EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0399

2014/399/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 24 ta' Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

ĠU L 188, 27.6.2014, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/399/oj

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta' Ġunju 2014

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(2014/399/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Novembru 2004 il-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b'konformità mal-Artikolu XII ta' dak il-Ftehim.

(2)

Ġie stabbilit, fit-13 ta' Diċembru 2004, Grupp ta' Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini ta' adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan u l-Membri kollha tad-WTO.

(3)

Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat għadd komprensiv ta' impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni.

(4)

Dawk l-impenji issa huma inkorporati fil-Protokoll ta' Adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO (“il-Protokoll ta' Adeżjoni”).

(5)

L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta' riforma ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan.

(6)

Il-Protokoll ta' Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat.

(7)

L-Artikolu XII tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO jistipula li dwar it-termini tal-adeżjoni għandu jintlaħaq ftehim bejn il-Membru li qed jissieħeb u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 tal-Ftehim li jistabbilixxi li d-WTO jipprovdi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali.

(8)

Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija li tapprova l-adeżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

E. VENIZELOS


Top