This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0137
Council Decision 2014/137/EU of 14 March 2014 on relations between the European Union on the one hand, and Greenland and the Kingdom of Denmark on the other
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal- 14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/137/UE tal- 14 ta’ Marzu 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra
ĠU L 76, 15.3.2014, pp. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020
|
15.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/137/UE
tal-14 ta’ Marzu 2014
dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa l-waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Skont it-Trattat li jemenda, fir-rigward tal-Groenlandja, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej (2) (it-Trattat tal-Groenlandja), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma japplikax aktar għall-Groenlandja. Iżda il-Groenlandja, peress li hija parti minn Stat Membru, hija assoċjata mal-Unjoni bħala wieħed mill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (OCTs). |
|
(2) |
Fil-preambolu tiegħu, it-Trattat tal-Groenlandja jiddikjara li għandhom jiġu introdotti arranġamenti li jippermettu ż-żamma tar-rabtiet mill-qrib u dejjiema bejn l-Unjoni u l-Groenlandja u li għandu jittieħed kont tal-interessi reċiproċi, l-aktar il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-Groenlandja, u li l-arranġamenti applikabbli għall-OCTs stabbiliti fir-Raba’ Parti tat-TFUE jipprovdu qafas adatt għal dawk ir-relazzjonijiet. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 198 tat-TFUE, l-għan tal-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-OCTs u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejniethom u l-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha. Skont l-Artikolu 204 tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 198 sa 203 tat-TFUE japplikaw għall-Groenlandja, soġġetti għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Protokoll (Nru 34) dwar l-arranġamenti speċjali għall-Groenlandja annessi għat-TFUE. |
|
(4) |
Id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 198 sa 202 tat-TFUE huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (3). |
|
(5) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2003 dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Term tar-Raba’ Protokoll dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, il-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja, u filwaqt li rrikonoxxa l-importanza ġeostrateġika tal-Groenlandja għall-Unjoni u l-ispirtu ta' kooperazzjoni li jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Unjoni li tagħti status ta' territorju extra-Ewropew lill-Groenlandja, il-Kunsill qabel li kien hemm bżonn li jitwessgħu u jissaħħu r-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u l-Groenlandja, filwaqt li jittieħed kont tal-importanza tas-sajd u l-ħtieġa għal riformi strutturali u settorjali fil-Groenlandja. Il-Kunsill kompla jisħaq fuq l-impenn tiegħu li fil-ġejjieni jibbaża r-relazzjoni ta’ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Groenlandja wara l-2006 fuq sħubija komprensiva għall-iżvilupp sostenibbli li tkun tinkludi ftehim speċifiku dwar is-sajd, innegozjat skont ir-regoli u l-prinċipji ġenerali għal ftehimiet bħal dawn. |
|
(6) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland, min-naħa l-oħra (4), konkluż bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/2007 (5) ifakkar l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li rriżulta mid-deċiżjoni tal-Komunità li tagħti l-istatus ta’ territorju extra-Ewropew lill-Groenlandja. |
|
(7) |
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern Awtonomu tal-Groenlandja u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, dwar is-sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Groenlandja, iffirmata fil-Lussemburgu fis-27 ta' Ġunju 2006, fakkret ir-rabtiet storiċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Groenlandja u enfasizzat il-ħtieġa għal tisħiħ ulterjuri tas-sħubija u l-kooperazzjoni bejniethom. |
|
(8) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni min-naħa waħda, u l-Groenlandja u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra, huma rregolati, fost oħrajn, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE (6), li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2013. |
|
(9) |
L-Unjoni teħtieġ li tibni sħubiji komprensivi ma' atturi ġodda fix-xena internazzjonali sabiex tippromwovi ordni internazzjonali stabbli u inklussiv, biex tippromwovi għanijiet pubbliċi globali u tiddefendi l-interessi tal-Unjoni, kif ukoll biex iżżid l-għarfien tal-Unjoni f'pajjiżi terzi u f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej. |
|
(10) |
Is-sħubija taħt din id-Deċiżjoni għandha tippermetti t-tkomplija tar-relazzjonijiet sodi bejn l-Unjoni, min-naħa waħda, u l-Groenlandja u d-Danimarka, min-naħa l-oħra, u għandha twieġeb għall-isfidi globali, filwaqt li tippermetti l-iżvilupp ta’ aġenda proattiva u l-kisba tal-interessi reċiproċi. L-isħubija għandha wkoll torbot mal-objettivi msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” ('l-Istrateġija Ewropa 2020), u b'hekk tipprovdi konsistenza mal-istrateġija Ewropa 2020 u l-promozzjoni tal-politiki u l-objettivi interni ddefiniti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 intitolata “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima”, u tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu. |
|
(11) |
L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiffoka fuq oqsma fejn ikollha l-akbar impatt, wara li tiġi kkunsidrata l-kapaċità tagħha li taġixxi fuq skala globali u twieġeb għall-isfidi globali bħall-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv jew il-promozzjoni tad-demokrazija madwar id-dinja, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-involviment prevedibbli u fit-tul tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp u r-rwol tagħha fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri tagħha. |
|
(12) |
Is-sħubija taħt din id-Deċiżjoni għandha tipprevedi qafas li jkun jippermetti diskussjonijiet regolari dwar kwistjonijiet ta’ interess għall-Unjoni jew għall-Groenlandja, bħall-kwistjonijiet globali, fejn skambju ta’ fehmiet, u konverġenza possibbli ta’ ideat u opinjonijiet, jista’ jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet. B'mod partikolari, l-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq l-attività tal-bniedem u l-ambjent, it-trasport marittimu, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, jirrikjedu djalogu u kooperazzjoni msaħħa. |
|
(13) |
L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni, allokat permezz tas-sħubija, għandha ġġib magħha perspettiva tal-UE għall-iżvilupp tal-Groenlandja u għandha jikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rabtiet mill-qrib u dejjiema magħha, filwaqt li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Groenlandja bħala ċentru mbiegħed avvanzat tal-Unjoni, ibbażat fuq il-valuri komuni u l-istorja li tgħaqqad lill-imsieħba. |
|
(14) |
L-assistenza finanzjarja tal-UE għall-perijodu 2014-2020, għandha tiffoka fuq qasam wieħed jew massimu tnejn ta’ kooperazzjoni, li jippermettu li l-impatt tas-sħubija jiġi massimizzat u li jippermettu li jkun hemm ekonomiji tal-kobor, effetti ta’ sinerġija, u effikaċja u viżibbiltà akbar tal-azzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(15) |
Il-kooperazzjoni taħt din id-Deċiżjoni għandha tiżgura li l-flussi tar-riżorsi jingħataw fuq bażi prevedibbli u regolari u li jkunu flessibbli u mfassla b’mod speċifiku għas-sitwazzjoni fil-Groenlandja. Għal dan il-għan, l-appoġġ baġitarju għandu jintuża kull fejn dan ikun fattibbli u adatt. |
|
(16) |
Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8). |
|
(17) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu, inkluż permezz tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn adatt, sanzjonijiet. Dawk il-miżuri għandhom jitwettqu skont il-ftehimiet applikabbli konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi. |
|
(18) |
Id-dokumenti ta’ programmar u miżuri ta’ finanzjament meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tal-orjentazzjoni politika tagħhom u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta’ eżami fil-prinċipju għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri implimentattivi tekniċi ta' skala finanzjarja żgħira. |
|
(19) |
Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u japplikaw għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni kif adatt. |
|
(20) |
Huwa xieraq li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn id-Deċiżjoni 2006/526/KE u din id-Deċiżjoni u li jiġi allinjat il-perijodu ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (11). Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
TAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett, objettiv ġenerali u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni, min-naħa waħda, u l-Groenlandja u d-Danimarka min-naħa l-oħra (is-“sħubija”).
2. Is-sħubija għandha l-għan li żżomm ir-rabtiet mill-qrib u dejjiema bejn l-imsieħba, filwaqt li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli tal-Groenlandja.
Is-sħubija tirrikonoxxi l-pożizzjoni ġeostrateġika tal-Groenlandja fir-Reġjun tal-Artiku, il-kwistjonijiet ta’ esplorazzjoni u użu tar-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, u tiżgura kooperazzjoni msaħħa u djalogu politiku dwar dawk il-kwistjonijiet.
Artikolu 2
Prinċipji ġenerali tas-sħubija
1. Is-sħubija għandha tiffaċilita l-konsultazzjonijiet u d-djalogu politiku dwar l-objettivi speċifiċi u l-oqsma ta’ kooperazzjoni msemmija f'din id-Deċiżjoni.
2. B'mod partikolari, is-sħubija għandha tiddefinixxi l-qafas għad-djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' interess komuni għal kull imsieħeb, b’hekk tipprovdi l-bażi għal kooperazzjoni u djalogu wesgħin f'oqsma bħal:
|
(a) |
Kwistjonijiet globali li jikkonċernaw, fost oħrajn, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, it-trasport marittimu, ir-riċerka u l-innovazzjoni; u |
|
(b) |
Kwistjonijiet relatati mal-Artiku. |
3. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tiġi żgurata l-koerenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif ukoll ma’ politiki rilevanti oħra tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-miżuri ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni għandhom ikunu pprogrammati abbażi tal-politiki ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni stabbiliti, inter alia, fi ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjanijiet ta’ azzjoni, u f’konformità mal-istrateġiji ta’ kooperazzjoni adottati skont l-Artikolu 4.
4. Deċiżjonijiet dwar attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jittieħdu b’konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Gvern tal-Groenlandja, il-Gvern tad-Danimarka u l-Kummissjoni Ewropea. Tali konsultazzjonijiet għandhom isiru f’konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta’ kull wieħed mill-partijiet. Għal dan il-għan, l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun ġestita mill-Gvern tal-Groenlandja u mill-Kummissjoni f’konformità mar-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed minnhom.
Artikolu 3
Objettivi speċifiċi u oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni
1. L-objettivi speċifiċi ta’ din is-sħubija huma:
|
(a) |
li jkun hemm appoġġ u kooperazzjoni mal-Groenlandja tkun assistita fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin tagħha, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni sostenibbli tal-ekonomija, il-ħtieġa li jiżdiedu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha, u l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi ta’ informazzjoni tagħha fil-qasam tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni. Il-kisba ta’dawk l-objettivi għandha titkejjel permezz tal-persentaġġ tal-bilanċ tal-kummerċ fil-PDG, il-persentaġġ tas-settur tas-sajd fl-esportazzjonijiet totali, u r-riżultati tal-indikaturi tal-istatistika fl-edukazzjoni kif ukoll indikaturi oħra meqjusa bħala adatti. |
|
(b) |
biex jingħata kontribut għall-kapaċità tal-amministrazzjoni tal-Groenlandja biex tifformula u timplimenta aħjar il-politiki nazzjonali b'mod partikolari f’oqsma ġodda ta’ interess reċiproku kif identifikat fid-Dokument ta' Programmar għall-Iżvilupp Sostenibbli imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1). Il-kisba ta' dak l-objettiv għandha titkejjel b'indikaturi, bħall-għadd tal-persunal amministrattiv li jlesti t-taħriġ u l-persentaġġ tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku li huma residenti (fit-tul) fil-Groenlandja. |
2. L-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni tas-sħubija għandhom jinkludu:
|
(a) |
l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-turiżmu u l-kultura; |
|
(b) |
ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima; |
|
(c) |
l-enerġija, il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità; |
|
(d) |
il-kwistjonijiet relatati mal-Artiku; |
|
(e) |
is-settur soċjali; il-mobbiltà tal-ħaddiema, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali, is-sikurezza alimentari u l-kwistjonijiet ta' sikurezza alimentari; u |
|
(f) |
ir-riċerka u l-innovazzjoni f’oqsma bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima, ir-reżistenza għad-diżastri, ir-riżorsi naturali, inkluża l-materja prima, u l-użu sostenibbli ta' riżorsi ħajjin. |
TAQSIMA 2
IPPROGRAMMAR U IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 4
Ipprogrammar
1. Fi ħdan il-qafas tas-sħubija, il-Gvern tal-Groenlandja għandu jassumi r-responsabbiltà għall-formulazzjoni u l-adozzjoni tal-politiki settorjali fl-oqsma ta’ kooperazzjoni prinċipali msemmija fl-Artikolu 3(2) u għandu jipprovdi s-segwitu adegwat.
Fuq dik il-bażi, il-Gvern tal-Groenlandja għandu jħejji u jippreżenta Dokument ta’ Pprogrammar indikattiv għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Groenlandja (“il-PDSD” – Programming Document for the Sustainable Development). Il-PDSD għandu jipprovdi qafas koerenti għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Groenlandja, li huwa konsistenti mal-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni ġenerali, l-objettivi, il-prinċipji u l-politiki tal-Unjoni.
2. It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-PDSD għandhom jikkonformaw mal- prinċipji ta’ effettività tal-għajnuna: sjieda nazzjonali, sħubija, koordinazzjoni, armonizzazzjoni, allinjament ma’ sistemi nazzjonali, responsabbiltà reċiproka u orjentazzjoni lejn ir-riżultati.
3. Il-PDSD għandu jibbaża fuq lezzjonijiet meħudin u fuq l-aħjar prattiki u għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjonijiet u djalogu mas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u partijiet interessati oħrajn sabiex jiżgura l-involviment suffiċjenti tagħhom u appartenenza sussegwenti tal-PDSD.
Il-PDSD għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet u għandu jwieġeb għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Groenlandja, inklużi l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp soċjoekonomiku.
4. L-abbozz tal-PDSD għandu jkun is-suġġett ta' skambju ta' fehmiet bejn il-Gvern tal-Groenlandja, il-Gvern tad-Danimarka u l-Kummissjoni.
Il-Gvern tal-Groenlandja għandu jkun responsabbli għall-finalizzazzjoni tal-PDSD. Wara l-finalizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-PDSD, biex tiddetermina jekk huwiex konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, u jekk fihx l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi adottata d-deċiżjoni dwar il-finanzjament annwali. Il-Gvern tal-Groenlandja għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, inklużi r-riżultati ta' kwalunkwe studju fattibbli, għal dik il-valutazzjoni.
5. Il-PDSD għandu jiġi approvat skont il-proċedura ta’ eżami, msemmija fl-Artikolu 8(2). Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll għal reviżjonijiet sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b’mod sinifikanti l-istrateġija jew l-ipprogrammar tagħha.
Il-proċedura ta' eżami ma għandhiex tapplika għal modifiki mhux sostanzjali għall-PDSD, bħal aġġustamenti tekniċi, ir-riallokazzjoni ta' fondi fi ħdan l-allokazzjonijiet indikattivi għal kull qasam ta' prijorità, jew żieda jew tnaqqis fid-daqs tal-allokazzjoni indikattiva inizjali b’inqas minn 20%, sakemm dawk il-modifiki ma jaffettwawx l-oqsma ta’ prijorità u l-objettivi stabbiliti fil-PDSD. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika tali modifiki mhux sostanzjali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien xahar mid-data ta' adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti.
6. Kwalunkwe programmar jew reviżjoni tal-programmi li jseħħu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 7 għandhom jieħdu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.
Artikolu 5
Implimentazzjoni
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f'din id-Deċiżjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 u mal-għan u l-kamp ta' applikazzjoni ġenerali, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
Regoli tal-akkwisti
Għandhom japplikaw ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini għall-akkwist pubbliku, proċeduri ta' għotjiet u proċeduri oħra ta' għotjiet iddefiniti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, applikabbli għall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).
Artikolu 7
Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-PDSD u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni
1. Sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-Gvern tal-Groenlandja, il-Gvern tad-Danimarka, u l-Kummissjoni għandhom iwettqu rieżami ta’ nofs it-terminu tal-PDSD u l-impatt tiegħu fuq il-Groenlandja kollha. Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi atturi mhux Statali u awtoritajiet lokali.
2. B'deroga mill-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, sat-30 ta' Ġunju 2018, għandu jitfassal rapport mill-Kummissjoni dwar l-ilħuq tal-objettivi u l-valur miżjud Ewropew ta' din id-Deċiżjoni, permezz ta' riżultati u indikaturi tal-impatt dwar l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tat-tipi ta' miżuri ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu jindirizza wkoll l-iskop għal simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tal-kooperazzjoni stabbilita b’din id-Deċiżjoni, jekk l-objettivi kollha tiegħu għadhomx rilevanti, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni li jkun hemm tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huwa għandu jqis kwalunkwe sejba u konklużjoni dwar l-impatt fit-tul tad-Deċiżjoni 2006/526/KE.
3. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Groenlandja sabiex tipprovdi d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f'konformità mal-prinċipji dwar l-effettività tal-għajnuna, li jippermetti l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Groenlandja (“il-kumitat”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta fil-perijodu ta’ żmien limitat għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob li jsir dan.
Artikolu 9
Kamp ta' applikazzjoni u metodu tal-finanzjament
1. Fil-qafas tal-politiki settorjali stabbiliti mill-Gvern tal-Groenlandja, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista’ tingħata għall-attivitajiet li ġejjin:
|
(a) |
riformi u proġetti li huma konformi mal-PDSD; |
|
(b) |
żvilupp istituzzjonali, il-bini tal-kapaċità u l-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali u tat-tibdil fil-klima; u |
|
(c) |
programmi ta’ kooperazzjoni teknika. |
2. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata l-iktar permezz tal-appoġġ baġitarju.
Artikolu 10
Ammont ta' referenza finanzjarja
L-ammont indikattiv għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta’ EUR 217 800 000.
TAQSIMA 3
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
M. CHRISOCHOIDIS
(1) Opinjoni tal-5 ta' Frar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(4) ĠU L 172, 30.6.2007, p. 4.
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/2007 tat- 28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland, min-naħa l-oħra (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 1).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (ĠU L 208, 29.7.2006, p. 28).
(7) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(8) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad- 29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(9) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(10) Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).
(11) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(12) Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).