar wieħed jew iktar mill-elementi ta' punti 1.1, 1.3, 3.1, 4.1 sa 4.4, 5.1 sa 5.6, 6.1 sa 6.7, 7.1 sa 7.6 u 8 lill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti.


Top