Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1322

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1322/2013 tal- 11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-għoti ta’ aċċess bla dazju mingħajr limitu lill-Unjoni għall-2014 għal ċerti prodotti li joriġinaw min-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009

ĠU L 333, 12.12.2013, p. 68–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1322/oj

12.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/68


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1322/2013

tal-11 ta’ Diċembru 2013

dwar l-għoti ta’ aċċess bla dazju mingħajr limitu lill-Unjoni għall-2014 għal ċerti prodotti li joriġinaw min-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll Nru 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (3) tal-14 ta’ Mejju 1973, u l-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE, kif emendat mid-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 140/2001 (4) u Nru 138/2004 (5) (minn hawn ‘il quddiem “il-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE”) jistabbilixxu l-arranġamenti kummerċjali għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli proċessati bejn il-Partijiet Kontraenti.

(2)

Il-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE jipprovdi għal dazju b’rata żero li japplika għal ċerti ilmijiet miżjuda biz-zokkor jew b’materjal ieħor tal-ħlewwa jew għat-togħma, klassifikati bil-kodiċi NM 2202 10 00 u għal ċerti xarbiet oħra mhux alkoħoliċi li fihom iz-zokkor jew b’materjal ieħor tal-ħlewwa jew għat-togħma bl-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam li ġej minn prodotti bl-intestaturi 0401 sa 0404, klassifikati bil-kodiċi NM 2202 90 10.

(3)

Id-dazju b’rata żero għall-ilmijiet u xarbiet l-oħra konċernati ġie sospiż temporanjament għan-Norveġja bil-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (6) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri”) approvat mid-Deċiżjoni 2004/859/KE. Skont il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri, l-importazzjonijiet eżenti mid-dazju ta’ prodotti bil-kodiċi NM 2202 10 00 u ex 2202 90 10 li joriġinaw fin-Norveġja għandhom jiġu permessi biss fil-limiti ta’ kwota eżenti mid-dazju, filwaqt li għandu jitħallas id-dazju fuq importazzjonijiet barra mill-allokazzjoni tal-kwota.

(4)

Barra minn hekk, il-Ftehim fl-għamla ta’ Skambju ta’ Ittri jeżiġi li l-prodotti konċernati għandhom jingħataw aċċess mingħajr limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju għall-Unjoni jekk il-kwota tat-tariffa ma tkunx ġiet eżawrita sal-31 ta’ Ottubru tas-sena preċedenti. Skont id-dejta li tat il-Kummissjoni, il-kwota annwali għas-sena 2013 għall-ilmijiet u x-xarbiet konċernati li nfetħet mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1085/2012 (7) ma kinitx ġiet eżawrita sal-31 ta’ Ottubru 2013. Għalhekk, il-prodotti konċernati għandhom jingħataw aċċess mingħajr limitu ta’ eżenzjoni mid-dazju għall-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014.

(5)

Għalhekk jeħtieġ li għall-2014, titneħħa s-sospensjoni temporanja tar-reġim bla dazju applikat skont il-Protokoll 2 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta’ Mejju 1973.

(6)

Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, jixraq li jitħassru d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni li ma għadx għandhom effett legali fejn jidħlu s-sitwazzjonijiet preżenti u futuri. Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1085/2012 għandu jitħassar.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli proċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-oġġetti klassifikati bil-kodiċijiet NM 2202 10 00 (ilmijiet, inkluż ilma minerali u ilma bil-gass, li jkun fih iz-zokkor miżjud jew ħlewwa oħra jew togħma) u ex 2202 90 10 (xarbiet oħra mhux alkoħoliċi li fihom iz-zokkor (sukrożju jew zokkor invertit)) li joriġinaw min-Norveġja għandhom jingħataw aċċess bla dazju mingħajr limitu għall-Unjoni.

2.   Ir-regoli tal-oriġini applikabbli għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta’ Mejju 1973.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1085/2012 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)  ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 140/2001 tat-23 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Protokolli 2 u 3 għall-Ftehim taż-ŻEE, dwar prodotti agrikoli proċessati u prodotti agrikoli oħrajn (ĠU L 22, 24.1.2002, p. 34).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 138/2004 tad-29 ta’ Ottubru 2004 li temenda l-Protokoll 3 għall-Ftehim taż-ŻEE, dwar prodotti msemmija fl-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim (ĠU L 342, 18.11.2004, p. 30).

(6)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1085/2012 tal-20 ta’ Novembru 2012 li jiftaħ il-kwota tariffarja għas-sena 2013 għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti oġġetti li joriġinaw fin-Norveġja li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 (ĠU L 322, 21.11.2012, p. 2).


Top