This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0219
Council Decision 2014/219/CFSP of 15 April 2014 on the European Union CSDP mission in Mali (EUCAP Sahel Mali)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)
ĠU L 113, 16.4.2014, pp. 21–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
08/07/2025
|
16.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 113/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/219/PESK
tal-15 ta' April 2014
dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta' Marzu 2012, il-Kunsill laqa' l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel (“l-istrateġija tal-UE fis-Saħe”), waqt li ssottolinja l-interess li l-Unjoni għandha minn żmien twil għat-tnaqqis tan-nuqqas tas-sigurtà u t-tisħiħ tal-iżvilupp fir-reġjun tas-Saħel. |
|
(2) |
Fis-16 ta' Lulju 2012, permezz tad-Deċiżjoni 2012/392/PSDK (1), il-Kunsill nieda l-Missjoni ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) EUCAP Saħel Niger li tikkontribwixxi għat-taħriġ u l-għoti ta' pariri lill-forzi interni tas-sigurtà tan-Niġer u ssaħħaħ il-koordinazzjoni reġjonali ma' Mali u l-Mawritanja fil-qasam tas-sigurtà. |
|
(3) |
Fit-23 ta' Lulju 2012, il-Kunsill esprima li jinsab inkwetat dwar is-sitwazzjoni dejjem agħar f'Mali u l-impatt negattiv tagħha fuq il-paċi u l-istabbiltà reġjonali u internazzjonali. Biex titkompla l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE fis-Saħel, il-Kunsill stieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw proposti konkreti bil-ħsieb tal-implimentazzjoni rapida tal-azzjonijiet kollha marbuta mal-governanza, is-sigurtà, l-iżvilupp u r-riżoluzzjoni ta' konflitti previsti mill-istrateġija tal-UE fis-Saħel għat-Tramuntana ta' Mali. |
|
(4) |
Fit-18 ta' Frar 2013, permezz tad-Deċiżjoni 2013/87/PESK (2), il-Kunsill nieda missjoni militari ta' taħriġ tal-forzi armati ta' Mali (EUTM Mali), sabiex tagħti pariri u taħriġ lill-forzi armati ta' Mali taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi ta' Mali. |
|
(5) |
Fis-27 ta' Mejju 2013, il-Kunsill tenna d-disponibbiltà tiegħu biex jeżamina, b'mod partikolari fil-qafas tal-PSDK, l-għażliet bil-ħsieb ta' għajnuna urġenti lill-awtoritajiet ta' Mali fil-qasam tas-sigurtà interna u tal-ġustizzja, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. |
|
(6) |
Fl-20 ta' Frar 2014, ir-Repubblika ta' Mali bagħtet ittra ta' stedina lill-Unjoni bil-ħsieb tal-iskjerament ta' missjoni ċivili tal-Unjoni b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà ta' Mali. |
|
(7) |
Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill approva l-Kunċett tal-Maniġġar ta' Kriżijiet fir-rigward ta' azzjoni possibbli tal-PSDK b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà interna ta' Mali. |
|
(8) |
L-EUCAP Sahel Mali ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Missjoni
L-Unjoni għandha twettaq missjoni ċivili f'Mali ( EUCAP Sahel Mali) b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà interna (FSI) (pulizija, ġendarmerija, gwardja nazzjonali) ta' Mali.
Artikolu 2
Għanijiet u kompiti
1. L-għan tal-EUCAP Sahel Mali huwa li jippermetti lill-awtoritajiet ta' Mali jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-ordni kostituzzjonali u demokratiku kif ukoll il-kondizzjonijiet ta' paċi dejjiema f'Mali u li jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-awtorità u l-leġittimità tal-Istat fuq it-territorju kollu ta' Mali permezz ta' riorganizzazzjoni effikaċi tal-amministrazzjoni tagħha.
2. Bl-appoġġ tad-dinamika ta' Mali biex tinżamm l-awtorità tal-Istat, u f'koordinazzjoni mill-qrib ma' atturi nazzjonali oħrajn, b'mod partikolari MINUSMA, l-EUCAP Sahel Mali għandha tassisti u tagħti parir lill-FSI fl-implimentazzjoni tar-riforma ta' sigurtà stipulata mill-Gvern il-ġdid, fid-dawl ta':
|
— |
it-titjib fl-effikaċja operazzjonali tagħhom; |
|
— |
l-istabbiliment mill-ġdid tal-katini tal-ġerarkija tagħhom; |
|
— |
l-infurzar mill-ġdid tar-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tal-ġestjoni u s-superviżjoni tal-missjoni tagħhom; u |
|
— |
l-iffaċilitar tar-riorganizzazzjoni tagħhom lejn it-tramuntana tal-pajjiż. |
3. Sabiex tilħaq l-għan tagħha, l-EUCAP Sahel Mali ser taħdem skont il-linji ta' operazzjoni strateġiċi definiti fil-kunċett ta' maniġġar ta' kriżijiet approvati mill-Kunsill fis-17 ta' Marzu 2014 u żviluppati fid-dokumenti ta' ppjanar operazzjonali approvati mill-Kunsill.
Artikolu 3
Linja ta' kmand u struttura
1. L-EUCAP Sahel Mali għandu jkollha linja ta' kmand unifikata għall-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.
2. L-EUCAP Sahel Mali għandu jkollha l-kwartier ġenerali tagħha f'Bamako.
Artikolu 4
Pjanifikazzjoni u tnedija ta' EUCAP Sahel Mali
1. Il-missjoni għandha tiġi mnedija permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUCAP Sahel Mali ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.
2. Il-kompiti tal-element ewlieni tal-EUCAP Sahel Mali huma li jħejji l-installazzjoni tal-missjoni EUCAP Sahel Mali f'termini ta' loġistika u ta' infrastruttura, li jistabbilixxi l-kuntatti mal-interlokuturi ta' Mali, b'mod partikolari l-gvern u l-awtoritajiet ċentrali biex flimkien magħhom, isiru evalwazzjonijiet prospettivi tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, li jibda jiddefinixxi l-qafas tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali — b'mod partikolari l-MINUSMA — u li jagħti l-elementi meħtieġa għat-tħejjija tal-kunċett tal-operazzjonijiet (CONOPS), tal-pjan operattiv (OPLAN) u t-tieni dikjarazzjoni tal-impatt fuq il-baġit.
Artikolu 5
Kmandant tal-operazzjoni ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CCPC) tal-missjoni EUCAP Sahel Mali għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUCAP. Is-CCPC hija għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta' pariri u appoġġ tekniku lilu.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5. Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istat ta' oriġini f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawn l-awtoritajiet jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettament.
Artikolu 6
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUCAP Sahel Mali fuq il-post tal-operazzjonijiet. Il-Kap tal-Missjoni jaqa' direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu.
2. Il-Kap tal-Missjoni huwa r-rappreżentant tal-EUCAP Sahel Mali fiż-żona tal-azzjonijiet tiegħu. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni marbuta ma' kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, inkluż fir-rigward tal-mezzi, ir-riżorsi u t-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-missjoni.
4. Il-Kap tal-Missjoni huwa responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji relatati mal-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjonijiet dixxiplinari għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.
Artikolu 7
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni EUCAP Sahel Mali. Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet adatti f'dan ir-rigward, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi b'mod partikolari s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu riveduti l-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-missjoni EUCAP Sahel Mali għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar il-kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà rispettivi tagħhom.
Artikolu 8
Persunal
1. Il-persunal tal-missjoni EUCAP Sahel Mali jikkonsisti, primarjament, minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta' kuljum.
2. L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn jew dwar il-membru tal-persunal issekondat, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.
3. Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll fuq bażi kuntrattwali mill-EUCAP Sahel Mali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
4. Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUCAP Sahel Mali u l-membri tal-persunal ikkonċernati.
Artikolu 9
Status tal-EUCAP Sahel Mali u tal-persunal tagħha
L-istatus tal-missjoni EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, għandhom ikunu l-oġġett ta' ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta' Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUCAP Sahel Mali, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u min-Niġer, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, kif meħtieġ.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP Sahel Mali għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni EUCAP Sahel Mali bħall-Istati Membri.
3. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżi, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.
Artikolu 11
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta' sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-EUCAP Sahel Mali f'konformità mal-Artikolu 5.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-missjoni EUCAP Sahel Mali u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUCAP Sahel Mali, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4. Fir-rigward tas-sigurtà, il-persunal tal-EUCAP Sahel Mali għandu jirċievi taħriġ obbligatorju ta' sigurtà, adattat għar-riskju kif evalwat fil-qasam tar-riorganizzazzjoni. Għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).
Artikolu 12
Kapaċità tal-Għassa
Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUCAP Sahel Mali.
Artikolu 13
Arranġamenti legali
L-EUCAP Sahel Mali għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 14
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Mali għall-ewwel disa' xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni huwa ta' EUR 5 500 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini ta' Stati terzi u tal-Istat ospitanti għandhom ikunu awtorizzati li jressqu offerti għall-kuntratti. Soġġett għal approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-Missjoni tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma' atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUCAP Sahel Mali.
3. L-EUCAP Sahel Mali għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. Għal dan il-għan, l-EUCAP Sahel Mali għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
4. L-arranġamenti finanzjarji għandhom iqisu l-linja ta' kmand kif stipulat fl-Artikoli 3, 5 u 6 u l-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, inkluż il-kompatibilità tat-tagħmir u l-interoperabilità tat-timijiet tagħha.
5. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-firma tal-ftehim imsemmi f'paragrafu 3.
Artikolu 15
Ċellula ta' proġetti
1. L-EUCAP Sahel Mali għandha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUCAP Sahel Mali għandha, fejn meħtieġ, tikkoordina l-proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma marbutin mal-mandat tal-EUCAP Sahel Mali u biex tippromwovi l-objettivi tagħha, tiffaċilita dawn il-proġetti u tagħti pariri dwarhom.
2. Soġġett għal paragrafu 3, l-EUCAP Sahel Mali hija awtorizzata li tuża l-arranġamenti finanzjarji tal-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod koerenti l-azzjonijiet l-oħra tal-missjoni EUCAP Sahel Mali jekk il-proġett ikun:
|
— |
previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja ta' din id-deċiżjoni; |
|
— |
inkluż matul il-mandat permezz ta' modifika ta' din id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-kap tal-missjoni. |
L-EUCAP Sahel Mali għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
L-Istati Membri kontributuri ma jistgħu f'ebda każ iżommu lill-Unjoni jew lir-Għ responsabbli ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.
3. Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati terzi għaċ-ċellulla ta' proġett.
Artikolu 16
Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f'Mali sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f'Mali. Mingħajr ma jinterferixxi fil-linja ta' kmand, il-Kap tad-delegazzjoni f'Bamako b'koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel (RSUE Saħel) għandu jagħti direttivi politiċi fuq livell lokali lill-Kap tal-Missjoni ċivili. Il-Kap tal-Missjoni EUCAP Sahel Mali, il-Kap tad-delegazzjoni f'Bamako u r-RSUE Saħel għandu jkollhom konsultazzjonijiet skont il-ħtieġa.
3. Għandha tinħoloq kooperazzjoni bejn il-Kap tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, il-kmandant tal-missjoni EUTM Mali, il-Kap tal-missjoni EUCAP Sahel Niger u l-Kap tal-missjoni EUBAM Libya.
4. Barra minn hekk, l-EUCAP Sahel Mali għandha tikkoordina u tarmonizza l-azzjonijiet tagħha fil-qasam tar-riforma tas-sigurtà tagħha ma' MINUSMA u sħab internazzjonali oħrajn.
Artikolu 17
Rilaxx ta' informazzjoni
1. Ir-RGħ huwa awtorizzat jikkomunika jekk meħtieġ u skont il-ħtiġijiet tal- EUCAP Sahel Mali,lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewopea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” maħruġa għall-finijiet ta' EUCAP Sahel Mali, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
2. Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll jikkomunika lill-Istat ospitanti kull informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” maħruġa għall-finijiet tal-EUCAP Sahel Mali, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE msemmija hawn fuq. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3. Ir-RGħ huwa awtorizzat jikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni Ewropea marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUCAP Sahel Mali u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4).
4. Ir-RGħ jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll il-kompetenza li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2, lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni skont l-Anness VI, taqsima VII tad-Deċiżjoni 2013/488/UE msemmija hawn fuq.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ u dewmien
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Din għandha tapplika għal perijodu ta' 24 xahar mid-data tat-tnedija tal-EUCAP Sahel Mali.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' April 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Saħel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/87/PESK tat-18 ta' Frar 2013 dwar il-bidu ta' missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (ĠU L 46, 19.2.2013, p. 27).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).