Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0406

    2014/406/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta' Ġunju 2014 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/407/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fid-Danimarka

    ĠU L 190, 28.6.2014, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/406/oj

    28.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/71


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta' Ġunju 2014

    li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/407/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fid-Danimarka

    (2014/406/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/407/UE (1), li fid-Danimarka kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li skont id-dejta rrappurtata mill-awtoritajiet tad-Danimarka f'April 2010, id-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali ppjanat għall-2010 kien 5,4 % tal-PDG, u għaldaqstant, 'il fuq mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni ġenerali kien mistenni li jkun 45,1 % tal-PDG fl-2010, ħafna 'l isfel mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat. Id-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali għall-2010 ġie rrivedut sussegwentement għal 2,5 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ġie rrivedut għal 42,8 % tal-PDG.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat Rakkomandazzjoni lid-Danimarka bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet ippubblikata.

    (3)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

    (4)

    Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni abbażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir (4).

    (5)

    Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mid-Danimarka qabel l-1 ta' April 2014, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika baqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat fil-perjodu 2010-2013, għajr fl-2012, meta l-bilanċ intlaqat ħażin minn rimborż ta' darba marbut ma' riforma tal-pensjonijiet fl-2011. Huwa stmat li r-rimborż ta' darba niżżel il-bilanċ fiskali b'1,6 % tal-PDG fl-2012. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ammonta għal 2,5 % tal-PDG fl-2010, 1,9 % tal-PDG fl-2011, 3,8 % tal-PDG fl-2012, u 0,8 % tal-PDG fl-2013. It-titjib tal-bilanċ fiskali kien dovut għal miżuri ta' konsolidazzjoni kemm fejn jidħol l-introjtu u kemm fejn jidħol l-infiq, b'mod partikulari permezz ta' tkabbir limitat fil-konsum pubbliku.

    Il-Programm ta' Konverġenza tad-Danimarka tal-2014 ibassar defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 1,3 % tal-PDG fl-2014, u ta' 2,9 % tal-PDG fl-2015. Fil-perjodu 2013-2014, il-finanzi pubbliċi ntlaqtu minn introjti ta' darba mnissla mir-ristrutturar tal-pensjonijiet tal-kapital eżistenti, li ta l-opportunità li jitħallsu r-responsabbiltajiet fiskali tal-pensjonijiet tal-kapital tal-futur b'rata favorevoli. Huwa stmat li din il-miżura tixpruna l-bilanċ fiskali bi kważi 1,8 % tal-PDG tul dawk is-sentejn. Fl-2015, din il-miżura mhux se jkollha impatt, u b'hekk hija mistennija żieda fid-defiċit tal-finanzi pubbliċi. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jkun 1,2 % tal-PDG fl-2014, u 2,7 % tal-PDG fl-2015. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat matul il-perjodu ta' tbassir.

    Wara li tjieb b'0,7 % tal-PDG f'termini kumulattivi bejn l-2011 u l-2013, il-bilanċ strutturali, jiġifieri aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u għall-ammont nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra, huwa mbassar li jmur lura b'0,8 % tal-PDG fl-2014 (għal – 0,2 % tal-PDG), u b'0,3 % aktar tal-PDG fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla politika.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni, għar-rebbiegħa tal-2014 jbassru li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ser jonqos għal 43,5 % tal-PDG fl-2014, u li jiżdied għal 44,9 % tal-PDG fl-2015, taħt 60 % tal-PDG skont it-Trattat.

    (6)

    Mill-2014, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, id-Danimarka hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandha żżomm il-bilanċ strutturali tagħha fl-objettiv fuq terminu medju tagħha jew 'il fuq minnha.

    (7)

    Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

    (8)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fid-Danimarka ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/407/UE għalhekk għandha tiġi revokata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fid-Danimarka ġiet ikkoreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2010/407/UE hija b'dan revokata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. A. HARDOUVELIS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/407/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fid-Danimarka (ĠU L 189, 22.7.2010, p. 15).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

    (4)  B'konformità mal-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf


    Top