Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0664

    2014/664/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 15 ta' Settembru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda

    ĠU L 275, 17.9.2014, p. 6–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/664/oj

    17.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Settembru 2014

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda

    (2014/664/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, 2005 (1) (“il-Ftehim”) se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014, sakemm il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) ma jiddeċidix li jestendih f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Ftehim.

    (2)

    Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill ta l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

    (3)

    Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-IOC dwar ftehim ġdid. Issa hu ċert li d-data ta' skadenza tal-31 ta' Diċembru 2014 mhix se tiġi rrispettata biex jiġi konkluż ftehim. Għalhekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li tiżgura li l-Ftehim eżistenti jiġi estiż.

    (4)

    L-estensjoni tal-Ftehim attwali hija distinta min-negozjati dwar il-konklużjoni ta' ftehim ġdid. Għalhekk, l-Unjoni għandha titlob li l-Ftehim eżistenti jiġi estiż b'sena u tivvota favur tali estensjoni jekk din tiġi proposta lill-Kunsill tal-Membri tal-IOC,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, hija li titlob estensjoni ta' sena tal-Ftehim dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda eżistenti u li tivvota favur l-estensjoni ta' sena tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda jekk din tiġi proposta lill-Kunsill tal-Membri.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 47.


    Top