Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0915

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/915/PESK tas- 16 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

    ĠU L 360, 17.12.2014, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/915/oj

    17.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 360/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/915/PESK

    tas-16 ta' Diċembru 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 u l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/452/PESK (1) li estendiet il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, l-EUMM Georgia (“EUMM Georgia” jew il-“Missjoni”) stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2008/736/PESK (2). Id-Deċiżjoni 2010/452/PESK tiskadi fl-14 ta' Diċembru 2014.

    (2)

    L-EUMM Georgia għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta' sentejn abbażi tal-mandat attwali tagħha.

    (3)

    Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2010/452/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/452/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'li ġej:

    “3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika ta' sigurtà fuq il-post tal-Unjoni. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal hu fdat biha hu u jwettaq il-kompiti tiegħu, il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*).

    (*)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).”"

    .

    (2)

    Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 5 hu sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.”

    .

    (3)

    Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Missjoni bejn il-15 ta' Diċembru 2014 u l-14 ta' Diċembru 2015 għandu jkun ta' EUR 18 300 000”

    .

    (4)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 14a

    Ċellula ta' Proġetti

    1.   L-EUMM Georgia għandu jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti. L-EUMM Georgia għandha, kif meħtieġ, tiffaċilita u tipprovdi konsulenza dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-EUMM Georgia u b'appoġġ għall-objettivi tagħha.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 3, l-EUMM Georgia għandha tkun awtorizzata li tuża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex timplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw azzjonijiet oħra tal-EUMM Georgia b'mod konsistenti, jekk dawk il-proġetti jkunu:

    (a)

    provduti fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew

    (b)

    integrati matul il-mandat permezz ta' emenda fid-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.

    L-EUMM Georgia għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, billi tkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-EUMM Georgia fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati li jikkontribwixxu ma jistgħu f'ebda ċirkostanza jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-EUMM Georgia fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati terzi liċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni tal-KPS.”

    .

    (5)

    Fl-Artikolu 16, il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'li ġej:

    “1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif xieraq u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, l-informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti sal-livell ta' ‘CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL’ iġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat ukoll jirrilaxxa lin-NU u lill-OSKE, f'konformità mal-ħtiġijiet tal-Missjoni l-informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti sal-livell ta' ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ iġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u tal-OSKE għal dik il-fini.

    3.   Fl-eventwalità ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, il-Kap tal-Missjoni għandu jawtorizza wkoll li jirrilaxxa lill-Istat Ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE u dokumenti sal-livell ta' ‘RESTREINT UE/EU RESTRICTED’ iġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u tal-OSKE għal dik il-fini.”

    .

    (6)

    Fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Hija għandha tiskadi fl-14 ta' Diċembru 2016.”

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-15 ta' Diċembru 2014.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/452/PESK tat-12 ta' Awwissu 2010 dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia (ĠU L 213, 13.8.2010, p. 43).

    (2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/736/PESK tal-15 ta' Settembru 2008 dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia (ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26).


    Top