EUR-Lex Prístup k právu Európskej únie

Späť na domovskú stránku portálu EUR-Lex

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 32014D0051

2014/51/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189)

ĠU L 32, 1.2.2014, s. 32 – 32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Právny stav dokumentu Účinné

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/51(1)/oj

1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Jannar 2014

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189)

(2014/51/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qegħdin jippromwovu r-ratifika ta’ konvenzjonijiet internazzjonali dwar ix-xogħol li ġew ikklassifikati bħala aġġornati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, bħala kontribut lejn l-isforz tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi xogħol diċenti għal kulħadd, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, u li tiegħu il-ħarsien u t-titjib tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jikkostitwixxu aspetti importanti.

(2)

Il-parti l-kbira tar-regoli skont il-Konvenzjoni Nru 189 dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni”, huma koperti fil-maġġoranza tagħhom mill-acquis tal-Unjoni fl-oqsma tal-politika soċjali, l-antidiskriminazzjoni, il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-ażil u l-immigrazzjoni.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema domestiċi migranti jaffettwaw il-moviment liberu tal-ħaddiema — qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant, partijiet mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, u l-Istati Membri ma jistgħux jidħlu f’impenji b’rabta ma’ dawn il-partijiet barra mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(5)

L-Unjoni Ewropea ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, billi Stati biss jistgħu jkunu partijiet fiha.

(6)

F’din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jikkooperaw fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni.

(7)

Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbuta mil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni permezz tat-Trattati, il-Konvenzjoni dwar ix-xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi, 2011, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (il-Konvenzjoni Nru 189).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


Začiatok