Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0050

2014/50/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Jannar 2014 dwar it-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa

ĠU L 32, 1.2.2014, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/50(1)/oj

1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2014

dwar it-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa

(2014/50/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 186 flimkien mal-punt (v) tal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni 2000/742/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (il-“Ftehim”).

(2)

L-Artikolu 12(b) tal-Ftehim jistipula, b’mod partikolari, li l-Ftehim jista’ jiġġedded bi qbil komuni bejn il-Partijiet għal perjodi addizzjonali ta’ ħames snin. Permess tad-Deċiżjoni 2009/313/KE (3), il-Kunsill kien approva t-tiġdid tal-Ftehim għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin.

(3)

Wara analiżi konġunta tal-Ftehim, iż-żewġ Partijiet ħadu nota tar-rakkomandazzjoni minn esperti indipendenti li l-Ftehim għandu jkun imġedded għal perjodu ieħor ta’ ħames snin fil-forma attwali tiegħu.

(4)

Il-Partijiet għall-Ftehim jikkunsidraw li t-tiġdid tal-Ftehim ikun fl-interess reċiproku tagħhom.

(5)

Il-kontenut tal-Ftehim imġedded ser jkun identiku għall-kontenut tal-Ftehim li jiskadi fl-20 ta’ Frar 2014.

(6)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

(7)

It-tiġdid tal-Ftehim għandu jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, għal perjodu addizzjonali ta’ ħames snin, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha neċessarji għat-tiġdid tal-Ftehim f’konformità mal-punt(b) tal-Artikolu 12 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħmel in-notifika li ġejja:

“Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita kull dritt u tassumi kull obbligu tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, kull referenza għall-‘Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim għandha tinqara, fejn ikun il-każ, bħala referenza għall-‘Unjoni Ewropea’.”.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/742/KE tas-16 ta’ Novembru 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 299, 28.11.2000, p. 14).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/313/KE tat-30 ta’ Marzu 2009 dwar it-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 92, 4.4.2009, p. 3).


Top