Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1375

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1375/2013 tad- 19 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 346, 20.12.2013, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1375/oj

    20.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 346/42


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1375/2013

    tad-19 ta’ Diċembru 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jaddotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fis-27 ta' Ġunju 2013, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ppubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl intitolati Novazzjoni ta' Derivati u l-Kontinwazzjoni ta’ Kontabilità għall-Hedging. L-għan tal-emendi hu li jipprovdu ħelsien f’sitwazzjonijiet fejn derivat, li nħatar bħala strument tal-hedging, ikun innovat minn kontroparti waħda għal kontroparti ċentrali bħala konsegwenza tal-liġijiet jew tar-regolamenti. Ħelsien bħal dan ifisser li l-kontabilità għall-hedging tista’ tkompli irrispettivament min-novazzjoni li, mingħajr l-emenda, ma tkunx permessa.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġ l-ikklerjar ta' ċerta klassi ta' derivati OTC. Bħala konsegwenza, il-kontropartijiet ta’ ċerti strumenti għall-hedging għandhom jaqblu li jissostitwixxu l-kontroparti oriġinali tagħhom tat-tranżazzjoni tal-hedging b'kontroparti ċentrali li hija konformi mar-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament.

    (4)

    Sabiex jiġi evitat il-piż tar-rapportar finanzjarju li jirriżulta min-novazzjoni ta’ derivati OTC għal kontroparti ċentrali bħala konsegwenza tal-liġijiet jew tar-regolamenti jew l-introduzzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti, huwa meħtieġ li ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti eżistenti għas-sospensjoni tal-kontabilità għall-hedging fl-IAS 39.

    (5)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IAS 39 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39, Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2014 jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


    ANNESS

    IAS 39

    IAS 39

    Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

    "Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, ħlief għad-dritt ta' kkupjar għall-użu personali jew skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org"

    Emendi għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

    Novazzjoni ta' Derivattivi u Kontinwazzjoni ta' Kontabilità għall-Hedging

    Il-paragrafi 91 u 101 huma emendati.

    Hedges tal-valur ġust

    91

    Entità għandha twaqqaf b'mod prospettiv il-kontabilità tal-hedging speċifikata fil-paragrafu 89 jekk:

    (a)

    l-istrument tal-hedging jiskadi jew jiġi mibjugħ, itterminat jew eżerċitat. Għal dan l-iskop, is-sostituzzjoni jew ir-rifinanzjament ta' strument tal-hedging bi strument ieħor tal-hedging ma jirrappreżentax skadenza jew terminazzjoni jekk tali sostituzzjoni jew rifinanzjament ikun parti mill-istrateġija tal-hedging dokumentata tal-entità. Barra minn hekk, għal dan l-għan l-istrument tal-hedging ma jiskadix jew ma jiġix itterminat jekk:

    (i)

    bħala konsegwenza ta' liġijiet jew regolamenti jew l-introduzzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti, il-partijiet għall-istrument tal-hedging jaqblu li kontraparti tal-ikklerjar waħda jew aktar jieħdu post il-kontraparti oriġinali tagħhom biex isiru l-kontropartijiet il-ġodda għal kull waħda mill-partijiet. Għal dan l-għan, kontroparti tal-ikklerjar hi kontroparti ċentrali (xi kultant imsejħa “organizzazzjoni tal-ikklerjar” jew “aġenzija tal-ikklerjar”) jew entità jew entitajiet, pereżempju, membru tal-ikklerjar ta' organizzazzjoni tal-ikklerjar, li qed jaġixxu bħala kontroparti sabiex iwettqu l-ikklerarjar minn kontroparti ċentrali. Madankollu, meta l-partijiet għall-istrument tal-hedging jissostitwixxu l-kontrapartijiet oriġinali tagħhom b'kontropartijiet differenti dan il-paragrafu għandu japplika biss jekk kull waħda minn dawk il-partijiet twettaq l-ikklerjar mal-istess kontroparti ċentrali.

    (ii)

    bidliet oħra, jekk hemm, għall-istrument tal-hedging huma limitati għal dawk li huma neċessarji biex titwettaq tali sostituzzjoni tal-kontroparti. Dawn il-bidliet huma limitati għal dawk li huma konsistenti mat-termini li kienu jkunu mistennija jekk l-istrument tal-hedging oriġinarjament kien approvati mal-kontroparti tal-ikklerjar. Dawn il-bidliet jinkludu bidliet f’rekwiżiti kollaterali, drittijiet biex jiġu bbilanċjati l-bilanċi tar-riċevibbli u l-pagabbli, u l-ħlasijiet imposti.

    (b)

    Hedges tal-fluss ta' flus

    101

    F'kull ċirkostanza li ġejja entità għandha twaqqaf b'mod prospettiv l-kontabilità tal-hedge speċifikat fil-paragrafi 95–100:

    (a)

    L-istrument tal-hedging jiskadi jew jiġi mibjugħ, itterminat jew eżerċitat. F'dan il-każ, il-qligħ jew telf kumulattiv fuq l-istrument tal-hedging li kien rikonoxxut fi dħul ieħor komprensiv mill-perijodu ta' meta l-hedge kien effettiv (ara l-paragrafu 95(a) għandu jibqa' rikonoxxut separatament f'ekwità sakemm it-tranżazzjoni mbassra sseħħ. Meta t-tranżazzjoni sseħħ, japplika l-paragrafu 97, 98 jew 100. Għall-iskop ta'dan is-sottoparagrafu, is-sostituzzjoni jew ir-rifinanzjament ta' strument tal-hedging bi strument ieħor tal-hedging ma jirrappreżentax skadenza jew terminazzjoni jekk tali sostituzzjoni jew rifinanzjament ikun parti mill-istrateġija tal-hedging dokumentata tal-entità. Barra minn hekk, għall-iskop ta'dan is-sottoparagrafu l-istrument tal-hedging ma jiskadix jew ma jiġix itterminat jekk:

    (i)

    bħala konsegwenza ta' liġijiet jew regolamenti jew l-introduzzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti, il-partijiet għall-istrument tal-hedging jaqblu li kontraparti tal-ikklerjar waħda jew aktar jieħdu post il-kontraparti oriġinali tagħhom biex isiru l-kontropartijiet il-ġodda għal kull waħda mill-partijiet. Għal dan l-għan, kontroparti tal-ikklerjar hi kontroparti ċentrali (xi kultant imsejħa “organizzazzjoni tal-ikklerjar” jew “aġenzija tal-ikklerjar”) jew entità jew entitajiet, pereżempju, membru tal-ikklerjar ta' organizzazzjoni tal-ikklerjar, li qed jaġixxu bħala kontroparti sabiex iwettqu l-ikklerarjar minn kontroparti ċentrali. Madankollu, meta l-partijiet għall-istrument tal-hedging jissostitwixxu l-kontrapartijiet oriġinali tagħhom b'kontropartijiet differenti dan il-paragrafu għandu japplika biss jekk kull waħda minn dawk il-partijiet twettaq l-ikklerjar mal-istess kontroparti ċentrali.

    (ii)

    bidliet oħra, jekk hemm, għall-istrument tal-hedging huma limitati għal dawk li huma neċessarji biex titwettaq tali sostituzzjoni tal-kontroparti. Dawn il-bidliet huma limitati għal dawk li huma konsistenti mat-termini li kienu jkunu mistennija jekk l-istrument tal-hedging kien oriġinarjament approvat mal-kontroparti tal-ikklerjar. Dawn il-bidliet jinkludu bidliet f’rekwiżiti kollaterali, drittijiet biex jiġu bbilanċjati l-bilanċi tar-riċevibbli u l-pagabbli, u l-ħlasijiet imposti.

    (b)

    Jiżdiedu l-paragrafu 108D u, fl-Appendiċi A, il-paragrafu AG113A.

    Data effettiva u tranżizzjoni

    108D

    Novazzjoni ta’ Derivattivi u l-Kontinwazzjoni ta’ kontabilità għall-Hedging (Emendi għall-IAS 39), maħruġa f’Ġunju 2013, emendat il-paragrafi 91 u 101 u żiedet il-paragrafu AG113A. Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2014 jew wara. Entità għandha tapplika dawk l-emendi retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji. Hija permessa applikazzjoni aktar kmieni. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

    Stima tal-effettività tal-hedge

    AG113A

    Biex jiġi evitat id-dubju, l-effetti ta’ sostituzzjoni tal-kontroparti oriġinali ma’ kontroparti tal-ikklerjar u li jsiru bidliet assoċjati kif deskritt fil-paragrafi 91(a)(ii) u 101(a)(ii) għandhom jiġu riflessi fil-kejl tal-istrument tal-hedging u għalhekk fil-valutazzjoni tal-effettività tal-hedge u l-kejl tal-effettività tal-hedge.


    Top