Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0235

    2014/235/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 23 ta' April 2014 li tapprova l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Portugall

    ĠU L 125, 26.4.2014, p. 84–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/235/oj

    26.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/84


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-23 ta' April 2014

    li tapprova l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Portugall

    (2014/235/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li, fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu, diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u/jew il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF).

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-assistenza finanzjarja, li jeħtieġ li jkunu applikati flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (2) meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra.

    (3)

    Il-Portugall ingħata assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (3), kif ukoll mill-EFSF.

    (4)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza, l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Portugall, skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013, għandu jiġi approvat b'kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE.

    (5)

    F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, wettqet il-ħdax-il rieżami biex tivvaluta l-progress li sar mill-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma skont il-programm ta' aġġustament makroekonomiku, kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta' dan ir-rieżami, jeħtieġ li jsiru xi bidliet fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku eżistenti.

    (6)

    Dawk il-bidliet jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE kif emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234/UE (4),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri stipulati fl-Artikolu 3(8) u (9) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE li għandhom jittieħdu mill-Portugall bħala parti mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu, huma b'dan approvati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

    (4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/234/UE tat-23 ta' April 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (Ara paġna 75 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top