Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0731

    2014/731/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 9 ta' Ottubru 2014 dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f'Malta

    ĠU L 302, 22.10.2014, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/06/2017; Mibdul minn 32017D0943

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/731/oj

    22.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 302/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-9 ta' Ottubru 2014

    dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD) f'Malta

    (2014/731/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (2), b'mod partikolari l-Artikolu 20 u l-Kapitolu 4 għall-Anness tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont il-Protokoll dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-effetti ġuridiċi tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona huma preservati sakemm dawk l-atti jiġu rrevokati, annullati jew emendati fl-implimentazzjoni tat-Trattati.

    (2)

    B'mod konformi, l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI huwa applikabbli u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b'mod unanimu jekk l-Istati Membri implimentawx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI jipprevedi li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju. Fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jiġi bbażat fuq żjara ta' evalwazzjoni u eżerċizzju pilota.

    (4)

    Skont l-Kapitolu 4, il-punt 1.1. tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jitwieġeb minn Stat Membru ġaladarba jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

    (5)

    Malta lestiet il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar id-Data dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi (VRD).

    (6)

    Malta wettqet b'suċċess eżerċizzju pilota mal-Pajjiżi l-Baxxi.

    (7)

    Saret żjara ta' evalwazzjoni f'Malta u tfassal rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Belġjana/Olandiża li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    (8)

    Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, iż-żjara ta' evalwazzjoni u l-eżerċizzju pilota li jikkonċernaw il-VRD,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' tiftix awtomatizzat ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), Malta implimentat bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tipprovdi data personali skont l-Artikolu 12 ta' dik id-Deċiżjoni mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ALFANO


    (1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.


    Top