Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0221

Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat

ĠU L 115, 17.4.2014, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/221/oj

17.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' April 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat

(2014/221/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 114 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni ilha mit-22 ta' Jannar 2011 marbuta, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (1), mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà; id-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

(2)

Fis-26 ta' Novembru 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar aċċess aħjar għall-kotba għall-persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

(3)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-Konferenza Diplomatika li saret f'Marrakexx mis-17 sat-28 ta' Ġunju 2013 u t-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie adottat fis-27 ta' Ġunju 2013.

(4)

It-Trattat ta' Marrakexx jistabbilixxi sett ta' regoli internazzjonali li jiżguraw li jkun hemm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali għall-benefiċċju ta' persuni għomja, li għandhom diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u jippermettu l-iskambju transkonfinali ta' kopji f'format aċċessibbli ta' xogħlijiet pubblikati li jkunu saru skont limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur.

(5)

It-Trattat ta' Marrakexx huwa miftuħ għall-iffirmar minn kwalunkwe parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu. Għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (2), huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw it-Trattat ta' Marrakexx f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. TSAFTARIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

(2)  It-test tat-Trattat ta' Marrakexx ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top