Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0492

    2014/492/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/492/oj

    Related international agreement

    30.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 260/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' Ġunju 2014

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

    (2014/492/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 31(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova biex jissostitwixxu l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (1).

    (2)

    Filwaqt li jitqiesu r-relazzjoni storika mill-qrib u r-rabtiet progressivament eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-29 ta' Novembru 2013.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u applikat parzjalment, fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

    (4)

    L-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taħt it-Trattati.

    (5)

    Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova l-modifiki għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni kummerċjali tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, kif propost mis-Sottokumitat tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 306 tal-Ftehim.

    (6)

    Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jingħataw protezzjoniskont il-Ftehim.

    (7)

    Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħrahuwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

    2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    1.   Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni:

    (a)

    Titolu I;

    (b)

    Titolu II: l-Artikoli 3, 4, 7 u 8;

    (c)

    Titolu III: l-Artikoli 12 u 15;

    (d)

    Titolu IV: il-Kapitoli 5, 9 u 12 (bl-eċċezzjoni tal-punt (h) tal-Artikolu 68), Kapitolu 13 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 71 sa fejn dan jikkonċerna l-governanza marittima u bl-eċċezzjoni tal-punti (b) u (e) tal-Artikolu 73 u l-Artikolu 74), il-Kapitolu 14 (bl-eċċezzjoni tal-punt (i) tal-Artikolu 77), il-Kapitolu 15 (bl-eċċezzjoni tal-punti (a) u (e) tal-Artikolu 81 u l-Artikolu 82(2)), il-Kapitolu 16 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 87, il-punt (c) tal-Artikolu 88 u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 89, sa fejn dak il-punt (b) jikkonċerna l-protezzjoni tal-ħamrija), il-Kapitoli 26 u 28, kif ukoll l-Artikoli 30, 37, 46, 57, 97, 102 u 116;

    (e)

    Titolu V (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 278 sa fejn dan jikkonċerna l-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, u bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 359 u 360 sa fejn dawn japplikaw għal proċedimenti amministrattivi u reviżjoni u appell fil-livell ta' Stat Membru);

    (f)

    Titolu VI;

    (g)

    Titolu VII (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 456(1) sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu huma limitati għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim kif definit f'dan il-paragrafu);

    (h)

    L-Annessi II sa XIII, l-Annessi XV sa XXXV, kif ukoll il-Protokolli I sa IV.

    2.   Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Għall-finijiet tal-Artikolu 306 tal-Ftehim, il-modifiki fil-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tas-Sottokumitat tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu qbil wara oġġezzjonijiet li jirrigwardaw xi indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni bbażata fuq il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Artikolu 5

    1.   Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu V tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

    2.   F'konformità mal-Artikolu 301 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 297 sa 300 tal-Ftehim, inkluż fuq it-talba ta' parti interessata.

    Artikolu 6

    Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. KARASMANIS


    (1)  Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 181, 24.6.1998, p. 3).

    (2)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).


    Top