EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1360

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013 tat- 2 ta’ Diċembru 2013 li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006

ĠU L 343, 19.12.2013, p. 2–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1360/oj

19.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1360/2013

tat-2 ta’ Diċembru 2013

li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 (1), u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(8), l-Artikolu 16(5), u l-Artikolu 18(5), jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati dwar l-imposta bażika tal-produzzjoni u l-imposta B li trid tinġabar mid-detenturi tal-kwota li joperaw fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkar, il-koeffiċjenti għall-kalkolu ta’ imposta addizzjonali, u l-ħlas lura jew l-irkupru ta’ parti mill-imposti mill-bejjiegħa tal-pitravi.

(2)

Il-Kummissjoni stabbiliet l-imposti tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2001/2002 (2), 2002/2003 (3), 2003/2004 (4), 2004/2005 (5) u 2005/2006 (6).

(3)

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jistipula li meta imposta bażika tal-produzzjoni kienet anqas mill-ammont massimu msemmi fl-Artikolu 15(3) jew meta l-imposta B imsemmija f’dak l-Artikolu kienet aktar baxxa mill-ammont massimu msemmi fl-Artikolu 15(4) ta’ dak ir-Regolament, aġġustata, meta meħtieġ, f’konformità mal-Artikolu 15(5), il-manifatturi taz-zokkor kellhom ikunu meħtieġa li jħallsu lill-bejjiegħa tal-pitravi 60 % tad-differenza bejn l-ammont massimu tal-imposta kkonċernata u l-imposta li kellha titħallas.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002 (7), l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta bażika massima tal-produzzjoni u l-imposta B u l-imposta li trid titħallas, ġie stabbilit għas-snin tas-suq 2002/2003 (8), 2003/2004 (9) u 2005/2006 (10).

(5)

Fil-qafas tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 (11) ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1260/2001 mis-sena tas-suq 2006/2007. Ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, li sussegwentement ġie revokat u inkorporat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (12), issostitwixxa s-sistema tal-imposta varjabbli tal-produzzjoni taz-zokkor li tikkonsisti fl-awtofinanzjament tas-sistema tal-kwota tal-produzzjoni permezz ta’ imposta fuq il-produzzjoni bil-għan li jingħata kontribut għall-ispejjeż tal-infiq li jseħħ fis-settur taz-zokkor skont l-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor.

(6)

Fit-8 ta’ Mejju 2008, fil-kawżi konġunti C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat lir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 (13) u (KE) Nru 1775/2004 (14) bħala invalidi. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti sostniet li l-kwantitajiet kollha taz-zokkor fil-prodotti esportati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni tħallsux jew le, għandhom jitqiesu għall-iskop tal-kalkolu tat-telf medju stmat għal kull tunnellata ta’ prodott.

(7)

Il-Qorti, fil-kawżi konġunti C-175/07 sa C-184/07, u fil-kawżi C-466/06 u C-200/06, ddikjarat ukoll lir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005 (15) bħala invalidu.

(8)

Sabiex ikun hemm konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1193/2009 (16).

(9)

Fid-29 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fil-kawża T-4/06, li fiha ddikjarat li ma kienx hemm bażi legali xierqa għal koeffiċjent divrenzjat għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor, u annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1686/2005, kif emendat bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1193/2009.

(10)

Fis-27 ta’ Settembru 2012, fil-kawżi konġunti C-113/10, C-147/10 u C-234/10 l-Qorti ddikjarat lir-Regolament (KE) Nru 1193/2009 bħala invalidu, fejn stqarret li, għall-fini tal-kalkolu tat-telf medju stmat għal kull tunnellata ta’ prodott, l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 kellu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-ammont totali ta’ rifużjonijiet tinkludi l-ammont totali tal-esportazzjoni effettivament imħallsa.

(11)

Konsegwentement, l-imposti fis-settur taz-zokkor għandhom ikunu ffissati fil-livell xieraq. Għall-esportazzjonijiet definiti skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, it-‘telf medju’, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001, għandu jiġi kkalkulat bid-diviżjoni tar-rifużjonijiet effettivament imħallsa mill-kwantitajiet esportati, irrispettivament mill-fatt jekk ir-rifużjoni tħallsitx jew le. L-‘eċċess li jista’ jkun esportat’, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001, għandu wkoll jiġi kkalkolat bl-użu tal-esportazzjonijiet kollha, irrispettivament mill-fatt jekk ir-rifużjoni tkunx tħallset jew le.

(12)

Meta jitqies li l-metodu ntuża sabiex jiġu kkalkulati l-imposti għas-sena tas-suq 2001/2002 kien l-istess bħal dak invalidat mill-Qorti, l-imposti tal-produzzjoni kif ukoll il-koeffiċjenti tal-imposta addizzjonali għas-sena tas-suq 2001/2002 għandhom ukoll jiġu kkoreġuti kif xieraq.

(13)

Mis-sentenza tal-Qorti jirriżulta li l-imposti kkoreġuti għandhom japplikaw mill-istess dati tal-imposti li ġew iddikjarati invalidi.

(14)

Bħala riżultat tal-iffissar tal-imposti taz-zokkor, skont il-metodu imsemmi fil-premessa 11 l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposti li għandhom jitħallsu għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006 għandhom ukoll ikunu stabbiliti mill-ġdid, u għandhom ikunu applikabbli retroattivament.

(15)

Għas-sena tas-suq 2001/2002, it-telf ġenerali mhux kopert ikkalkolat wara l-metodu msemmi fil-premessa (11) jammonta għal EUR 14 123 937. Il-koeffiċjent imsemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għandu jkun stipulat kif xieraq u għandu japplika retroattivament għal dik is-sena tas-suq.

(16)

Għas-sena tas-suq 2002/2003, l-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-premessa (11) tirriżulta fi 2 % għall-imposta bażika tal-produzzjoni u 16,371 % għall-imposta B, li għandhom ikunu applikabbli retroattivament għal dik is-sena tas-suq. It-telf totali kkalkolat mill-ġdid huwa kopert fl-intier tiegħu mill-irċevuti tal-imposta bażika tal-produzzjoni u l-imposta B. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġi ffissat il-koeffiċjent addizzjonali msemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għal dik is-sena tas-suq.

(17)

Għas-sena tas-suq 2002/2003, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1440/2002 (17) stabbilixxa l-ammont massimu tal-imposta B għal 37,5 % fil-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad. Madankollu l-imposta B applikabbli għal dik is-sena tas-suq, irriveduta skont il-metodu msemmi fil-premessa (11) hija 16,371 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad. Din id-differenza tirrikjedi li l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi jiġi ffissat għal kull tunnellata ta’ pitravi ta’ kwalità standard għal dik is-sena tas-suq, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001.

(18)

Għas-sena tas-suq 2003/2004, l-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-premessa (11) twassal għal 2 % għall-imposta bażika tal-produzzjoni u 17,259 % għall-imposta B. It-telf totali kkalkolat mill-ġdid huwa kopert fl-intier tiegħu mill-irċevuti tal-imposta bażika tal-produzzjoni u l-imposta B. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġi ffissat il-koeffiċjent addizzjonali msemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għal dik is-sena tas-suq.

(19)

Għas-sena tas-suq 2003/2004, ir-Regolament (KE) Nru 1440/2002 stabbilixxa l-ammont massimu tal-imposta B għal 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad. Madankollu l-imposta B applikabbli għal dik is-sena tas-suq, riveduta skont il-metodu msemmi fil-premessa (11) hija 17,259 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad. Din id-differenza tirrikjedi li l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi jiġi ffissat għal kull tunnellata ta’ pitravi ta’ kwalità standard għal dik is-sena tas-suq, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001.

(20)

Għas-sena tas-suq 2004/2005, l-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-premessa (11) ma tbiddilx l-imposta bażika tal-produzzjoni u l-imposta B. Għal dik is-sena tas-suq, it-telf ġenerali mhux kopert ikkalkolat skont il-metodu msemmi fil-premessa 11 jammonta għal EUR 57 648 788. Il-koeffiċjent imsemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għandu jiġi stabbilit. Dan isegwi mis-sentenza tal-Qorti msemmija fil-premessa 9 li l-koeffiċjent għandu jkun uniformi għall-Istati Membri tal-Unjoni kif kostitwit fit-30 ta’ April 2004 u għall-Istati Membri tal-Unjoni kif kostitwit fl-1 ta’ Mejju 2004.

(21)

Għas-sena tas-suq 2005/2006, l-applikazzjoni tal-metodu msemmi fil-premessa (11) twassal għal ammont ta’ 1,2335 % għall-imposta bażika tal-produzzjoni mingħajr il-bżonn tal-imposta B. Għal dik is-sena tas-suq, it-telf ġenerali kkalkolat mill-ġdid huwa kopert fl-intier tiegħu mill-irċevuti tal-imposta bażika tal-produzzjoni u ma hemmx bżonn li jiġi ffissat il-koeffiċjent addizzjonali msemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001.

(22)

Għas-sena tas-suq 2005/2006, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1296/2005 (18) stabbilixxa l-ammont massimu tal-imposta B għal 37,5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad. Filwaqt li l-imposta bażika tal-produzzjoni, applikabbli għal dik is-sena tas-suq, riveduta skont il-metodu msemmi fil-premessa (11), hija 1,2335 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad, ma hemm l-ebda bżonn li tiġi ffissata imposta B. Minħabba dawn id-differenzi, huwa meħtieġ li jiġu ffissati ammonti għal kull tunnellata ta’ pitravi ta’ kwalità standard li għandhom jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi għal dik is-sena tas-suq, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001.

(23)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikun żgurat li jkun hemm trattament uniformi tal-operaturi kkonċernati fi Stati Membri differenti, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita data komuni li fiha l-imposti ffissati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti, fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 (19). Madankollu, din l-iskadenza ma għandhiex tapplika fejn l-Istati Membri huma meħtieġa, mil-liġi nazzjonali, li jirrimborżaw lil operaturi kkonċernati wara dik id-data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness.

2.   Il-koeffiċjenti meħtieġa għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness.

3.   L-ammonti li għandhom jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi, fir-rigward tal-imposti A jew B għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006, għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness.

Artikolu 2

Id-data tat-twaqqif, kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tal-imposti ffissati b’dan ir-Regolament, għandha tkun mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014, ħlief meta l-Istati Membri jiġu impeduti milli jirrispettaw dik l-iskadenza minħabba l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-irkupru minn operaturi ekonomiċi tas-somom imħallsin iżda mhux dovuti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) għandu japplika minn:

16 ta’ Ottubru 2002 għas-sena tas-suq 2001/2002,

8 ta’ Ottubru 2003 għas-sena tas-suq 2002/2003,

15 ta’ Ottubru 2004 għas-sena tas-suq 2003/2004,

18 ta’ Ottubru 2005 għas-sena tas-suq 2004/2005, u

23 ta’ Frar 2007 għas-sena tas-suq 2005/2006.

L-Artikolu 1(2) għandu japplika minn:

16 ta’ Ottubru 2002 għas-sena tas-suq 2001/2002, u

18 ta’ Ottubru 2005 għas-sena tas-suq 2004/2005.

L-Artikolu 1(3) għandu japplika minn:

8 ta’ Ottubru 2003 għas-sena tas-suq 2002/2003,

15 ta’ Ottubru 2004 għas-sena tas-suq 2003/2004, u

23 ta’ Frar 2007 għas-sena tas-suq 2005/2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002 (ĠU L 278, 16.10.2002, p. 13).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 (ĠU L 254, 8.10.2003, p. 4).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 (ĠU L 316, 15.10.2004, p. 64).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005 (ĠU L 271, 15.10.2005, p. 12).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 164/2007 (ĠU L 51, 20.2.2007, p. 17).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002 tal-20 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor (ĠU L 50, 21.2.2002, p. 40).

(8)  ĠU L 254, 8.10.2003, p. 5.

(9)  ĠU L 316, 15.10.2004, p. 65.

(10)  ĠU L 51, 20.2.2007, p. 16.

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1).

(12)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(13)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor tas-snin tas-suq 2002/2003 (ĠU L 254, 8.10.2003, p. 4).

(14)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 tal-14 ta’ Ottubru 2004 li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/2004 (ĠU L 316, 15.10.2004, p. 64).

(15)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005 tal-14 ta’ Ottubru 2005 li tiffissal-imposti ta’ produzzjoni u l-koeffiċjent għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2004/2005 (ĠU L 271, 15.10.2005, p. 12).

(16)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009 tat-3 ta’ Novembru 2009 li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 (ĠU L 321, 8.12.2009, p. 1).

(17)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1440/2002 tas-7 ta’ Awwissu 2002 li jirrevedi l-ammont massimu għall-imposta B tal-produzzjoni u li jemenda l-prezz minimu għall-pitravi B fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/03 (ĠU L 212, 8.8.2002, p. 3).

(18)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1296/2005 tal-5 ta’ Awwissu 2005 li jirrevedi l-ammont massimu għall-imposta B tal-produzzjoni u li jemenda l-prezz minimu għall-pitravi B fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2005/06 (ĠU L 205, 6.8.2005, p. 20).

(19)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1).


ANNESS

(1)

L-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor imsemmija fl-Artikolu 1(1)

 

2001/2002

2002/2003

2003/2004

2004/2005

2005/2006

(a)

EUR għal kull tunnellata ta’ zokkor abjad bħala imposta bażika tal-produzzjoni għaz-zokkor A u għaz-zokkor B

12,638

12,638

12,638

12,638

7,794

(b)

EUR għal kull tunnellata ta’ zokkor abjad bħala imposta B fuq iz-zokkor B

236,963

103,447

109,061

236,963

(c)

EUR għal kull tunnellata ta’ sustanza niexfa bħala imposta bażika tal-produzzjoni tal-isoglukożju A u l-isoglukożju B

5,330

5,330

5,330

5,330

3,394

(d)

EUR għal kull tunnellata ta’ sustanza niexfa bħall-imposta B fuq l-isoglukożju B

99,424

46,017

48,261

99,424

(e)

EUR għal kull tunnellata ta’ sustanza niexfa ekwivalenti għal zokkor/isoglukożju, bħala imposta bażika tal-produzzjoni għall-ġulepp tal-inulina A u għall-ġulepp tal-inulina B

12,638

12,638

12,638

12,638

7,794

(f)

EUR għal kull tunnellata ta’ sustanza niexfa ekwivalenti għal zokkor/isoglukożju bħall-imposta B fuq il-ġulepp tal-inulina B.

236,963

103,447

109,061

236,963

(2)

Il-koeffiċjenti neċessarji għal kalkolu tal-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2)

Is-sena tas-suq 2001/2002: 0,01839

Is-sena tas-suq 2004/2005: 0,07294

(3)

Ammonti li għandhom jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tal-imposti A jew B imsemmija fl-Artikolu 1(3)

 

2002/2003

2003/2004

2005/2006

Prezz tal-komplement għall-pitravi A (*)

 

 

0,378

Prezz tal-komplement għall-pitravi B (*)

10,414

9,976

18,258


(*)  Prezz tal-komplement fir-rigward tal-imposta A jew B għal kull tunnellata ta’ pitravi ta’ kwalità standard (EUR).


Top