EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0408

2014/408/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta' Ġunju 2014 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/290/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja

ĠU L 190, 28.6.2014, p. 76–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/408/oj

28.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/76


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2014

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/290/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja

(2014/408/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/290/UE (1) li fis-Slovakkja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet tas-Slovakkja f'Ottubru 2009, kien ippjanat li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kellu jilħaq is-6,3 % tal-PDG fl-2009, li kien ogħla mit-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li kien ippjanat li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kellu jkun ta' madwar 36 % tal-PDG fl-2009, ferm taħt is-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat. Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 laħqu t-8 % tal-PDG u 35,6 % tal-PDG rispettivament.

(2)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat Rakkomandazzjoni lis-Slovakkja bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet ippubblikata.

(3)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

(4)

Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha titħassar biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż it-3 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat tul il-perjodu ta' tbassir (4).

(5)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mis-Slovakkja qabel l-1 ta' April 2014, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu, jiġifieri l-livell ta' 8 % tal-PDG fl-2009, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fis-Slovakkja tnaqqas għal 2,8 % tal-PDG fl-2013, bi qbil mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009. It-tnaqqis tad-defiċit twettaq permezz ta' konsolidazzjoni fiskali kemm fuq l-introjtu u kemm fuq l-infiq, inkluż b'miżuri ta' darba.

Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 għandu fil-mira tiegħu id-defiċit nominali ta' 2,6 % tal-PDG fl-2014, u tnaqqis kontinwu sa 2,5 % tal-PDG fl-2015, sa 1,6 % tal-PDG fl-2016, u 0,5 % tal-PDG fl-2017. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jiżdied bi ftit, sa 2,9 % tal-PDG fl-2014, u li wara dan jerġa' jinżel għal 2,8 % tal-PDG fl-2015. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir.

Il-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u għall-ammont nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji, ittejjeb b'medja ta' 1,5 % tal-PDG kull sena fuq il-perjodu bejn l-2010 u l-2013. Filwaqt li ġie mbassar li dan il-bilanċ se jmur lura bi ftit fl-2014, fl-2015 għandu jittejjeb, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla ta' politika. F'dak il-kuntest, jidher li hemm qabża emerġenti ta' 0,3 % tal-PDG meta mqabbel mal-aġġustament meħtieġ tal-bilanċ strutturali lejn l-objettiv fuq terminu baġitarju medju (MTO) fl-2014; dan jissuġġerixxi li jeħtieġ li l-miżuri baġitarji jiġu msaħħa sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl tar-riskju emerġenti ta' devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġ.

Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika laħaq il-55,4 % tal-PDG fl-2013. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika se jibqa' jiżdied, sa 56,3 % tal-PDG fl-2014, u sa 57,8 % tal-PDG fl-2015.

(6)

Mill-2014, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, is-Slovakkja hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandha timxi lejn l-MTO tagħha b'pass xieraq, filwaqt li tirrispetta l-punt ta' referenza tal-infiq.

(7)

Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(8)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fis-Slovakkja ġie kkoreġut, u għaldaqstant id-Deċiżjoni 2010/290/UE għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fis-Slovakkja ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/290/UE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. A. HARDOUVELIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/290/UE tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja (ĠU L 125, 21.5.2010, p. 48).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(4)  B'konformità mal-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf


Top