Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1332

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat- 13 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ĠU L 335, 14.12.2013, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1332/oj

14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1332/2013

tat-13 ta’ Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fi 13 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/760/PESK (2) li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Għandha tingħata deroga mill-projbizzjoni tal-finanzjament u tal-assistenza finanzjarja relatata ma' ċerti oġġetti u teknoloġija fir-rigward ta' attivitajiet imwettqa mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) f'konformità mal-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) 2118(2013).

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn f'sikurezza lis-sidien leġittimi ta' oġġetti li jikkostitwixxu wirt kulturali Sirjan li tneħħew illegalment mis-Sirja, huwa neċessarju li jiġu previsti miżuri restrittivi addizzjonali sabiex jiġu pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta' tali oġġetti.

(4)

Għandha tingħata deroga mill-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa għall-assistenza umanitarja biss jekk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-NU għall-iskop li tali assistenza tingħata f'konformità mal-Pjan ta’ Reazzjoni għall-Assistenza Umanitarja għas-Sirja (SHARP). Meta jitqiesu t-talbiet għall-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont tal-prinċipji umanitarji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza kif stabbiliti fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

(5)

Jeħtieġ li tingħata deroga addizzjonali mill-iffriżar ta' assi u l-projbizzjoni ta' tqegħid għad-dispożizzjoni ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi sabiex jitħallew isiru trasferimenti minn persuna jew entità mhux elenkata lil persuna jew entità mhux elenkata, permezz ta' entità elenkata, b'konnessjoni ma' kuntratt kummerċjali speċifiku għall-provvisti mediċinali, ikel, kenn, drenaġġ jew iġjene għall-użu ċivili.

(6)

Il-miżuri msemmijin hawn fuq jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikulari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija neċessarja azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 (3) għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   B'deroga mill-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness III, jistgħu jagħtu, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, awtorizzazzjoni ta' bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir, oġġetti jew teknoloġija kif elenkati fl-Anness IA li twettaq f'konformità mal-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118(2013) u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), b'mod konsistenti mal-għan tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu tal-Armi Kimiċi u l-Qerda tagħhom (Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi) u wara konsultazzjoni mal-OPCW.”;

(2)

fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5.   B'deroga mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness III, jistgħu jagħtu, skont tali kondizzjonijiet li huma jqisu adatti, awtorizzazzjoni għall-provvediment tal-għajnuna teknika, is-servizzi ta' senserija, il-finanzjament jew l-għajnuna finanzjarja b'rabta ma' tagħmir, oġġetti jew teknoloġija kif elenkati fl-Anness IA fejn tali għajnuna finanzjarja, servizzi ta' senserija, finanzjament jew għajnuna finanzjarja jiġu pprovduti għall-bejgħ, il-provvediment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tali tagħmir, oġġetti jew teknoloġija li twettaq f'konformità mal-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118(2013) u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW, konsistentement mal-għan tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u wara konsultazzjoni mal-OPCW.”;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3b

L-Artikolu 3a ma għandux japplika għall-provvediment tal-finanzjament jew l-għajnuna finanzjarja, inklużi d-derivattivi finanzjarji, kif ukoll għall-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid ta' kwalunkwe importazzjoni jew trasportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jekk dawn joriġinaw mis-Sirja, jew jekk qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor, li twettaq f'konformità mal-paragrafu 10 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118(2013) u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW, konsistentement mal-għan tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.”;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11c

1.   Għandhom jiġi pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasferiment, jew il-provvediment ta' servizzi ta' senserija marbuta mal-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta' oġġetti ta' proprjetà kulturali Sirjana u oġġetti oħra ta' importanza arkeoloġika, storika, kulturali, dik xjentifika jew reliġjuża rari, inklużi dawk elenkati fl-Anness XI, fejn hemm raġunijiet validi għal suspett li l-oġġetti tneħħew mis-Sirja mingħajr il-kunsens tas-sid leġittimu tagħhom jew tneħħew bi ksur tal-liġi Sirjana jew tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari jekk l-oġġetti jiffurmaw parti integrali tal-kollezzjonijiet pubbliċi elenkati fl-inventarji tal-kollezzjonijiet ta' konservazzjoni ta' mużewijiet, arkivji jew libreriji Sirjani, jew l-inventarji ta' istituzzjonijiet reliġjużi Sirjani.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika jekk jintwera li:

(a)

l-oġġetti ġew esportati mis-Sirja qabel id-9 ta' Mejju 2011; jew

(b)

l-oġġetti qed jiġu riornati f'sikurezza lis-sidien leġittimi tagħhom fis-Sirja.”;

(5)

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16, il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, u sakemm, fil-każ ta' rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu rilaxxati lin-NU għall-iskop tat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza fis-Sirja f'konformità mal-Pjan ta’ Reazzjoni għall-Assistenza Umanitarja għas-Sirja (SHARP);”;

(6)

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16, jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

meħtieġ għall-evakwazzjonijiet mis-Sirja.”;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

“Artikolu 16a

1.   Awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 qabel 15 ta' Diċembru 2013 ma għandhomx jintlaqtu mill-modifiki għall-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 (4).

2.   Talbiet għal awtorizzazzjonijiet skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 ippreżentati qabel 15 ta' Diċembru 2013 għandhom jitqiesu rtirati sakemm il-persuna, l-entità jew il-korp tikkonferma l-intenzjoni tagħha li żżomm it-talba wara dik id-data.

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 ta' 13 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 3).”"

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21c

1.   B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kondizzjonijiet kif iqisu adatt:

(a)

trasferiment mill-Bank Kummerċjali tas-Sirja jew permezz tiegħu ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi rċevuti minn barra t-territorju tal-Unjoni u ffriżati wara d-data tan-nomina tiegħu fejn it-trasferiment ikun marbut ma' pagament dovut b'konnessjoni ma' kuntratt kummerċjali speċifiku għall-provvisti mediċinali, ikel, kenn, drenaġġ jew iġjene għall-użu ċivili; jew

(b)

trasferiment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi rċevuti minn barra t-territorju tal-Unjoni lill-Bank Kummerċjali tas-Sirja jew permezz tiegħu fejn it-trasferiment ikun marbut ma' pagament dovut b'konnessjoni ma' kuntratt kummerċjali speċifiku għall-provvisti mediċinali, ikel, kenn, drenaġġ jew iġjene għall-użu ċivili;

sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti tkun identifikata, fuq bażi ta' każ b'każ, li l-pagament mhux ser jiġi rċevut direttament jew indirettament minn kwalunkwe persuna jew entità elenkata fl-Anness II jew IIa u sakemm it-trasferiment mhuwiex ipprojbit mod ieħor minn dan ir-Regolament.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fi żmien erba' ġimgħat, bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.”;

(9)

l-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness XI.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. MAZURONIS


(1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK ta' 13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (Ara paġna 50 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Regolament (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1).


ANNESS

“ANNESS XI

Lista tal-kategoriji ta' oġġetti msemmijin fl-Artikolu 11c

kodiċi ex NM

Deskrizzjoni tal-prodott

9705 00 00

1.

Oġġetti arkeoloġiċi li għandhom aktar minn 100 sena li huma prodotti ta':

9706 00 00

skavi u sejbiet fuq l-art jew taħt l-ilma

siti arkeoloġiċi

kollezzjonijiet arkeoloġiċi

9705 00 00

9706 00 00

2.

Elementi li jiffurmaw parti integrali minn monumenti artistiċi, storiċi jew reliġjużi li jkunu ġew imkissra, ta’ età li teċċedi 100 sena

9701

3.

Stampi u pitturi, ħlief dawk inklużi fil-kategorija 4 jew 5, magħmulin kompletament bl-idejn b'kull mezz u fuq kull materjal (1)

9701

4.

Akkwarelli, gouaches u pastelli magħmulin kompletament bl-idejn fuq kull materjal (1)

6914

9701

5.

Mużajk b'kull tip ta’ materjal magħmul kompletament bl-idejn, ħlief dawk li jidħlu fil-kategorija 1 jew 2, u tpinġijiet b'kull tip ta’ mezz magħmulin kompletament bl-idejn fuq kull tip ta’ materjal (1)

Kapitolu 49

9702 00 00

8442 50 80

6.

Inċiżjonijiet oriġinali, stampi, serigrafi u litografi bil-plates rispettivi u l-posters oriġinali tagħhom (1)

9703 00 00

7.

Skulturi jew statwi oriġinali u kopji magħmulin bl-istess proċess bħall-oriġinal (1) ħlief dawk fil-kategorija 1

3704

3705

3706

4911 91 00

8.

Ritratti, films u negattivi tagħhom (1)

9702 00 00

9706 00 00

4901 10 00

4901 99 00

4904 00 00

4905 91 00

4905 99 00

4906 00 00

9.

Inkunabula u manuskritti, inklużi mapep u partituri tal-mużika, weħidhom jew f'kollezzjonijiet (1)

9705 00 00

9706 00 00

10.

Kotba ta’ aktar minn 100 sena, weħidhom jew f'kollezzjonijiet

9706 00 00

11.

Mapep stampati ta’ aktar minn 200 sena

3704

3705

3706

4901

4906

9705 00 00

9706 00 00

12.

Arkivji, u kull elementi tagħhom, ta’ kull xeħta jew ta’ kull mezz li għandhom aktar minn 50 sena

9705 00 00

13.

(a)

Kollezzjonijiet (2) u eżemplari minn kollezzjonjiet zooloġiċi, botaniċi, mineroloġiċi jew anatomiċi;

9705 00 00

(b)

Kollezzjonijiet (2) ta' interess storiku, paleontoloġiku, etnografiku jew numismatiku

9705 00 00

Kapitoli 86-89

14.

Mezzi ta’ trasport li għandhom aktar minn 75 sena

 

15.

Kull oġġett antik ieħor mhux inkluż f'kategoriji 1 sa 14

 

(a)

li għandhom bejn 50 u 100 sena:

Kapitolu 95

ġugarelli, logħob

7013

oġġetti tal-ħġieġ

7114

oġġetti li jintużaw minn arġentiera tad-deheb jew tal-fidda

Kapitolu 94

għamara

Kapitolu 90

apparat ottiku, fotografiku jew ċinematografiku

Kapitolu 92

strumenti mużikali

Kapitolu 91

arloġġi u arloġġi tal-idejn u partijiet tagħhom

Kapitolu 44

oġġetti tal-injam

Kapitolu 69

fuħħar

5805 00 00

arazzi

Kapitolu 57

twapet

4814

karta tal-ħajt

Kapitolu 93

armi

9706 00 00

(b)

li għandhom aktar minn 100 sena.


(1)  Li għandhom aktar minn 50 sena u mhumiex propjetà tal-oriġinaturi tagħhom.

(2)  Kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża 252/84 kif ġej: "Biċċiet ta' kolletturi fl-ambitu tas-sinifikat tal-intestatura Nru 97.05 tat-Tariffi Komuni Doganali huma oġġetti li għandhom il-karatteristici meħtieġa biex jiddaħħlu f'kollezzjoni, jiġifieri, oġġetti li huma relattivament rari, ma jintużawx normalment għall-iskop oriġinali tagħhom, huma s-suġġett ta' tranżazzjonijiet speċjali 'l barra mill-kummerċ normali ta' oġġetti simili utilitarji u huma ta' valur għoli".”


Top