This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0837
2014/837/EU: Council Decision of 27 November 2014 determining certain direct financial consequences incurred as a result of the cessation of the participation of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland in certain acts of the Union in the field of police cooperation and judicial cooperation in criminal matters adopted before the entry into force of the Treaty of Lisbon
2014/837/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
2014/837/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
ĠU L 343, 28.11.2014, p. 17–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta' Novembru 2014
li tiddetermina ċerti konsegwenzi finanzjarji diretti mġarrba b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona
(2014/837/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali (minn hawn 'il quddiem “Protokoll Nru 36”), anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont il-Protokoll Nru 36, ir-Renju Unit kellu l-possibbiltà li jinnotifika lill-Kunsill, sal-31 ta' Mejju 2014, li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, introdotti mit-Trattat ta' Lisbona fir-rigward ta' atti tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. |
(2) |
Permezz ta' ittra lill-President tal-Kunsill iddatata l-24 ta' Lulju 2013, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma jaċċettax il-poteri tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja introdotti mit-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. Bħala konsegwenza, l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta' Diċembru 2014. |
(3) |
Ir-Renju Unit jista' jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-atti li ma jkunux għadhom japplikaw għalih. |
(4) |
Ir-Renju Unit indika x-xewqa tiegħu li jinnotifika li jipparteċipa f'uħud minn dawk l-atti. |
(5) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddetermina l-arranġamenti ta' konsegwenza u tranżizzjonali neċessarji. Il-Kunsill jista' wkoll, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4), jiddetermina li r-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-atti kkonċernati. |
(6) |
Minħabba li r-Renju Unit ma nnotifikax lill-Kunsill bix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (1) u 2008/616/ĠAI (2) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI (3) (minn hawn 'il quddiem “id-Deċiżjonijiet ta' Prüm”), dawn ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta' Diċembru 2014. Madankollu, minħabba s-sinifikat prattiku u operazzjonali tad-Deċiżjonijiet ta' Prüm għall-Unjoni għas-sigurtà pubblika, u b'mod aktar partikolari għall-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali, bid-Deċiżjoni 2014/836/UE (4) il-Kunsill iddeċieda li r-Renju Unit se jwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni biex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi tas-sħubija mill-ġdid tar-Renju Unit fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm u l-passi neċessarji biex jagħmel dan, li r-riżultati tiegħu se jkunu pubblikati sat-30 ta' Settembru 2015. Jekk il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni jkun pożittiv, sal-31 ta' Diċembru 2015, ir-Renju Unit jiddeċiedi dwar jekk jinnotifikax lill-Kunsill, fi żmien l-erba' ġimgħat segwenti, dwar ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36. |
(7) |
Fondi mill-Programm “Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/ĠAI (5), ġew allokati lir-Renju Unit għal żewġ proġetti relatati mad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI, l-ewwel waħda tikkonċerna l-implimentazzjoni mir-Renju Unit tal-Iskambju tad-DNA ta' Prüm, b'massimu ta' kofinanzjament ta' EUR 961 019 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijiet Interni, u t-tieni tikkonċerna l-Evalwazzjoni tal-Marki tas-Swaba' ta' Prüm mir-Renju Unit, b'massimu ta' kofinanzjament ta' EUR 547 836 mogħti lill-Uffiċċju tal-Affarijeit Interni. Dan jammonta għal total ta' EUR 1 508 855. |
(8) |
Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/836/UE jew jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm huwa għandu jħallas lura, bħala konsegwenza finanzjarja diretta, imġarrba neċessarjament u inevitabbilment b'riżultat tal-waqfien tal-parteċipazzjoni tiegħu fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, is-somom effettivament imħallsa mill-Kummissjoni bħala kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' dawk id-Deċiżjonijiet. |
(9) |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, ir-Renju Unit qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u huwa marbut biha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fil-każ li r-Renju Unit ma jirrispettax waħda mill-iskadenzi li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/836/UE jew jiddeċiedi li ma jipparteċipax fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm, huwa għandu jħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni s-somom, sa EUR 1 508 855, irċevuti mill-Programm “Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
A. GIACOMELLI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).
(3) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/836/UE tas-27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjoniali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertàjiet (ĠU L 58, 24.2.2007, p. 7).