Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0287

    2014/287/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta' Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks Ewropej ta' Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta' netwerks bħal dawn Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/08/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/287/oj

    17.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 147/79


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-10 ta' Marzu 2014

    li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks Ewropej ta' Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta' netwerks bħal dawn

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/287/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4)(b) u (c) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni 2014/286/UE (2) tistipula l-kriterji u l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw in-Netwerks Ewropej ta' Referenza (in-“Netwerks”) u l-fornituri tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jingħaqdu ma' Netwerks bħal dawn.

    (2)

    Skont l-Artikolu 12(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks u l-miżuri li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks.

    (3)

    In-Netwerks għandhom jiġu stabbiliti, u l-fornituri tal-kura tas-saħħa għandhom jiġu approvati, bħala Membri tan-Netwerks abbażi ta' proċedura miftuħa u trasparenti. Il-proċedura għandha tinkludi (1) sejħa ta' interess; (2) approvazzjoni mill-Istati Membri tal-applikazzjonijiet tal-fornituri tagħhom tal-kura tas-saħħa; (3) il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni; (4) il-verifika tat-tlestija tal-applikazzjonijiet; (5) il-valutazzjoni teknika, minn korp indipendenti, tal-applikazzjonijiet biex jitwaqqfu n-Netwerks u tal-applikazzjonijiet minn fornituri individwali tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jkunu Membri ta' Netwerk, sabiex jiġi deċiż jekk l-applikanti jissodisfawx il-kriterji jew le; (6) il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni; (7) l-approvazzjoni tan-Netwerks u s-sħubija tagħhom mill-Istati Membri, u (8) il-pubblikazzjoni tal-lista tan-Netwerks stabbiliti u tal-Membri tagħhom.

    (4)

    Sabiex tiżdied il-kopertura tan-Netwerks, il-fornituri individwali tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jingħaqdu ma' Netwerk għandhom jitħallew jagħmlu dan f'kull żmien. L-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu vvalutati skont l-istess proċedura bħal dik użata biex tivvaluta l-applikazzjonijiet għan-Netwerk inizjali, inkluża l-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet mill-Istati Membri inkwistjoni.

    (5)

    Sabiex ikun garantit li n-Netwerk għandu valur miżjud ġenwin tal-Unjoni Ewropea, u li huwa kbir biżżejjed biex jippermetti l-qsim ta' għarfien espert u jitjieb l-aċċess għall-kura ta' pazjenti madwar l-Unjoni, għandhom jiġu approvati biss l-applikazzjonijiet min-numru minimu meħtieġ ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u tal-Istati Membri, li jkunu tressqu skont is-sejħa ta' interess. Jekk in-numru ta' applikazzjonijiet ta' fornituri tal-kura tas-saħħa ma jkunx biżżejjed jew jekk l-applikazzjonijiet ma jkoprux numru suffiċjenti ta' Stati Membri, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa biex jingħaqdu man-Network propost.

    (6)

    Jaf jkun diffiċli li jintlaħaq in-numru minimu meħtieġ ta' fornituri tal-kura tas-saħħa jew ta' Stati Membri għal xi mard jew kundizzjonijiet rari minħabba nuqqas ta' għarfien espert. Għaldaqstant tkun idea tajba li fornituri tal-kura tas-saħħa li jiffokaw fuq mard jew kundizzjonijiet rari relatati jinġabru f'Netwerk tematiku. In-netwerks jistgħu jinkludu wkoll fornituri ta' servizzi ta' teknoloġija għolja li normalment jeħtieġu investiment b'kapital għoli ħafna, bħal laboratorji, servizzi tar-radjoloġija jew servizzi tal-mediċina nukleari.

    (7)

    L-Istati Membri li l-ebda wieħed mill-fornituri tagħhom tal-kura tas-saħħa ma jkun membru ta' Netwerk, għandhom jaħtru ċentri nazzjonali kollaborattivi u assoċjati biex iħeġġuhom jikkooperaw man-Netwerks relevanti.

    (8)

    Ladarba tkun ġiet stabbilita li tlestiet, kull applikazzjoni għal Network u għal fornitur tal-kura tas-saħħa, għandha tiġi vvalutata teknikament skont il-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE. Abbażi ta' valutazzjoni komuni manwali, il-valutazzjoni għandha tinkludi reviżjoni tad-dokumentazzjoni profonda u verifiki fuq il-post ta' numru magħżul ta' applikanti. Dan kollu għandu jitwettaq minn korp ta' valutazzjoni indipendenti maħtur mill-Kummissjoni.

    (9)

    L-Istati Membri huma mistiedna jwaqqfu Bord tal-Istati Membri li għandu jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni ta' Netwerks proposti u dwar is-sħubija tagħhom. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri għandha tkun volontarja. B'mod ġenerali l-Istati Membri jagħżlu li japprovaw l-istabbiliment ta' Netwerk u jagħtu s-sħubija fin-Netwerk f'każ ta' valutazzjoni pożittiva biss li tkun maħruġa minn korp tal-valutazzjoni.

    (10)

    Il-Membri tan-Netwerks għandhom ikunu lliċenzjati biex jużaw il-logo tan-“Netwerk Ewropej ta' Referenza”. Il-logo, li huwa proprjetà tal-Unjoni Ewropea, għandu jikkostitwixxi l-identità viżiva tan-Netwerks u l-Membri tagħhom.

    (11)

    Korp ta' evalwazzjoni indipendenti maħtur mill-Kummissjoni għandu jevalwa perjodikament in-Netwerks u l-Membri tagħhom, permezz tal-użu ta' manwal ta' evalwazzjoni komuni. L-evalwazzjoni għandha tikkonkludi b'rapport ta' evalwazzjoni teknika li jagħti dettalji dwar kemm l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/24/UE jkunu ntlaħqu kif ukoll jekk il-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE jkunux ġew issodisfati. Ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll ir-riżultati u l-prestazzjoni tan-Netwerk u l-kontribut tal-Membri tiegħu. Rapport ta' evalwazzjoni negattiv għandu ġeneralment iħajjar lill-Istati Membri japprovaw it-terminazzjoni ta' Netwerk. Sabiex il-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea tan-Netwerk ikun jista' jinżamm, il-konformità mar-rekwiżit ta' numru minimu ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' Stati Membri għandha tiġi mmonitorjata wara l-evalwazzjoni.

    (12)

    Il-Manwali ta' valutazzjoni u ta' evalwazzjoni għandhom ikunu ibbażati fuq prattiki rikonoxxuti internazzjonalment u għandhom jinkludu l-prinċipji u l-metodoloġiji ewlenin għat-twettiq ta' valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet.

    (13)

    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks. Hija għandha tpoġġi għad-disponibbiltà tal-pubbliku l-informazzjoni ġenerali dwar in-Netwerks u l-Membri tagħhom u d-dokumentazzjoni u l-manwali tekniċi dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks u l-Membri tagħhom. Din tista' toffri l-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni speċifiċi u għodod lin-Netwerks u lill-Membri tagħhom. Għandhom jiġu organizzati konferenzi u laqgħat tal-esperti sabiex ikun hemm forum għal dibattitu tekniku u xjentifiku fost in-Netwerks.

    (14)

    Id-dejta personali marbuta mal-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks għandha tiġi pproċessata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)kif xieraq.

    (15)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li twaqqaf bl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/24/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistipula:

    (a)

    il-kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE; u

    (b)

    l-miżuri li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/24/UE.

    KAPITOLU II

    L-ISTABBILIMENT TA' NETWERKS EWROPEJ TA' REFERENZA

    Artikolu 2

    Sejħa ta' interess għall-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Referenza

    1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa ta' interess għall-istabbiliment ta' Netwerks fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   Kull grupp ta' mill-anqas għaxar fornituri tal-kura tas-saħħa stabbilit f'tal-anqas tmien Stati Membri jista' jwieġeb kollettivament sal-iskadenza indikata fis-sejħa ta' interess b'applikazzjoni li tkun tinkludi proposta għall-istabbiliment ta' Netwerk f'qasam partikolari ta' għarfien espert.

    3.   Il-kontenut tal-applikazzjoni għandu jkun kif stipulat fl-Anness I.

    4.   Meta tirċievi applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet dwar in-numru minimu ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u l-Istati Membri kif stipulat fil-paragrafu 2 humiex issodisfati.

    5.   Jekk xi waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfata, l-applikazzjoni ma għandhiex tkun intitolata għal valutazzjoni u l-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa biex jingħaqdu man-Network proposta sabiex jgħinu biex jintlaħqu n-numru/i meħtieġ(a).

    6.   Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar iż-żmien xieraq għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet sussegwenti ta' interess.

    Artikolu 3

    L-applikazzjonijiet tas-sħubija

    1.   L-applikazzjoni li jkun fiha proposta għall-istabbiliment ta' Netwerk għandha tkun akkumpanjata minn applikazzjoni għas-sħubija għal kull fornitur kkonċernat tal-kura tas-saħħa.

    2.   Il-kontenut tal-applikazzjoni għandu jkun kif stipulat fl-Anness II.

    3.   L-applikazzjoni għas-sħubija għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni bil-miktub mingħand il-fornitur tal-kura tas-saħħa tal-Istat Membru tal-istabbiliment u tkun tiċċertifika li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proposta għall-istabbiliment ta' Netwerk hija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni teknika tal-applikazzjonijiet

    1.   Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 3(2) u (3) huma ssodisfati, hija għandha taħtar korp tal-valutazzjoni biex jivvaluta l-applikazzjonijiet.

    2.   Il-korp tal-valutazzjoni għandu jivverifika jekk:

    (a)

    il-kontenut tal-applikazzjoni li jinkludi proposta għall-istabbiliment ta' Netwerk jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni;

    (b)

    il-kontenut tal-applikazzjonijiet għas-sħubija jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Anness II ta' din id-Deċiżjoni;

    (c)

    in-Network propost jissodisfax ir-rekwiżit li għandu jipprovdi kura tas-saħħa speċjalizzata ħafna kif hemm fil-punt 1(a) tal-Anness I tad-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE;

    (d)

    in-Network propost jissodisfax il-kriterji u l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE;

    (e)

    il-fornituri tal-kura tas-saħħa li qed japplikaw jissodisfawx il-kriterji u l-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II tad-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE.

    3.   Il-valutazzjoni skont il-punti (d) u (e) tal-paragrafu 2 għandha sseħħ biss jekk il-korp tal-valutazzjoni jikkonkludi li l-proposta tissodisfa r-rekwiżiti li hemm referenza għalihom fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2.

    4.   Il-korp tal-valutazzjoni għandu jfassal rapport ta' valutazzjoni dwar l-applikazzjoni, li jkun fih proposta għall-istabbiliment ta' Netwerk u l-applikazzjonijiet għas-sħubija u jibgħat ir-rapporti kollha lill-Kummissjoni.

    5.   Il-korp tal-valutazzjoni għandu jibgħat ir-rapport ta' valutazzjoni dwar in-Network propost u dwar l-applikazzjoni tas-sħubija tiegħu lil kull fornitur tal-kura tas-saħħa li qed japplika. Il-fornitur tal-kura tas-saħħa jista' jibgħat il-kummenti tiegħu lill-korp tal-valutazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi r-rapporti. Meta jirċievi l-kummenti, il-korp tal-valutazzjoni għandu jemenda r-rapporti ta' valutazzjoni tiegħu u jispjega jekk il-kummenti jiġġustifikawx xi bidla fil-valutazzjoni tiegħu.

    Artikolu 5

    L-approvazzjoni tan-Netwerks u l-Membri

    1.   Meta jirċievu rapport ta' valutazzjoni dwar proposta għal Netwerk u l-lista proposta ta' Membri, imfassla skont l-Artikolu 4, u wara li jkun ivverifikat in-numru minimu ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' Stati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom, fi ħdan Bord ta' Stati Membri kif stipulat fl-Artikolu 6, jiddeċiedu dwar l-approvazzjoni tan-Network propost u l-Membri tiegħu.

    2.   Bis-saħħa tal-approvazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, in-Netwerks proposti għandhom ikunu stabbiliti bħala Netwerks Ewropej ta' Referenza.

    3.   Jekk in-numru minimu ta' fornituri tal-kura tas-saħħa jew ta' Stati Membri stipulat fl-Artikolu 2(2) ma jintlaħaqx, in-Netwerk ma għandux jiġi stabbilit u l-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa biex jingħaqdu man-Netwerks proposti.

    4.   Jekk fornitur tal-kura tas-saħħa jingħata valutazzjoni negattiva, ikun f'idejn il-fornitur tal-kura tas-saħħa biex jiddeċiedi jekk iridx jissottometti l-applikazzjoni tas-sħubija tiegħu, mar-rapport ta' valutazzjoni dwar l-applikazzjoni, lill-Bord tal-Istati Membri għal reviżjoni.

    Artikolu 6

    Il-bord tal-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri huma mistiedna jwaqqfu Bord tal-Istati Membri li għandu jiddeċiedi jekk japprovax jew le proposti għal Netwerks, is-sħubija tagħhom u t-terminazzjoni ta' Netwerk. Jekk id-deċiżjoni tagħhom ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-korp tal-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu r-raġunijiet għal dan.

    2.   L-Istati Membri li jixtiequ jkunu fuq il-Bord tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità nazzjonali li se tirrappreżentahom.

    3.   Il-Bord tal-Istati Membri għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess dwar il-proposta tas-servizzi tal-Kummissjoni, b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu.

    4.   Ir-regoli ta' proċedura għandhom ikopru l-funzjonament u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Istati Membri u jispeċifika liema mill-membri tiegħu huma intitolati li jivvutaw dwar l-approvazzjoni ta' Netwerk speċifiku, liema maġġoranza se tiddetermina r-riżultat tal-vot, u liema proċedura għandha tkun segwita jekk d-deċiżjoni tal-Bord ma tkunx taqbel mar-rapport ta' valutazzjoni dwar proposta ta' Netwerk proposta jew applikazzjoni ta' sħubija.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord tal-Istati Membri.

    6.   Id-dejta personali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fuq il-Bord tal-Istati Membri għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

    Artikolu 7

    Il-logo

    Meta netwerk ikun approvat, il-Kummissjoni għandha tilliċenzja l-użu ta' identifikatur grafiku uniku (“il-logo”), li dak in-Netwerk u l-Membri tagħha għandhom jużaw għall-attivitajiet organizzati min-Netwerk.

    Artikolu 8

    Applikazzjonijiet għas-sħubija ta' Netwerks eżistenti

    1.   Fornitur tal-kura tas-saħħa li jixtieq jingħaqad ma' Netwerk eżistenti għandu jressaq applikazzjoni lill-Kummissjoni.

    2.   Il-kontenut tal-applikazzjoni tas-sħubija għandu jkun kif stipulat fl-Anness II.

    3.   L-applikazzjoni tas-sħubija għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni bil-miktub mingħand il-fornitur tal-kura tas-saħħa tal-Istat Membru tal-istabbiliment u tkun tiċċertifika li l-parteċipazzjoni tiegħu fin-Netwerk hija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru.

    Artikolu 9

    Il-valutazzjoni teknika tal-applikazzjonijiet għas-sħubija ta' Netwerks eżistenti

    1.   Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3) huma ssodisfati, hija għandha taħtar korp biex jivvaluta l-applikazzjoni ta' sħubija.

    2.   Il-korp tal-valutazzjoni għandu jivverifika jekk:

    (a)

    il-kontenut tal-applikazzjoni tas-sħubija jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni; u

    (b)

    il-fornitur tal-kura tas-saħħa kkonċernat jissodisfax il-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE.

    3.   Il-valutazzjoni, skont il-punt (b) tal-paragrafu 2, għandha sseħħ biss jekk il-korp tal-valutazzjoni jikkonkludi li l-applikazzjoni ta' sħubija tissodisfa r-rekwiżiti li hemm referenza għalihom fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

    4.   Il-korp tal-valutazzjoni għandu jfassal rapport ta' valutazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-fornitur tal-kura tas-saħħa li qed japplika. Il-fornitur tal-kura tas-saħħa jista jibgħat il-kummenti tiegħu lill-korp tal-valutazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi r-rapport. Meta jirċievi dawn il-kummenti, il-korp tal-valutazzjoni għandu jemenda rapport ta' valutazzjoni tiegħu fejn jispjega jekk il-kummenti jiġġustifikawx xi bidla fil-valutazzjoni tiegħu.

    Artikolu 10

    L-approvazzjoni ta' Membri ġodda

    1.   Meta jirċievi rapport ta' valutazzjoni pożittiv imfassal skont l-Artikolu 9, il-Bord tal-Istati Membri għandu jiddeċiedi jekk japprovax jew le il-Membru l-ġdid.

    2.   Jekk fornitur tal-kura tas-saħħa jingħata valutazzjoni negattiva, ikun f'idejn il-fornitur tal-kura tas-saħħa biex jiddeċiedi jekk iridx jissottometti l-applikazzjoni ta' sħubija tiegħu, mar-rapport ta' valutazzjoni dwar l-applikazzjoni, lill-Bord tal-Istati Membri għal reviżjoni.

    Artikolu 11

    It-terminazzjoni tan-Netwerk

    1.   Netwerk għandha tiġi terminata f'dawn il-każijiet:

    (a)

    wieħed min-numri minimi stipulati fl-Artikolu 2(2) ma jintlaħaqx;

    (b)

    jitfassal rapport ta' evalwazzjoni negattiv dwar in-Netwerk skont l-Artikolu 14;

    (c)

    b'deċiżjoni tal-Bord tan-Netwerk skont ir-regoli u l-proċeduri tagħha;

    (d)

    jekk il-Koordinatur ma jitlobx evalwazzjoni tan-Netwerk fi żmien ħames snin wara t-twaqqif tiegħu jew mill-aħħar evalwazzjoni tiegħu.

    2.   It-terminazzjoni ta' netwerk, għar-raġunijiet imniżżla fil-paragrafu 1 (a) u (b), għandhom ikunu approvati mill-Bord tal-Istati Membri li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6.

    Artikolu 12

    It-telf ta' sħubija

    1.   Membru ta' netwerk jista' jitlef is-sħubija għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-irtirar volontarju, skont ir-regoli u l-proċeduri miftehma mill-Bord tan-netwerk;

    (b)

    b'deċiżjoni tal-Bord tan-Netwerk, skont ir-regoli u l-proċeduri miftehma mill-Bord;

    (c)

    jekk Stat Membru ta' stabbiliment jinnotifika lill-Membru tan-Netwerk li l-parteċipazzjoni tiegħu fin-Netwerk ma għadhiex konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali;

    (d)

    jekk il-Membru jirrifjuta li jiġi evalwat skont l-Artikolu 14;

    (e)

    jekk jitfassal rapport ta' evalwazzjoni negattiv dwar Membru skont l-Artikolu 14;

    (f)

    jekk in-Netwerk fejn jipparteċipa l-Membru jiġi terminat.

    2.   L-Istat Membru relevanti għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għan-notifika kif hemm referenza fil-paragrafu 1(c).

    3.   Il-Bord tan-netwerk għandu jinfurma lill-Kummissjoni fil-każijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1(a), (b) u (d).

    4.   It-telf ta' sħubija għar-raġunijiet imniżżla fil-paragrafu 1(e) għandhom jiġu approvati mill-Bord tal-Istati Membri li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6.

    5.   Fi kwalunkwe każ ta' telf ta' sħubija, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk in-numri minimi ta' fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' Stati Membri stipulati fl-Artikolu 2(2) jintlaħaqx xorta. Jekk le, din għandha titlob lin-Netwerk biex isib Membri ġodda fi żmien is-sentejn ta' wara jew itemm in-Netwerk, jinforma lill-Bord tal-Istati Membri bis-sitwazzjoni u titlob lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-fornituri tal-kura tas-saħħa biex jingħaqdu man-Netwerk.

    6.   It-telf ta' sħubija għandu jwassal għal telf awtomatiku ta' kwalunkwe drittijiet u responsabbiltajiet assoċjati mal-parteċipazzjoni fin-Netwerk, inkluż id-dritt li jintuża l-logo.

    Artikolu 13

    Il-manwal ta' valutazzjoni

    1.   B'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tfassal manwal dettaljat dwar il-kontenut, id-dokumentazzjoni u l-proċedura tal-valutazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 4 u 9.

    2.   Il-proċedura ta' valutazzjoni għandha tinkludi l-verifika tad-dokumentazzjoni mressqa mill-applikanti u l-verifiki fuq il-post.

    3.   Il-korp maħtur mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 4(1) u 9(1) biex jeżamina proposta għal Netwerk u l-applikazzjonijiet għas-sħubija tan-Netwerk għandu juża l-manwal ta' valutazzjoni.

    KAPITOLU III

    L-EVALWAZZJONI TAN-NETWERKS EWROPEJ TA' REFERENZA

    Artikolu 14

    L-evalwazzjoni

    1.   In-Netwerks kollha u l-Membri tagħhom għandhom jiġu evalwati perjodikament, tal-anqas kull ħames snin wara l-approvazzjoni tagħhom jew mill-aħħar evalwazzjoni.

    2.   Malli tirċievi talba għal evalwazzjoni mingħand il-Koordinatur ta' Netwerk, il-Kummissjoni għandha taħtar korp biex jevalwa n-Netwerk u l-Membri tiegħu.

    3.   Il-korp ta' evalwazzjoni għandu jivverifika u jivvaluta:

    (a)

    li l-kriterji u l-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Delegata 2014/286/UE jiġu ssodisfati;

    (b)

    li l-għanijiet stipulati fl- Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/24/UE jintlaħqu; u

    (c)

    ir-riżultati u l-prestazzjoni tan-Netwerk u l-kontribut ta' kull Membru.

    4.   Il-korp ta' evalwazzjoni għandu jħejji rapport ta' evalwazzjoni dwar in-Netwerk u jibagħtu lill-Kummissjoni, lill-Bord tan-Netwerk u lill-Membri tan-Netwerk.

    5.   Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jfassal rapport ta' evalwazzjoni dwar kull Membru tan-Netwerk u jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Membru inkwistjoni.

    6.   Il-Koordinatur u l-Membri tan-Netwerk jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-korp tal-evalwazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievu r-rapport. Meta jirċievi l-kummenti, il-korp tal-evalwazzjoni għandu jemenda r-rapport ta' evalwazzjoni fejn jispjega jekk il-kummenti jiġġustifikawx xi bidla fl-evalwazzjoni tiegħu.

    7.   Kull terminazzjoni ta' Network jew telf ta' sħubija minħabba evalwazzjoni negattiva għandha tkun approvata mill-Bord tal-Istati Membri li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6. Il-Bord tal-Istati Membri jista' joffri lin-Netwerk jew lill-Membru inkwistjoni sena sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati qabel ma jwettaq evalwazzjoni ġdida. Dak il-perjodu ta' żmien għandu jkun offrut biss lil Netwerk speċifiku jew lil Membru ta' Netwerk jekk il-Bord tan-Netwerk jippreżenta pjan ta' titjib.

    Artikolu 15

    Il-manwal ta' evalwazzjoni

    1.   B'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni għandha tfassal manwal dwar il-kontenut u d-dokumentazzjoni u l-proċedura għall-evalwazzjoni tan-Netwerks u l-Membri tagħhom li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 14.

    2.   Il-proċedura ta' evalwazzjoni għandha tinkludi l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni mressqa, inklużi r-rapporti ta' awtoevalwazzjoni, u l-verifiki fuq il-post.

    3.   Il-korp maħtur mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) biex jevalwa Netwerk u l-Membri tiegħu għandu juża l-manwal ta' evalwazzjoni.

    KAPITOLU IV

    SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U TA' GĦARFIEN ESPERT

    Artikolu 16

    L-iskambju ta' informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u ta' għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks billi:

    (a)

    tpoġġi għad-disponibbiltà tal-pubbliku informazzjoni ġenerali dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks, inkluża informazzjoni dwar il-manwali ta' valutazzjoni u ta' evalwazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 13 u 15;

    (b)

    tippubblika regolarment lista aġġornata tan-Netwerks u l-Membri tagħhom, flimkien mar-rapporti pożittivi ta' valutazzjoni u ta' evalwazzjoni tan-Networks u d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Istati Membri, skont ir-regoli ta' proċedura tagħha;

    (c)

    torganizza konferenzi u laqgħat tal-esperti għal dibattitu tekniku u xjentifiku fost il-Membri tan-Netwerks, jekk xieraq;

    (d)

    tipprovdi mezzi elettroniċi u għodod ta' komunikazzjoni lin-Netwerks, jekk xieraq.

    2.   Għall-iskop tal-pubblikazzjoni tal-lista li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1(b), kull tibdil rigward il-Membru li jagħmilha ta' Koordinatur ta' Netwerk jew il-persuna nnominata bħala Koordinatur ta' Netwerk għandu jkun ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-Bord tan-Netwerk.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 17

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

    Artikolu 18

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

    (2)  Ara l-paġna 71 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    IL-KONTENUT TAL-APPLIKAZZJONI GĦALL-ISTABBILIMENT TA' NETWERK

    L-applikazzjoni għall-istabbiliment ta' Netwerk għandha titressaq skont is-sejħa ta' interess ippubblikata mill-Kummissjoni u għandha tinkludi:

    (a)

    isem in-Network propost;

    (b)

    il-formola tal-applikazzjoni mimlija, bil-kwestjonarju tal-awtovalutazzjoni u d-dokumentazzjoni addizzjonali meħtieġa fil-manwal ta' valutazzjoni;

    (c)

    evidenza li l-fornituri tal-kura tas-saħħa li qed japplikaw kollha għandhom għarfien espert fl-istess qasam u jiffokaw fuq l-istess kundizzjoni jew kundizzjonijiet tas-saħħa;

    (d)

    isem il-fornitur tal-kura tas-saħħa li se jaġixxi bħala Koordinatur tan-Netwerk u l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna li se tirrappreżenta l-Koordinatur propost;

    (e)

    l-ismijiet tal-fornituri tal-kura tas-saħħa kollha li qed japplikaw.


    ANNESS II

    IL-KONTENUT TAL-APPLIKAZZJONI TA' SĦUBIJA

    L-applikazzjoni tal-fornituri tal-kura tas-saħħa għandha tinkludi:

    (a)

    it-titolu tan-Netwerk propost relevanti jew tan-netwerk eżistenti;

    (b)

    il-formola tal-applikazzjoni mimlija, bil-kwestjonarju tal-awtovalutazzjoni u d-dokumentazzjoni addizzjonali meħtieġa fil-manwal ta' valutazzjoni;

    (c)

    isem u d-dettalji ta' kuntatt tar-rappreżentant tal-fornitur tal-kura tas-saħħa.


    Top