EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0247

2014/247/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 132, 3.5.2014, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2019; Imħassar b' 32019D1280

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/247/oj

3.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/71


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' April 2014

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/247/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), li bih talbet il-parir tagħha dwar il-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Messiku fir-rigward tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu (CRAs).

(2)

Fil-parir tekniku tagħha mogħti fil-31 ta' Mejju 2013, l-ESMA indikat li fir-riżultati tagħha, il-qafas legali u superviżorju tal-Messiku fir-rigward tas-CRAs huwa komparabbli ma' dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz ikun ikkunsidrat bħala ekwivalenti mal-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, CRAs f'pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Is-CRAs ilhom regolati u supervizzati mill-Kummissjoni Messikana Bankarja u tat-Titoli (Comisión Nacional Bancaria y de Valores, CNBV) minn Lulju 1993. Minn Diċembru 1999, huma jridu jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel tas-CNBV sabiex joperaw u jipprovdu servizzi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Fis-17 ta' Frar 2013, ir-Regolament emendat applikabbli attwalment dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Disposiciones Aplicables a las Institutiones Calificadoras de Valores) ġie ppubblikat mis-CNBV fil-ġurnal uffiċjali tagħha u daħal fis-seħħ. Is-CNBV għandha s-setgħa li tinvestiga kwalunkwe azzjoni jew kwistjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-liġi. Is-CNBV għandha s-setgħa li titlob kull tip ta' informazzjoni u dokumenti, twettaq spezzjonijiet fuq il-post u ssejjaħ quddiema kull persuna li tista' tikkontribwixxi għall-investigazzjoni. Is-CRAs jistgħu jiġu esklużi b'mod permanenti jew temporanju, sospiżi jew tiġi rtirata l-liċenzja tagħhom. Is-CNBV għandha wkoll is-setgħa li timponi multi amministrattivi. Is-CNBV implimentat rieżaminazzjonijiet ta' konformità annwali tas-CRAs irreġistrati, li fuq il-bażi tagħhom għamlet osservazzjonijiet u imponiet sanzjonijiet. Il-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u s-CNBV jipprovdi għal skambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' miżuri ta' infurzar u superviżorji meħuda fil-konfront ta' CRAs transfruntieri. Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonsidrat li s-CRAs fil-Messiku huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għall-ħtiġijiet ta' reġistrazzjoni ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar tal-Messiku applikabbli għas-CRAs huma applikati u infurzati effettivament.

(5)

Skont it-tieni kundizzjoni, is-CRAs fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għal regoli li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fl-Artikoli 6 sa 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I ma' dan ir-Regolament. Meta jiġi vvalutat it-twettiq ta' din il-kundizzjoni għandha tingħata attenzjoni mistħoqqa lill-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas Messikan fir-rigward tal-governanza korporattiva jitlob li s-CRAs ikollhom bord ta' diretturi, li jikkonsisti f'massimu ta' 21 direttur u li minnhom mill-inqas 25 % jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' indipendenza. Id-diretturi indipendenti fost oħrajn ikunu kompetenti għall-iżvilupp tal-politika ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u tal-metodoloġiji, l-effettività tas-sistema ta' kontroll intern u l-monitoraġġ tal-konformità u ta' proċessi ta' governanza. Il-kunflitti ta' interess għandhom jiġu identifikati u eliminati u, jekk applikabbli, l-uffiċjal għall-konformità għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali li jista' jinfluwenza l-klassifikazzjonijiet. Meta CRA tidentifika kunflitt ta' interess li jista' jinfluwenza l-klassifikazzjonijiet tagħha, għandha tastjeni milli tipprovdi s-servizzi tagħha. Il-qafas tal-Messiku jinkludi ħtiġijiet organizzattivi estensivi li jikkonċernaw iż-żamma ta' reġistri u l-kunfidenzjalità, u jipprovdi li s-CRAs jibqgħu kompletament responsabbli għal kull attività esternalizzata. Entitajiet li jipprovdu servizzi esternalizzati lis-CRAs huma wkoll soġġetti għal superviżjoni mis-CNBV. Is-CRAs huma meħtieġa jistabbilixxu funzjoni ta' rieżami formali għar-rieżami ta' metodoloġiji u mudelli ta' klassifikazzjoni u l-qafas Messikan jinkludi firxa wiesgħa ta' ħtiġijiet ta' divulgazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-attivitajiet ta' klassifikazzjoni. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju Messikan għandu jilħaq l-istess għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta' interess, il-proċessi u l-proċeduri organizzattivi li CRA għandha tistabbilixxi, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk dan jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f'termini ta' integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta' klassifikazzjoni tal-kreditu.

(6)

Skont it-tielet kundizzjoni, ir-reġim regolatorju fil-pajjiż terz għandu jevita ndħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta' dak il-pajjiż terz mal-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji. Il-Kostituzzjoni Messikana tistabbilixxi li awtoritajiet amministrattivi huma permessi jaġixxu biss meta jkollhom awtorità espliċita jew setgħa stabbilita skont il-liġi applikabbli. Sakemm jista' jiġi aċċertat ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tagħti s-setgħa lis-CNBV jew kwalunkwe awtorità pubblika oħra biex tinfluwenza l-kontenut tal-klassifikazzjoni jew tal-metodoloġiji tal-kreditu.

(7)

Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma milħuqa mill-qafas legali u superviżorju Messikan għas-CRAs. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju Messikan għas-CRAs għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, infurmata mill-ESMA, għandha tkompli ssegwi l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju Messikan għas-CRAs u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju għall-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu fis-seħħ fil-Messiku jitqies bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


Top